Patri Ġwakkin ħelu għax mimli żelu

Dan l-aħħar oħtna l-mewt żaret il-Provinċja tagħna l-Kapuċċini Maltin u ħaditilna fl-eternità lil ħuna Patri Ġwakkin Mercieca OFM Cap. Min ma semax b’Patri Ġwakkin? Kif tista’ ma ssemmix lil dan il-Patri f’kull ħin? Daqskemm kien iħobb lill-Bambin?

Personalment ili naf lil dan il-Patri aktar minn tletin sena. U, sa minn kemm ilni nafu sallum dan il-Patri baqa’ jolqotni mhux għall-karattru sabiħ u ferrieħi tiegħu. Għalija dik hi xi ħaġa ħafna sekondarja. L-aktar li Patri Ġwakkin kien joloqtni kienet li l-Ispirtu tal-Mulej fih kien jagħmlu ferrieħi, u għalhekk sabiħ. Kien l-Ispirtu s-Santu li mlieh b’tant ferħ u sbuħija. Il-karattru kien biss qoxra ta’ dak li kellu jgħix ġewwa fih. Wara kollox il-bniedem, jagħmlu dak li hu, it-tip ta’ spirtu li jkollu jiġri ġewwa fih. Dak hu li jiddetermina xi jkun. Għalhekk naqbel ma’ dawk li fil-preżenza ta’ dan il-Patri kienu jħossu ħafna ferħ fil-qalb. U, kważi kważi, kont taraha bi tqila li jkollok titlaq minn ħdejh! X’kuntrast għal uħud li titlob lill-Mulej li jbegħdek ħa jħarsek mill-ispirtu ħażin ta’ ġo fihom!

Għal din l-okkażjoni ta’ niket iżda, u fl-istess ħin, ta’ radd-il ħajr lill-Mulej, l-Ispirtu s-Santu ma naqax li jagħtini poeżija iddedikata lil dan il-Patri u li naf, għax qaluli, li ħafna minnkom rawha fuq il-Facebook tiegħi. F’din il-poeżija ta’ tnax-il strofa ta’ żewġ versi ‘il waħda, bil-vers tad-disa’ u bir-rima aa, il-Mulej għinni nwassal x’teżor kellna jgħix magħna l-Kapuċċini u xi tlifna! In-numru tnax jurina kemm Patri Ġwakkin kien tassew Appostlu tal-imħabba ta’ Ġesù u Marija li kien tant iħobb!

Tirt għas-sema Patri ferrieħi/Li kull fejn kont fejjaqt il-ġrieħi. Patri Ġwakkin kien il-Patri Kapuċċin li kien ferrieħi għax mimli bl-ispirtu tal-fraternità vera. Kien jolqotni għax qatt ma semma’ il-kelma fraternità! Qatt ma ippriedkha! Qatt ma’ għamel xi teżi fuqha! Ma kellux bżonn ħi! Għax Patri Ġwakkin kien jgħixha minn filgħodu sa filgħaxija! Patri Ġwakkin kien fratern għax, il-qalb tajba tiegħu kienet tħaddan magħha lill-patrijiet kollha. L-aktar lil dawk il-povri li aqta’ kemm jidirsu fuqhom bla ħniena ta’ xejn! Kont tkun fil-preżenza ta’ Patri Ġwakkin, li ma kienx isemmi l-kelma fraternità u tħossok maħbub, imfejjaq u milqugħ. Kuntrarju għal min fraternità tiela’ u fraternità nieżla u kulfejn ikun iġib ostilità għax l-ispirtu tiegħu mmexxi mill-ħażen.

Ilsienek użajtu biex tferraħ/Għalhekk tifkirietek isserraħ! Kieku qatt smajtu jgħid kelma li hi kelma kontra xi ħadd! Minn fommu kienet toħroġ għanja ta’ ferħ, kuraġġ, fejqan u inkoraġġiment! Għalija bniedem bħal dan jibqa’ għażiż għax, kulfejn kien, uriena r-rubini tal-imħabba fraterna li, fil-preżenza tiegħu, tħossok maħbub u mhux imniggeż, imsawwat u mbenġel mix-xitan f’ħaddieħor. Veru li ma kienx eżatt kif ipoġġi kliem imma qalbu kienet xmara ta’ ħniena tfur! X’ma tħobbux! X’ma tibkiħx!

Bħal Franġisku int għożżejt il-ferħ/Għax fih biss stajt int issib is-serħ. Il-bniedem ferħan, għax maqgħud ma’ Kristu, hu l-bniedem li jnissel ħafna imħabba madwaru. Patri Ġwakkin il-ferħ ta’ Kristu kien jgħożżu l-għaliex għax kien jagħmilha miegħu. Kien jitlob quddiem Ġesù Sagramentat b’dan il-kliem qaddis: Qalb ta’ Ġesù agħmel li l-qalb tiegħi tkun tixbaħ lil tiegħek!

Ismek hekk ħelu Patri Ġwakkin/Umli tassew, wieħed miċ-ċkejknin. Patri Ġwakkin qatt ma fittex li jilħaq. Anzi! Meta kien Gwardjan għax laħquh u mhux għax ħadem kemm felaħ għaliha! Patri Ġwakkin kien umli l-għaliex kien jaf iħenn. Hu biss min jaf iħenn għal ħuħ li hu umli. Min lil ħuħ irid ikeċċih ‘l hemm mill-post fejn jaħdem, għax ma jniżżlux fl-istonku tiegħu, dak la hu ta’ Ġesù u la ċkejken u lanqas umli u lanqas mhu Nisrani.

Għalina lkoll int tappartjeni/Ħajtek siekta tħobb mingħajr xeni. Il-ħajja ta’ Patri Ġwakkin kienet backstage. Fis-skiet, fis-silenzju, imma jħobb. U jħobb ħafna u minn qalbu! Niftakar li, meta dan l-aħħar kien Gwardjan tiegħi fil-kunvent tat-Trinità Qaddisa fil-Marsa, sar jaf li nħobb l-ilma bil-gas. X’għamel? Kien jixtrili l-ilma u jtellagħli flixkun flixkun wara l-bieb. Hekk, meta kont niġi l-kunvent mix-xogħol ta’ tbatija fl-isptar kont insib dan il-flixkun tal-ilma fuq l-għatba ta’ bieb kamarti. Kien jaqbiżli d-dmugħ meta kont narah hemm! Dik imħabba! Dik fraternità! Għalhekk nemmnu jien lil Patri Ġwakkin l-għaliex ma jparlax fil-vojt imma jkellmek b’għemilu stess mimli mħabba u għożża! Sewwa mela l-Mulej kien tani għalih fl-istess poeżija meta għenni niktiblu: Għemilek ħelu, jferraħ lin-nies/Dejjem attent biex tħobb mingħajr qies.

Qalbek kbira għall-batut u l-fqir/Sirt fqir mal-foqra kif għandu jsir. Din kienet karatteristika oħra importanti fil-ħajja sempliċi u qaddisa ta’ Patri Ġwakkin. Ta’ veru Kapuċċin kien jgħin lil kulħadd. Anki lil dawk li ippreżentaw ruħhom ta’ fqar imma kienu biss bummers tal-prima klassi u qarrieqa mill-kbar nett. Qalbu kienet kbira u l-għaxqa tagħha kienet li tgħin lill-batut.

Imħabbtek kbira li wasslitek/Tkun missjunarju twajjeb b’ħiltek. Li nfetħet beraħ bħal imwrewħa/Quddiem ħnienet Kristu hekk ħelwa. Il-ħajja sabiħa ta’ Patri Ġwakkin bħala missjunarju kienet imrewħa għax ikkulurita mhux ħażin. Patri Ġwakkin kien missjunarju l-Kolumbja, il-Kenja u anki l-Kolumbja. L-ispirtu missjunarju li kellu jbaqbaq ġo fih ta’ mħabba u ġenerożità għal Ġesù wasslu biex jgħix, sa lanqas qattra, is-sentenza ta’ Ġesù li nsibu fil-vanġelu skont San Mattew li tgħid: Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu (Mt 28:19).

Kemm fil-vjaġġ Patri Piju farrġek/Kemm fakkrek li Kristu hu qablek. Din l-istrofa tal-poeżija tfakkarni bil-bosta fl-imħabba kbira li Patri Ġwakkin kellu lejn ħuna Patri Piju. Niftakar li darba qalli li meta kien fil-kunvent tagħna l-Kapuċċini f’San Giovanni Rotondo kien raqad f’dan il-kunvent fejn kien għex Patri Piju. Billejl jara lil Patri Piju ħdejn is-sodda tiegħu. Għal Patri Ġwakkin Patri Piju ma kienx il-qaddis mejjet tan-niċeċ imma ħabib tassew li kien jgħinu f’kollox matul il-mixja tiegħu ta’ fedeltà lejn Ġesù.

U ma’ Marija Ommna ifraħ/ Milli tkun hemm ħdejha x’hemm isbaħ? Tgħid Patri Ġwakkin kien ħdejn Ommna Marija tul ħajtu fuq din l-art? Jekk taqta’! Ir-Rużarju kienet it-talba li kienet tinżillu għasel! U, id-daqqa tal-mobile tiegħu qatt mhu ħa ninsieha. Kienet it-talba tas-Sliema għalik Marija! Daqshekk kien iħobbha lil Madonna dan il-Patri ta’ veru! Barra minhekk, Patri Ġwakkin kien ġieli jieħu l-kelba ħdejh fil-kappella ħalli miegħu, bil-mod kif taf hi, titlob hi wkoll it-talba tar-Rużarju. Għax min iħobb lil Ġesù u lil Marija anki lill-annimali jgħin biex iħobbuhom huma wkoll miegħu u magħha.

Strieħ issa fis-sliem Patri Ġwakkin/Ħallieh iħaddnek Alla l-Ħanin. Inħossni ċert li Patri Ġwakkin issa qiegħed jistrieħ fi ħdan il-Missier tagħna tas-sema. Hu li tant kien iħobb iqarar b’tant mogħdrija u ħniena, li kien iħenn għall-patrijiet ħutu l-aktar dawk li jaqilgħu fl-istonku tagħhom u mhumiex imniżżla fil-lista tal-ippreferuti. Huma nies bħal Patri Ġwakkin, li jħobbu liż-żgħir, lill-imwarrab u lil min hu maħqur għax jgħiru għalih u ma jaħmluħx pinġut għax bih u biha l-Mulej jagħmel ħafna ġid, li l-Bieb tal-Ġenna jinfetaħ beraħ għalihom. Mhux hekk qalilna Ġesù: Henjin dawk li jħennu, għax huma jsibu ħniena (Mt 5:7)?

Patri Ġwakkin kien Patri li baqa’ jħobbni sal-aħħar. Sal-aħħar kien baqa’ jselli għalija. Għalhekk għalija jibqa’ ħabib għażiż li t-tifkira tiegħu iġġib ferħ, kuraġġ, duwa u ħafna sliem fil-persekuzzjoni li jkolli nħabbat wiċċi magħha għax nimxi wara Ġesù.

Inħobbok ħija Patri Ġwakkin ħelu għax mimli żelu! Nimmissjak ħafna! Itlob għalija! Nitlob għalik! Berikni! Inbierkek!

Patri Mario Attard OFM Cap