QUDDIESA GĦALL- ĠURNATA MISSJUNARJA MONDJALI.
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Bażilika ta’ San Pietru, 19 ta’ Ottubru 1980
Meqjumin ħuti u wliedi għeżież!
1. “Nos autem praedicamus Christum crucifixum” (1 Kor 1,23).
Ridt din iċ-ċelebrazzjoni speċjali fl-okkażjoni tal- ġurnata missjunarja mondjali biex nistieden u nistimula, mill-ġdid għal darb’oħra, lill-komunità ekkleżjali kollha biex tirrifletti, fil-ġabra tat-talb, madwar kawża li minnha nfiha primarja u dejjem attwali, bħal ma hi dik tal-aħbar ta’ Kristu lill-ġnus. U rrid madwari bħala konċelebranti xi missjunarji, li dwar din l-istess kawża jridu jkunu atturi protagonist diretti u, propju għaliex minn hawn u ftit ieħor se nirċievu minn idejn l-imsallab – simbolu espressiv ta’ xogħlhom u tas-sagrifiċċju tagħhom – għandhom dritt preferenzjali u post ta’ mportanza partikolari fil-kuntest ta dan ir-rit sagru.
Lilhom bħal lil ħuthom u kollaboraturi mbegħda, reliġjużi rġiel u reliġjużi nisa u lajċi, tmur issa, wkoll f’isimkom ilkoll hawn preżenti, it-tislima rikonoxxenti u ta’ mħabba tiegħi għax-xhieda eżemplari u kkwalifikata li offrew u joffru lill-Knisja u lid-dinja.
2. Imma għaliex – irrid nistaqsi – tiġi ċcelebrata kull sena l-ġurnata missjunarja? Din hija, jewwilla, fatt abitwali li, minħabba r-ritmu ripetittiv tagħha, saret skarsament importanti u nieqsa, għalhekk minn influwenza konkreta? Intom tafu tajjeb li tali ġurnata tikkostitwixxi, fir-realtà, inizjattiva relattivament reċenti: din kienet imwaqqfa fl-1926 mill-meqjum predeċessur tiegħi Piju XI, li propju f’dik is-sena kien iddedika għall-iżvilupp tal-missjonijiet l-enċiklika “Rerum Ecclesiae” (cf. Pio XI, Rerum Ecclesiae: AAS [1926], 65-83), u li għall-premuri singolari ndirizzati għal dan is-settur vitali kien iddefinit fi żminijietu bħala “il-Papa tal-Missjonijiet”. Waqt li nilqà bil-qalb kollha t-talba tal-kunsill superjuri tal-opra pontifiċja tal-propagazzjoni tal-fidi, huwa ried “jippreskrivi” tali “ġurnata ta’ talb privat u pubbliku favur il-missjonijiet qaddisa, li jiġi ċċelebrat fl-istess jum fid-dijoċesijiet, il-parroċċi u l-istituti kollha tad-dinja kattolika” (cf. “Supplica” et “Rescritto”: AAS 19 [1927] 23-24). Inkwantu għall-iskopijiet, assenjati lilha, kienu – kif għadhom issa – evidenti u jistgħu jiġu miġbura fil-qosor b’verb: tissensibilizza, jiġifieri tinteressa, teduka u tinvolvi fil-kawża missjunarja l-ulied kollha tal-Knisja, waqt li ssejħilhom għall-validità perenni tal-mandat evanġeliku permezz ta’ azzjoni koordinata, li tinkludi qabel xejn it-talba għall-missjonijiet, imbagħad l-għarfien u l-illustrazzjoni tal-problemi relattivi, kif ukoll il-ġbir tal-għajnuniet meħtieġa.
Minn dakinhar, għas-snin kollha suċċessivi, iċ-ċelebrazzjoni kellha post regolarment u kienet irrispettata bħala għotja sagra, kif turi, fost affarijiet oħra, l-istess assemblea liturġika li hawn qiegħda tarana flimkien miġburin.
3. Imma mbagħad, kien hemm il-Konċilju Vatikan II, li reġa rreviżjona l-materja kollha tal-“materja missjonarja” u approfondixxa l-viżjoni tagħha problematika wkoll ir-rapport għaċ-ċirkustanzi storiċi li nbidlu bħal, per eżempju, il-fenomenu tal-hekk imsejħa “dekolonalizzazzjoni” u l-fenomeni l-oħra, marbuta miegħu, tal-indipendenza tal-popli ġodda u tal-mixja sagrosanta tagħhom lejn żvilupp ordnat u oriġinali. Minn hawn ħareġ id-digriet “Ad Gentes” li offrilna kważi “magna charta” ġdida dwar l-attività missjunarja tal-Knisja liż-żminijiet tagħna, fuq il-bażi tal-prinċipji duttrinali immutabbli (cf. Ad Gentes, 2-9). Dawn huma ħwejjeġ magħrufin sewwa minnkom, għeżież ħuti u wliedi. Dak li rrid nenfasizza hawn huwa li l-imsemmi document konċiljari isib postu f’kontinwità koerenti mal-kostruzzjoni dommatika preċedenti u ċentrali “Lumen Gentium”: il-Knisja, li f’din ippreżentat lilha nfisha bħal “sagrament universali ta’ salvazzjoni” (cf. Lumen Gentium, 48), sa minn l-ewwel kliem ta’ dak assumiet tali definizzjoni u ddikjarat b’mod formali li tkun min-natura tagħha missjunarja (cf. Ad Gentes, 1 et 2).
Għalhekk, nistgħu ngħidu: il-Knisja, bħal ma rrepetiet b’iktar qawwa lilha nfisha li, b’rieda tal-fundatur divin tagħha, għandha tkun sinjal u strument ta’ salvazzjoni għall-bnedmin, hekk b’mod parallel żiedet li, biex tkun xierqa għal din il-funzjoni, biex tikkorrispondi bis-serjetà fl-itinerarju tagħha tul l-istorja, trid dejjem ikollha l-ispirtu u l-istil, it-tensjoni viġilanti u l-ambizzjoni qaddisa li tkun u li tibqà missjonarja b’mod awtentiku, Mhu se jkun qatt leċitu għall-Knisja li tuża l-formula konklussiva “missjoni mwettqa” biex tgħawweġ u teżenta ruħha, b’tali mod, milli tinsisti fl-impenn meħud : l-awtodefinizzjoni li għaliha aċċennajt hawn fuq, hija kollox ma’ kollox riprova u konferma tal-awtokoxjenza li l-Konċilju – din il-ġrajja kbira ta’ dawl u ta’ grazzja – żviluppat u tqawwiet fiha. Dan huwa bħallikieku l-Ispirtu reġà tennieh mill-ġdid: “Agħraf lilek innifsek, kun inti nnifsek: Inti, fi Kristu, l-organu tas-salvazzjoni għall-ġnus kollha; kun, mela, missjunarja!”.
4.Issa huwa l-ħin, però, li nippenetraw iktar ‘il ġewwa fil-ħaj ta’ din iċ-ċelebrazzjoni, billi ngħaddu mill-prospettiva meraviljuża ekkleżjoloġika-pastorali, għalina miftuħa mill-Konċilju, għall-atmosfera mistika li hija konnaturali u, għalhekk, indispensabbli kull darba li nkunu se nġeddu fuq l-altari tagħna s-sagrifiċċju tas-salib. Issa, biex nidħlu mhemmx mod aħjar minn dak li nwaqqfu l-attenzjoni tagħna fuq il-qari bibbliku,li għadu kemm ġie pproklamat. Jibqà dejjem veru li hija l-kelma ta’ Alla t-triq ewlenija biex inmexxu lilna nfusna lejh, f’għaqda ma’ Ġesù Kristu, Ibnu l-għażiż u s-salvatur maħbub tagħna.
