Il-Papa Ġwanni Pawlu II f’ċelebrazzjoni ta’ Beatifikazzjoni

Print Friendly, PDF & Email

BEATIFIKAZZJONI TA’ DON LUIGI ORIONE, SUOR MARIA ANNA SALA U BARTOLO LONGO. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Bażilika ta’ San Pietru, 26 ta’ Ottubru 1980

Għeżież ħuti u wliedi!

“Gaudeamus omnes in Domino, hodie, diem festum celebrantes sub honore beatorum nostrorum”.
Hekk illum nistġhu ġustament inkantaw, f’din is-sollennità grandjuża, waqt li l-ispirti tagħna jogħlew fil-kontemplazzjoni tal-glorja ċelesti milħuqa minn tliet beati ġodda: don Luigi Orione, suor Maria Anna Sala u Bartolo Longo.

1. Dan huwa jum ta’ festa għaliex il-Knisja tgħidilna li huma jidħlu b’mod uffiċjali fil-kult tal-fidili nsara u jistgħu jkunu nvokati u mitluba, bħala parteċipi tal-feliċità eterna. Dan huwa jum ta’ festa, għaliex il-Knisja permezz tagħhom tindikalna b’mod awtorevoli u sikur id-destinazzjoni ta’ ħajjitna u t-triq biex nilħquha, waqt li tfakkarna ma’ San Pawl li “t-tbatijiet tal-waqt preżenti ma jitqabblux mal-glorja futura li għandha tkun rivelata fina” È (Rm 8,18); u dan huwa jum ta’ festa kbira għaliex il-Knisja universali u b’mod speċjali l-Italja, jifirħu flimkien mal-ulied tal-providenza divina, mass-sorijiet ta’ Santa Marċellina, u maċ-ċittadini ta’ Pompej u ta’ Napli, għall-unur attribwit b’mod pubbliku lil dawn it-tliet kampjuni tal-fidi u tal-karità.

Iva, il-Mulej huwa qribna u jġegħlna nifhmu permezz tagħhom ir-rieda tiegħu dwar id-destin terren u etern tagħna: is-salvazzjoni u l-qdusija tal-bniedem, maħluq “fil-ġustizzja u fil-qdusija vera” (Ef 4, 24). It-tliet beati ġodda, li llum ninvokaw,  permezz ta’ toroq differenti u permezz ta’ provi dolorużi, issieltu l-battalja t-tajba, żammew il-fidi, ipperseveraw fil-karità, u hekk waslu għall-premju  (cf. 2 Tm 4, 7). U issa, flimkien mal-kotra tal-qaddisin, huma għalina d-dawl u l-konfort, is-sosten u l-konsolazzjoni: huma jimxu magħna u għalina, bħala għalliema u ħbieb; huma don tal-Iktar Għoli, bl-eżempju tagħhom, bil-kelma tagħhom, bl-interċessjoni tagħhom.

Titlà għalhekk, f’dan il-waqt, lil Alla, awtur tal-grazzja, ir-rikonoxxenza mqanqla tagħna.

2. Ejjew issa ninġabru biex nirriflettu b’mod partikolari fuq il-messaġġ individwali li kull wieħed mit-tliet beati jipproponi għall-meditazzjoni tagħna.

Don Luigi Orione jidhrilna bħala espressjoni meraviljuża u ġenjali tal-karità nisranija.

Huwa mpossibbli li wieħed jissintetizza fi ftit sentenzi l-ħajja avventuruża u kultant drammatika ta dak li ddefenixxa lilu nnifsu, b’mod umli iżda astut, “il-purtinar ta’ Alla”. Però nistgħu ngħidu li hu kien bla ebda dubju waħda mill-personalitajiet l-iktar prominenti ta’ dan is-seklu għall-fidi nisranija tiegħu ipprofessata b’mod miftuħ u għall-karità tiegħu migħuxa b’mod eroiku. Huwa kien saċerdot ta’ Kristu b’mod totali u ferrieħ, waqt li kopra l-Italja u l-Amerka Latina, waqt li kkonsagra l-ħajja propja lil dawk li l-iktar ibatu, minħabba l-isventura, il-miżerja, il-kattiverija umana. Biżżejjed niftakru il-preżenza operuża tiegħu fost it-terromitati ta’ Messina u tal-Marsica, fqir fost il-foqra, imbuttat mill-imħabba ta’ Kristu u tal-aħwa l-iktar fil-bżonn, waqqaf l-opra ċkejkna tal-providenza divina, is-sorijiet ċkejknin missjunarji tal-Karità u wara s-sagramentini għomja u l-eremiti ta’ San Albertu.

