Ħames snin wara l-pubblikazzjoni tal-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali tal-Papa Franġisku ‘ Amoris Laetitia’, l-Vatikan inawgura ‘Sena Amoris Laetitia, riflessjoni dwar il-Familja’. Biex jimmarka l-bidu taċ-ċelebrazzjoni ta’ din is-sena, l-Ġimgħa, l-Papa Franġisku bagħat messaġġ lill-parteċipanti li kienu qed jieħdu sehem f’webinar dwar it-tema “L-imħabba tagħna ta’ kuljum”.
Aktar dwar l-Amoris Laetitia …
Il-Papa fakkar fil-pubblikazzjoni tal-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali Amoris Laetitia dwar is-sbuħija u l-ferħ tal-imħabba konjugali w tal-familja, w stieden lil kulħadd biex “jgħix sena ta’ qari mill-ġdid tad-Dokument u riflessjoni dwar it-tema, sakemm issir iċ-ċelebrazzjoni tal-Għaxar Laqgħa Dinija tal-Familji li jekk Alla jrid, se ssir f’Ruma fis-26 ta’ Ġunju, 2022”.
Il-Papa Franġisku nnota li “l-intenzjoni ewlenija tad-Dokument hija li tikkomunika… li llum, min-naħa tal-Knisja, hu meħtieġ, ħarsa ġdida lejn il-familja.” Huwa saħaq li ntennu l-valuri tad-duttrina mhux biżżejjed. Pjuttost, irridu nsiru “kustodji” tas-sbuħija tal-familja, w nieħdu ħsieb il-fraġilitajiet u l-feriti tagħha “b’kompassjoni”. Il-Qdusija Tiegħu kompla jgħid li hemm żewġ aspetti fil-qalba tal-ministeru tal-familja kollha: “l-ħelsien tat-tħabbira tal-Evanġelju w t-tenerezza tal-akkumpanjament.”
Huwa f’dan il-kuntest li tgħix l-imħabba ta’ kuljum, qal il-Papa waqt li għamel referenza għat-titlu tal-webinar. Huwa nnota li t-titlu huwa għażla sinjifikanti, għaliex “huwa dwar l-imħabba ġġenerata mis-sempliċità w x-xogħol sieket tal-ħajja ta’ koppja, minn dak l-impenn ta’ kuljum u kultant għejja mwettqa mill-konjugi, l-ommijiet, il-missirijiet u t-tfal”.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika qal li jekk l-Evanġelju jiġi propost bħala “duttrina mill-għoli” mingħajr ma jidħol fil-‘ġisem’ tal-ħajja ta’ kuljum, jirriskja li jibqa’ biss teorija sabiħa w anke jiġi esperjenzat bħala obbligu morali. “Aħna msejħin biex nakkumpanjaw, nisimgħu w nbierku l-vjaġġ tal-familji,” qal il-Papa. Mhux biss biex nuru d-direzzjoni, iżda biex nagħmlu l-vjaġġ magħhom; li nidħlu fid-dar b’diskrezzjoni w mħabba, biex ngħidu lill-koppja: l-Knisja miegħek; il-Mulej hu viċin tiegħek; irridu ngħinuk tissalvagwardja r-rigali li rċivejt.
Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku ħeġġeġ, “Ejjew nappoġġjaw lill-familja! Ejjew niddefenduha minn dak kollu li jikkomprometti s-sbuħija tagħha.”
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-03/pope-francis-message-amoris-laetitia-family-year-webinar.html