Diġa l-qari profetiku ta’ Iżaija, waqt li jipproponi l-viżjoni tal-ġnus kollha li jiċċirkolaw hemm fuq lejn it-tempju tal-muntanja tal-Mulej, mhux biss iqiegħdna f’sintonija ma’ dak l-universaliżmu li huwa karatteristika partikolari tal-attività missjunarja, imma jdaħħalna, wkoll, f’dak il-kurrent feddej li – kif nafu sewwa – joffri ruħu lill-bnedmin kollha, mingħajr ebda diskriminazzjoni jew distinzjoni ta’ lingwa, ta’ razza, ta’ kulur u ta’ kondizzjoni: “salus pro omnibus”, għaliex infinit u ineżawribbli huwa l-valur tal-ġisem, li Kristu tana. U tad-demm, minnu mxerred għalina (cf. Lq 22,19-20; 1Kor 11,24-29; 1Pt 1,19; 1Ġw 1,7).
Wara l-kliem tal-profeta smajna dak tal-Appostlu u mbagħad, fuq kollox, dak ta’ Ġesù, meħud mill-Vanġelu skont Marku. Quddiem il-kunsinna, jew mandat suprem: “Morru fid-dinja kollha u ppridkaw il-Vanġelu lil kull krejatura” (Mk 16,15) – li fih mill-ġdid għal darb’oħra jidwi, b’mod evidenti, l-aċċent universalistiku – mhemmx biss li wieħed jikkunsidra jew jinnota l-prontezza, l-eżattezza jew il-puntwalità tal-esekuzzjoni: “Huma mbagħad marru jippridkaw kullimkien” (Mk 16,20). Mhemmx dan biss: jien ikolli ngħid li, fir-rigward ta’ dan il-kliem kbir tal-Mulej, huwa l-Appostlu li jissuġġerilna xi ħaġa li tirrapreżenta, fl-istess ħin, kumment awtorevoli u analiżi penetranti. Jekk Ġesù, infatti, wara li ta l-kmand li jmorru u li jippridkaw, kien wissa li s-salvazzjoni tiddependi mill-fidi u mir-riċeviment tal-Magħmudija (cf. Mk 16,16), Pawlu permezz ta’ skrutinju loġiku u tejoloġiku ċar jidentifika l-fażijiet differenti u l-waqtiet distinti li jikkollegaw b’mod strett bejniethom is-salvazzjoni u l-missjoni. Kif insalvaw? Huwa jwieġeb: isalva jekk isejjaħ isem il-Mulej, imma biex isejjaħ isem il-Mulej hemm bżonn li jemmen; u biex jemmen hemm bżonn jismà min jitkellem, u biex jismà min jitkellem hemm bżonn li jxandar; u biex ixandar hemm bżonn li jkun hemm il-mibgħutin (cf. Rm 10,13-15). Hawn huma, mela, il-passaġġi obbligati bejn il-punt tat-tluq u dak tal-wasla. Hawn hu kif mill-inviju jew mill-missjoni tiġi biex tiddependi d-destinazzjoni finali awspikata li hija s-salvazzjoni, permezz tar-rabta kruċjali tal-fidi, inkorporata wara s-smigħ attent ta’ min iħabbru u, meta tkun saret għażla (Rm 10,9-10).
