Lectio Divina għar-4 Ħadd tar-Randan. Sena “B”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Ġw. 3. 14-21):  Nikodemu mar ifittex lil Ġesu biex ikellmu.  Kien Rabbi, Fariżew, wieħed mill-kapijiet tal-poplu u mgħallem. Mar bil-lejl mhux għax beża’ li jingħaraf minn xi ħadd, imma għax il-kliem u l-aġir provokkattiv ta’ Ġesu fit-tempju laqtu fil-laħam il-ħaj. Kien ġest u sinjal profetiku.  Għalhekk xtaq jifhem aktar il-messaġġ ta’ Ġesu. Dan jurina li mhux il-Fariżej kollha kien moħħhom magħluq.  Xi wħud kienu josservaw it-Torah b’sinċerita’ kbira u jfitttxu l-verita’. Nikodemu kien wieħed minn dawn.

  1. Ir-Rabbini kienu jirriflettu fuq l-iskrittura Mqaddsa fil-ħemda tal-lejl. Dan il-ħin hemm iktar ċans li wieħed jifhem il-messaġġ tas-silta li jkun qed jikkontempla, u jinterjorizzaha (jagħmilha tiegħu). Kemm is-Salmista u kemm Ġesu kienu jitolbu bil-lejl.  Anki aħna llum mal-lejl jiġuna tħassib li nkunu ħloqna matul ir-rutina tal-jum, u fil-kwiet, naraw kif nistgħu insolvuhom.
  2. Bla dubju Nikodemu kellu ideja tal-Messija bħall-Lhud l-oħra (dik ta’ politiku qawwi u arroganti, eċċ). Forsi kienu r-Rabbini tal-klikka tiegħu li bagħtuh għand Ġesu biex isaqsih l-iskop tal-aġir u l-kliem tiegħu, u, permezz ta’ hekk, fejn kien bi ħsiebu jasal.  Għalhekk ħass il-bżonn li jsir jafu aħjar.  Ħafna minna llum isibu lil Nikodemu simpatiku, għax jixbaħna f’dawk is-sentimenti sbieħ u puri fina li jqanqlu x-xewqa li nsiru nafu lil Ġesu dejjem aħjar.
  3. Nikodemu sinċier, imma jsibha bi tqila jaċċetta tagħlim fuq il-Messija differenti minn dak li kien sema’ ħajtu kollha. Xorta waħda jmur ifittex il-verita’. Anki aħna meta nisimgħu xi tifsira ġdida u friska ta’ xi suġġett li fuqu kellna idejat fissi f’moħħna (p.e. l- Amoris Laetitiae) insibuha bi tqila biex naċċettawha. Bħal Nikodemu jiħtiġilna nfittxu dejjem il-verita’ rivelata lill-mexxejja tal-Knisja mill-Ispirtu s-Santu.  B’hekk inkunu nistgħu ninterpretaw sew is-sinjali ta’ żminijietna u nitwieldu mill-ġdid, mhux fiżikament imma spiritwalment.
  4. “Jiħtieġ li Bin il-Bniedem ikun merfugħ. Dak in-nhar, niġbed lil kulħadd lejja, u ssiru tafu l-Identita’ tiegħi.” Kull bniedem iħobb jogħla u jilħaq biex jikkmanda. Mhux għalhekk ried jogħla Ġesu. Isaija jgħid: “Il-qaddej tal-Mulej se jkollu suċċess.  Jiġi mgħolli ‘l fuq ħafna u onorat.” Imma jkompli: “Bħal ħaruf meħud għall-qatla, bħal nagħġa siekta quddiem min iġiżżha, il-qadddej  jibqa’ sieket, immaqdar u maħqur b’kull mod. Ikollok tgħatti wiċċek għax ma tkunx tiflaħ tħares lejh.” Ġesu jirreferi għal dis-silta u għal oħra mill-Ktieb tan-Numri, meta Mose’ refa’ serp tal-bronz (xbieha ta’ dak li kellu jgħaddi minnu Kristu) fid-deżert biex, kull min kien migdum minn sriep velenużi, iħares lejh u jfieq. Kif is-serp tal-bronz mgħolli fuq lasta twila kien mezz ta’ fejqan mill-velenu tas-sriep ħajjin, hekk Bin il-Bniedem mgħolli fuq salib se jkun għajn ta’ fejqan u salvazzjoni mill-velenu tad-dnub. Kull min iħares lejn Kristu msallab u jaċċetta l-proposta tiegħu ta’ dinja ġdida ta’ mħabba u servizz lejn il-proxxmu, ifieq u jsalva.  Dil-qagħda fl-għoli fuq salib hi meqjusa l-aktar baxxa min-nies tad-dinja, imma minn Ġesu bħala l-qagħda tal-bniedem awtentitiku u li rnexxa. Anki aħna niltaqgħu ma’ sriep fil-mixja tagħna: (a) barra minna – konsumiżmu, wegħdi ta’ pjaċiri li ma jħallukx tagħraf it-tajjeb mill-ħażin, eċċ; (b) fina – ferneżija biex nakkumulaw il-ġid, kilba għall-poter, vanita’ (arani!), eġoiżmu, eċċ. Kif se nfiequ minn dal-velenu? Billi nsammru ħarsitna fuq Kristu msallab u nimxu fuq it-tagħlim u l-eżempju ta’ dak li ta ħajtu għall-oħrajn.
