Siġra minn kull Kattoliku fil-Bangladesh
Il-Knisja fil-Bangladesh daħlet għal proġett li jwieġeb għall-enċiklika LAUDATO SI’ tal-Papa Franġisku. L-400,000 Kattoliku tal-pajjiż ġew mistiedna biex jiżirgħu siġra biex juru l-kura tagħhom lejn l-ambjent. Fil-pajjiż sabiħ tal-Bangladesh, l-Isqfijiet Kattoliċi ħadu din l-inizjattiva fil-5 anniversarju tal-LAUDATO SI’. L-Arċisqof Emeritu ta’ Dhaka, il-Kardinal D’Rozario, żera’ 3 siġar bħala simbolu tal-kleru u r-reliġjużi, tal-komunità Kattolika u tal-istess Isqfijiet.
Is-siġar se jinżergħu fit-tmien djoċesijiet tal-pajjiż, fil-wesgħat tal-parroċċċi, fil-kunventi, fl-iskejjel, fil-ġonna u fid-djar. Fost is-siġar li se jinżergħu se jkun hemm dawk tal-frott, biex in-nies ikunu jistgħu igawdu minn dak li jiżirgħu. Is-siġar se jinżergħu f’żewġ staġuni ta’ monsoon minħabba l-ilma.
Fil-messaġġ tiegħu, il-Kardinal D’Rozario qal: “Il-Knisja hi bħall-melħ tal-art. M’għandekx bżonn ħafna melħ għal ma platt ross. Li trid hu ftit melħ biex jagħti togħma tajba.”
https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-03/bangladesh-laudato-si-tree-planting-catholic.html
Rapport għal-Laikos minn Joe Galea