Qegħdin fi żmien ir-Randan. Huwa żmien speċjali fil-kalendarju liturġiku, peress li huwa preparazzjoni għall-festa tal-Għid il-Kbir.
Hemm diversi ħwejjeġ li nistgħu nwettqu matul ir-Randan, speċjalment it-talb, is-sawm u l-karità. Iżda hawnhekk ser nitkellem fuq l-eżami tal-kuxjenza, li huwa wieħed mill-għodda li bihom nistgħu nimxu ‘l quddiem fil-ħajja spiritwali.
Ma hemmx bżonn li jkun ir-Randan biex nagħmlu eżami tal-kuxjenza, iżda matul dan iż-żmien nistgħu nagħmlu wieħed speċjali. Nidħlu daħla fina nfusna u naraw kif sejrin fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla, mal-proxxmu u magħna nfusna. Dawn it-tliet dmirijiet, jiġifieri lejn Alla, lejn il-proxxmu u lejna nfusna, imissu l-aspetti kollha ta’ ħajjitna.
Fejn insibu li sejrin tajjeb, għandna nifirħu u nirringrazzjaw lil Alla. Għandna wkoll nitolbuh ħalli jkompli jagħtina l-għajnuna tiegħu ħalli dan it-tajjeb inkomplu nwettquh. Iżda fejn naraw li sejrin ħażin, ma għandniex naqtgħu, qalbna imma nduru lejn Alla ħalli jagħtina l-għajnuna tiegħu.
Li wieħed jaqa’ fid-dnub jew jaqbad triq żbaljata hija xi ħaġa ħażina. Iżda jekk il-bniedem iwebbes qalbu jew jaqta’ qalbu mill-ħniena ta’ Alla hija xi ħaġa agħar. Li wieħed jikkonverti jkun qiegħed juri rieda tajba. Kristu stess qabbel lilu nnifsu ma’ tabib li ġie biex ifejjaq il-morda.
Meta wieħed jiskuraġġixxi ruħu minħabba d-dgħufija tiegħu jew jaqta’ qalbu mill-ħniena ta’ Alla jħares lejn Kristu msallab. Flok Alla kkundannana minħabba d-dnub, bagħat lil Ġesù biex ipatti minflokna.
Niftakru li Kristu miet fuq is-salib mhux biex ikun il-kundanna tagħna iżda biex ikun ta’ fidwa, ta’ kuraġġ u ta’ tama.
Minn Angelo Xuereb