Il-Covid-19 se terġa’ ċċaħħadna milli nkunu flimkien fil-knisja għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa għalkemm insegwu mid-djar tagħna. Fir-Randan tas-sena li għaddiet inħolqot il-Via Sagra fid-dawl tal-enċiklika tal-Papa Franġisku Laudato. L-istazzjonijiet ta’ din il-Via Sagra huma marbutin ma xi esperjenza tal-pandemija li tgħin għal riflessjoni dwar il-vulnerabbiltà u t-tbatija li tinsab fiha d-dinja.
Il-Veronika tixxotta d-dmugħ minn wiċċ Ġesù toħodna fit-tbatija tal-poplu Sirjan u fid-dmugħ tal-foqra. Il-mewt ta’ Kristu fuq is-salib iġġib quddiemna l-ħafna mwiet bil-Coronavirus, li niżżlet lid-dinja għarkupptejha. L-idea tal-Via Sagra tal-Laudato si’ hi li nsiru konxji b’dak li qed jiġri u napplikaw il-ġrajjiet ta’ dieqa fit-tbatija personali tagħna filwaqt li niskopru x’jistgħu jagħmlu kull wieħed u waħda minna.
Din il-Via Sagra hi sejħa biex nintebħu bid-dnub tad-dinja kontra l-ambjent u l-veru ġid. Hi stedina qawwija biex nisimgħu il-għajta tad-dinja u l-karba tal-foqra.
Ara: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-03/story-laudato-si-way-cross-gccm-iusve.html
Rapport għal-Laikos minn Joe Galea