5. B’tali mod l-Appostlu għallimna l-importanza fundamentali u determinanti jew, aħjar, l-insostitwibiltà tal-missjoni u tal-predikazzjoni evanġelika fil-ħajja u għall-ħajja tal-Knisja: din tikkonsisti, infatti, fi dmirijiet li jissettjaw il-vokazzjoni tagħha speċifika u l-identità l-iktar profonda tagħha (cf. xxxx).Hekk kien jiġri fiż-żminijiet ta’ San Pawl, meta hu u l-appostli sħabu, interpreti fedelissmi u ubbidjentissmi tar-rieda tal-Imgħallem, waqt li ffaċċjaw inkonvenjenzi u diffikultajiet ta’ kull ġens, wasslu lilhom infushom fir-reġġjuni kollha tad-dinja magħrufa dak iż-żmien biex ixandru l-Vanġelu. Imqawwija internament mill-Ispirtu, imma dejjem umanament nieqsa minn riżorsi u mezzi, huma ħadmu b’żelu kbir; imma – b’attenzjoni tajba għall-espressjoni tal-evanġelista – kien Alla li kien jaġixxi b’qawwa magħhom, b’mod sovran: “waqt li l-Mulej kien jaħdem flimkien magħhom u kien iwettaq il-kelma bl-għeġubijiet (Mk 16,20).
Illum huwa bħal dak iż-żmien! Illum irid ikun bħal dawk iż-żminijiet! Minn banda, hemm bżonn li aħna nobdu għall-mandat imprevedibbli ta’ Sidna u, allura, irridu naħdmu, waqt li nimpenjaw ruħna lkoll, ukoll fost il-varjetà tal-forom u fid diversità tal-prestazzjonijiet, imma f’għaqda organika u sustanzjali ta’ għanijiet, għax-xandir u għat-tixrid tal-Vanġelu. Iva, ħuti, ukoll jekk ma nmorrux fit-territorji tal-missjoni, ejjew ikollna l-qawwa, ejjew ikollna dejjem, ejjew ikollna kullimkien il-possibiltà u l-obbligu li nikkollaboraw f’tali attività evanġelizzatriċi, li hija ppreżentata bħala “officium Populi Dei fundamentale” fid-digriet ikkwotat (Ad Gentes, 35). Propju għal din ir-raġuni suprema, jiġu hemm mgħoddija b’mod distint f’rassenja għall-iskopijiet tal-koperazzjoni missjunarja d-dmirijiet rispettivi tal-Knisja universali, tal-komunitajiet insara ndividwali, tal-Isqfijiet, tal-presbiteri, tal-istituti ta’ perfezzjoni u tal-lajċi (cf. Ad Gentes, 36-41).
Mill-banda l-oħra, konxji mill-insuffiċjenza u ċ-ċokon tagħna, irridu dejjem niftakru li l-operosità tagħna – magħmula minn diliġenza, minn fedeltà u minn sagrifiċċju – weħedha mhix biżżejjed u qatt ma tistà tkun biżżejjed: min jaġixxi, min jikkonverti, min isejjaħ għall-fidi billi jdawwal il-menti u jmiss il-qlub, min b’mod effettiv iwassal għas-salvazzjoni huwa Alla omnipotenti u ħanin. Taħt dan it-tieni aspett nistgħu bla dubju niddikjaraw li l-missjoni hija umiltà u, allura, takkumpanjana neċessarjament għal dak l-atteġġjament intern li ġegħelna nirrepetu “Aħna qaddejja inutli” (Lc 17,10) u jesiġi spirtu ġeneruż ta’ servizz. Appuntu hekk għallimna, bil-kelma u ferm iktar bl-eżempju, Ġesù Kristu stess, li “ġie mhux biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu għall- fidwa tal-kotra” (Mt 20,28).
Din il-ħajja li l-Mulej tana – u aħna nafu sewwa b’liema mod u b’liema prezz – għadha, bħal dejjem, għad-dispożizzjoni tagħna u hija fl-istess ħin għad-dispożizzjoni tal-bnedmin kollha ħutna, Fi ftit minuti oħra, fil-misteru bla tixrid ta’ demm tas-sagrifiċċju ewkaristiku, din il-ħajja se tkun mill-ġdid issagrifikata u offruta “għalina u għal kulħadd” fuq l-altar tagħna, F’għaqda intima ma’ Kristu, saċerdot u vittma, hemm bżonn niksbu minn dan it-teżor b’abbundanza sabiex insalvaw ruħna, sabiex insalvaw.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb