Fi stqarrija li l-Isqfijiet tal-Unjoni Ewropea bagħtu nhar l-Erbgħa 3 ta’ Marzu, ħeġġew lill-mexxejja Ewropej biex jipproteġu l-ġranet ta’ mistrieħ mix-xogħol, li fil-parti l-kbira tal-pajjiżi hu tradizzjonalment il-Ħadd.
L-Isqfijiet spjegaw li l-pandemija tal-Covid ġabet magħha sfidi ġodda ta’ sigħat itwal ta’ xogħol billi ħafna qed jaħdmu mid-dar. Dan qed iwassal għal żbilanċ fil-mod ta’ ħajja tan-nies u qed jaffettwa s-saħħa ta’ ħafna. Ix-xogħol fl-għaxijiet u fil-weekends qiegħed dejjem jiżdied billi l-impjegati qed ikunu mitluba li jagħtu iktar ħin għax-xogħol tagħhom. F’tul ta’ żmien dan se jaffettwa s-saħħa mentali tan-nies. Għalhekk hu meħtieġ li jkun hemm ġurnata komuni ta’ mistrieħ.
L-Isqfijiet ħeġġew lill-mexxejja politiċi Ewropej biex jagħmlu titjib li jinħass u biex jagħtu prijorità għal spazji ta’ mistrieħ fil-ħajja taċ-ċittadini Ewropej.
Rapport għal-Laikos minn Joe Galea