  5. “Kull min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.” Dan mhux il-premju tal-futur imma rejalta’ preżenti, i.e. ikollu l-ħajja tal-Etern tgħix fih, kif Ġesu qal lil Marta: “Min jemmen fija, ukoll jekk imut,  għandu (mhux ikollu) l-ħajja eterna.” Mela, attenti għas-sriep li jridu jivvalenawna u joqtlulna dil-ħajja.
  6. Nikodemu jmur lura d-dar aktarx diżappuntat. Nerġgħu nisimgħu bih waqt laqgħa tal-poplu mal-Fariżej. Hawn jaqbeż għal Ġesu: “Il-liġi tippermettilna li nikkundannaw raġel bla ma nisimgħuh?” Il-Fariżej jgħadduh b’injorant: “Mur studja l-Iskrittura u tara kif l-ebda profeta ma ħareġ mill-Galilija.” Nerġgħu mbagħad narawh fid-difna ta’ Ġesu.
  7. Ġwanni, li għamel l-esperjenza tal-Qawmien, issa jkompli b’riflessjoni tiegħu: “Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minna…” Quddiem Kristu msallab ħafna jaraw falliment, dulur, telfa.  Ġwanni jara manifestazzjoni ta’ mħabba, agapann, kelma li tidher għall-ewwel darba. Ġwanni se jużaha 36 darba oħra. Din mhux (a) eran – imħabba passjonali, (b) filei – imħabba tal-ħbieb. (ċ) stergein – imħabba familjari.  Agapann hi l-imħabba ta’ bin il-Bniedem, i.e. imħabba bla kundizzjoni, bla “imma” jew “forsi”. Imħabba li se tikkaratterizza n-Nisrani, jiġifieri li jfittex il-ħin kollu il-bżonnijiet u l-ferħ tal-proxxmu. “Alla tant ħabb id-dinja li ta (bħala rigal) lill-Ibnu l-waħdieni.” Id-dinja mhux tal-ġebel imma l-umanita,’ li rvellat kontra Alla, tbiegħdet minnu u mingħaliha ħasbet li se tilħaq il-milja (fulfillment) tal-ħajja tagħha mingħajru.  Ħasbet li min jgħix il-Vanġelu bil-fors li jkun imdejjaq (la tigdibx, la tisraqx, la…eċċ). Allura fittxet il-ferħ band’oħra. Mela Alla jrid li din l-umanita’ tinfetaħ għall-imħabba Tiegħu.
  8. “Min ma jemminx huwa ġa kkundannat,” għax ħalla lilu nnifsu jinħakem mill-egoiżmu u l-aġir tal-ilpup.  F’did-dinja ta’ lpup Alla bagħat Ħaruf li għamel ħaqq. Dan ma jfissirx li qata’ xi sentenza imma li kixef il-maskri tal-ilpup u qalilhom: “Dan mhux mod kif wieħed jilħaq il-milja u r-rejalizzazzjoni tal-ħajja umana u awtentika.” Il-Ħaruf, imbagħad, tana eżempju ta’ dil-ħajja fuq is-Salib.  Mela, s-salvazzjoni li qed jitkellem fuqha hawn, mhiex dik li mmorru l-Ġenna wara qrara tajba, imma li ngħixu issa dil-ħajja salvi bħala ulied veri tal-Missier billi nuru biċ-ċar il-ħajja tal-Etern fina: “Min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl biex juri li hemm Alla f’għemilu.” Mela l-ħaqq m’hu qatt kundanna imma dawl li jdawwal il-mixja tagħna, jikxfilna l-velenu li jfixkel triqatna  u jistedinna nħarsu lejn l-Imsallab biex infiequ.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: