Ġwanni Pawlu II fis-Solennità tal-Qaddisin kollha

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA FIĊ-ĊIMITERJU TAL-VERANO GĦAS-SOLENNITÀ TAL-QADDISIN KOLLHA. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Ruma, 1° ta’ Novembru 1980

Għeżież ħuti!

1. Jiena kuntent li ninsab f’nofskom illum biex niċċelebraw flimkien is-sollennità tal-qaddisin kollha, waħda mill-maġġuri tas-sena liturġika, bla dubju fost l-iktar karatteristiċi u l-iktar għeżież għall-poplu nisrani. Jiena wkoll kuntent li nikkonċelebra din il-quddiesa flimkien ma’ numru folt ta’ parroċċi tal-belt, li jirrapreżentaw fil-komunjoni tal-altar mhux biss il-konfratelli li jixirqilhom, imma wkoll il-komunitajiet parrokkjali kollha ta’ Ruma, dejjem preżenti f’qalbi u fil-preokkupazzjonijiet tiegħi pastorali ta’ Isqof tal-belt.

2. Il-festa tallum tfakkar u tipproponi għall-meditazzjoni komuni xi elementi fundamentali tal-fidi nisranija tagħna. Fiċ-ċentru tal-liturġija hemm fuq kollox it-temi l-kbar tal-komunjoni tal-qaddisin, tad-destinazzjoni universali tal-fidwa, tas-sors ta’ kull qdusija li huwa Alla nnifsu, ta’ ċerta tama fl-unjoni futura u ndistruttibbli mal-Mulej, tar-rapport eżistenti bejn is-salvezza u s-sofferenza, u ta’ beatitudni li diġa minn issa tikkwalifika lil dawk li jinsabu fil-kondizzjonijiet deskritti minn Ġesù fil-Vanġelu skont Mattew. F’pożizzjoni ewlenija għal din it-tematika għanja, iżda, hemm il-ferħ, bħal ma rreċitajna fl-antifona tad-dħul: “Nifirħu ilkoll fil-Mulej f’din is-sollennità tal-qaddisin kollha”; u huwa ferħ dirett, limpidu, korroboranti, bħal dak ta’ min isib ruħu f’familja kbira fejn jaf li se jgħaddas għeruqu u li minnha  jikseb demm il-ħajja tal-vitalità propja u tal- identità spiritwali stess  tiegħu.

3. L-ewwel qari bibbliku, meħud mill-ktieb tal-Apokalissi ta’ Ġwanni, jeħodna, f’termini qawwijin immaġinattivi, f’nofs il-qorti ċelesti, “wieqfa quddiem it-tronn u quddiem il-Ħaruf”, f’kuntest ta’ eżultanza straripanti u ta’ orizzonti wiesà. Hawn niltaqgħu ma “kotra immensa, li ħadd ma jistà jgħoddha, ta’ kull nazzjon, razza, poplu u lsien” (Ap 7,9). U dan diġa partikular konsulanti, li jagħti nifs lil ruħna, ladarba jiġina assikurat li aħna f’kotra kbira li nagħmlu festa. Meta jum wieħed ċertu tali staqsa lil Ġesù: “Mulej, huma ftit dawk li jsalvaw?”, huwa ma kienx wieġeb b’mod dirett; madankollu, minkejja li fakkar il-bżonn tad-“dħul mill-bieb id-dejjaq” kompla “Jiġu mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar u joqogħdu bil-qiegħda mal-mejda fis-saltna ta’ Alla” (Lq 12,23.24.29). Mela, aħna llum ninsabu mgħaddsa bl-ispirtu tagħna fost din il-folla bla numru ta’ Qaddisin, ta’ salvati, li, nibdew mill-“ġust Abel” (Mt 23,35), sa min forsi f’dan il-waqt qiegħed imut f’xi parti tad-dinja, jagħmlulna kuruna, jagħmlulna kuraġġ, u jkantaw ilkoll f’daqqa kor massiv ta’ glorja lil dak, li s-salmisti jsejħu bir-raġun “l-Alla tal-fidwa tiegħi” (Sal 25,5) u “l-Alla tal-ferħ tiegħi u tat-tifħir tiegħi” (Sal 43,4).

4.Fil-fatt, f’dan il-jum, li fih qegħdin ngħixu b’enfasi partikolari ir-realtà vivifikanti tal-komunjoni tal-qaddisin, irridu nżommu preżenti b’mod qawwi li fil-bidu, fil-bażi, fiċ-ċentru ta’ din il-komunjoni hemm Alla nnifsu, li mhux biss isejħilna għall-qdusija, imma wkoll u fuq kollox b’mod ġeneruż jagħtihielna fid-demm ta’ Kristu, u hekk nirbħu d-dnubiet tagħna. Hawn hu għaliex il-qaddisin tal-Apokalissi “jgħajtu b’leħen għoli: Il-fidwa tappartieni lil Alla tagħna… u lill-Ħaruf” (Ap 7,10), u mbagħad “ibaxxu b’mod profond b’wiċċhom quddiem it-tronn u jaduraw lil Alla waqt li jgħidu: “Amen! Tifħir, glorja, għerf, azzjoni ta’ grazzja, unur, qawwa u forza lil Alla tagħna għal dejjem ta’ dejjem” (Aħadp 7,12). Aħna wkoll għandna dejjem inkantaw lill-Mulej innu ta’ gratitudni u adorazzjoni, bħal ma għamlet Marija bil-“Magnificat” tagħha, biex tirrikonoxxi u tipproklama b’mod gawdjuż il-manifiċenza u t-tjubija tal-“Missier li ppermettilna nieħdu sehem fid-destin tal-qaddisin fid-dawl… u ttrasferina fis-saltna ta’ Ibnu l-għażiż” (Kol 1,12.13). Il-festa tal-qaddisin kollha, għalhekk, tistedinna biex inkunu kuntenti (cf. Sal 34,6); biex ma nqisux il-virtujiet fqajra tagħna, imma l-grazzja ta’ Alla li dejjjem  tħawwadna (cf. Lq 19,5-6);biex ma nassumux mill-forzi tagħna imma nafdaw b’mod filjali fih li ħabbna meta konna għadna midimbin  (cf. Rm 5,8); u wkoll biex ma ninqatgħu qatt inwettqu l-ġid, għaliex  ikun xi jkun il-qdusija tagħna hija “rieda ta’ Alla” (1Ts 4,3).

5. Min-naħa tiegħu, il-Vanġelu li nqara ftit ilu jfakkarna aspett essenzjali tal-identità nisranija tagħna u tal-kostitwent tal-qdusija. Il-beatitudnijiet ippronunzjati b’mod hekk sollenni minn Ġesù jsibu posthom, minn banda, f’kuntrast ma’ xi valuri li huma minflok onorati mid-dinja u, mill-banda l-oħra, fil-prospettiva ta’ xorti futura u definittiva, li fiha s-sitwazzjonijiet jiġu maqluba. Huma qegħdin jew jaqgħu ilkoll flimkien; ma tistax tagħżel waħda biss u tikkultivaha għad-detriment tal-oħrajn. Il-qaddisin kollha kienu dejjem u huma kontemporanjament, ukoll jekk b’qies differenti, imġewħa u għatxana għall-ġustizzja, ħanina, puri tal-qalb, ippersegwitati minħabba l-Vanġelu. U hekk irridu nkunu aħna wkoll. Iktar, fuq il-bażi ta’ din il-paġna evanġelika, huwa evidenti li l-beatitudni nisranija, bħala sinonimu ta’ qdusija, mhijiex separata minn komponent ta’ tbatija jew talinqas minn diffikultà: mhux faċli nkunu u rridu nkunu fqar, mansweti u puri; linqas ma rridu nkunu ppersegwitati, linqas minħabba l-ġustizzja. Imma s-saltna tas-smewwiet hija għall-antikonformisti  (cf. Rm 12,2), u jgħodd ukoll għalina l-kliem ta’ San Pietru: “Beati intom, jekk tiġu nsulentati minħabba l-isem ta’ Kristu, għaliex l-Ispirtu Santu tal-glorja u l-Ispirtu ta’ Alla jistrieħ fuqkom.

Ħadd minnkom m’għandu jbati bħala omiċida jew ħalliel jew kriminal jew informatur. Imma jekk wieħed ibati bħala nisrani, m’għandux jistħi; anzi għandu jigglorifika lil Alla għal dan l-isem” (1Pt 4,14-16). Infatti,il-prospettiva tagħna mhijiex għal żmien qasir, imma mingħajr tmiem. Huwa miktub għalina l-kliem illuminanti tal-Appostlu Pawlu: “Id-daqsxejn tat-tbatija tagħna ta’ issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qies għal dejjem; lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir; dawk li ma jidhrux huma għal dejjem” (2 Kor 4,17-18).

6. Għeżież ħuti, il-post ċimiterjali li fih ninsabu miġburin jistedinna biex nimmeditaw ukoll dwar ix-xorti tagħna futura waqt li kull wieħed u waħda minna naħsbu dwar l-għeżież tagħna, li ġa marru qabilna bis-sinjal tal-fidi u reqdin ir-raqda tas-sliem. It-tieni qari bibbliku tal-quddiesa, meħud mill-ewwel ittra ta’ San Ġwann Appostlu, jesprimi ruħu hekk: “Aħna minn issa aħna wlied Alla, imma dak li għad inkunu għadu ma ġiex irrivelat lilna” (1Ġw 3,2). Hemm mela vojt bejn dak li aħna u dak li għad inkunu, f’ċertu sens, bejn dak li aħna aħna u dak li diġa huma l-għeżież mejtin tagħna.

Bejn dawn iż-żewġt itruf issib ruħha l-istennija tagħna u t-tama tagħna, li tmur ‘il hemm mill-mewt sewwa, għaliex tqisha biss bħala passaġġ biex tiltaqà b’mod definittiv mal-Mulej u biex inkunu “nixbħuh, għaliex narawh hekk kif inhu” (1Ġw 3,2). Illum aħna wkoll mistiedna bie ngħixu komunikazzjoni speċjali mal-mejtin tagħna, lejlet it-tifkira liturġika iddedikata lilhom mal-anniversarju ta’ għada. Fil-fidi u fit-talb nerġgħu nistabilixxu hekk l-irbit familjari magħhom, li jħarsu lejna, isegwuna u jassistuna. Huma, fl-istennija tal-qawmien mill-imwiet, diġa jaraw lill-Mulej “hekk kif inhu”, u għalhekk jinkuraġġuna biex inkomplu l-mixja, anzi l-pellegrinaġġ li għad fadlilna fuq din l-art. Infatti, “m’għandniex hawn isfel belt stabbilita, imma nfittxu dik futura” (Lh 13,14). L-importanti huwa li ma ngħejjewx u fuq kollox ma nitilfux minn quddiem għajnejna l-iskop finali. Il-ħsieb immirat lejn il-mejtin tagħna jgħinna f’dan, ladarba huma diġa qegħdin hemm fejn se nkunu aħna wkoll. Anzi, hemm art komuni bejna u bejnhom li tirrendihom li hija l-istess inseriment fil-misteru trinitarju tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu Santu fuq il-bażi tal-istess magħmudija: hawn aħna ntuhom idejna għaliex f’dan iċ-ċirku ma teżistix il-mewt, imma biss konsistenza unika ta’ ħajja li ma tintemm qatt  .

Minn din il-fidi jiġi l-ferħ tagħna u l-qawwa tagħna. Jalla l-Mulej iżommhielna dejjem intatta u fertili. U bil-grazzja tiegħu jipproteġina u jsostnina dejjem. Hekk Ikun!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d