Fetaħ ukoll djar oħra fil-Polonja (1923), fl-Istati Uniti (1934) u fl-Ingilterra (1936) bi spirtu tassew ekumeniku. Imbagħad ried jikkonkretizza viżibilment l-imħabba tiegħu lejn Marija, billi f’Tortona bena s-Santwarju grandjuż tal-Madonna tal-Gwardja. Huwa għalija kommoventi li naħseb li Don Orione kellu dejjem preferenza partikolari għall-Polonja u bata mmensament meta l-għażiża art twelidi f’Settembru 1939 sfat invaduta u mfarrka. Naf li l-bandiera Pollakka bajda-ħamra, li hu f’dawk il-jiem traġiċi ġarr b’mod trijonfanti f’korteo għas-santwarju tal-Madonna għadha mdendla mal-ħajt ta’ kamartu tassew fqajra ta’ Tortona: hemm rieda huwa stess! U fl-aħħar tislima li huwa ppronunzja fil-lejla tat-8 ta’ Marzu 1940, qabel ma mar Sanremo, fejn miet, qal mill-ġdid: “Jien inħobb tant lill-Pollakki. Ħabbejthom sa minn meta kont tifel, u ħabbejthom dejjem…

Dejjem xtiequ l-ġid lil dawn ħutkom”.

Minn ħajtu, tant intensa u dinamika, joħorġu is-sigriet u l-ġenjalità ta’ Don Orione; hu ħalla lilu nnifsu waħdu u dejjem għadda mil-loġika marsusa tal-imħabba! Imħabba immensa u totali lil Alla, lil Kristu, lil Marija, lill-Knisja, lill-Papa, u mħabba ugwalment assoluta lill-bniedem, lill-bniedem kollu, ruħ u ġisem, u lill-bnedmin kollha, żgħar u kbar, għonja u foqra, umli u għorrief, qaddisin u midimbin, bi tjubija  u tenerezza lejn il-batuti, l-emarġinati, l-iddisprati. Hekk kien iħabbar il-programm tal-azzjoni tiegħu: “Il-politika tagħna hija l-karità kbira u divina li tagħmel ġid lil kulħadd. Jalla l-politika tagħna tkun dik tal-“Missierna”. Aħna ma nħarsu lejn xejn iktar għajr l-erwieħ xi nsalvaw.

Erwieħ u erwieħ! Hawn hi ħajjitna kollha; hawn hi l-għajta u l-programm tagħna; ruħna kollha, qalbna kollha!” U hekk kien jesklama b’aċċenti liriċi: “Kristu ġie jġorr fuq qalbu l-Knisja u f’idu d-dmugħ u d-demm tal-foqra; il-kawża tal-imnikktin, tal-imtaqqlin, tar-romol, tal-iltiema, tal-umli, tal-imwarrbin: Wara Kristu jinfetħu smewwiet ġodda: huwa bħal awrora tat-trijonf ta’ Alla!”.

Kellu t-temperament u l-qalb tal-Appostlu Pawlu, teneru u sensibbli sal-punt tal-biki, infatikabbli u qalbieni sas-sogru, tenaċi u dinamiku sal-eroiżmu, waqt li jiffaċċja perikli ta’ kull tip, waqt li javviċina personalitajiet għoljin tal-politika u tal-kultura, waqt li jdawwal bnedmin bla fidi, waqt li jikkonverti midimbin, dejjem miġbur f’talba kontinwa u fiduċjuża, kultant akkumpanjata minn penitenzi terribbli. Sena qabel ma miet b’dan il-mod kien issentetizza l-programm essenzjali ta’ ħajtu: “Tbati, tiskot, titlob, tħobb, issallab lilek innifsek u tadura”. Tal-għaġeb huwa Alla u l-qaddisin tiegħu, u Don Orione jibqà eżempju mdawwal u sabar fil-fidi għal kulħadd.

3. Suor Maria Anna Sala tgħallimna l-fedeltà erojka għall-kariżma partikolari tal-vokazzjoni.

Wara li daħlet fost is-sorijiet marċellini ta’ wieħed u għoxrin sena, fehmet li l-ideal tagħha u l-missjoni tagħha kellhom ikunu b’mod uniku t-tagħlim, l-edukazzjoni, il-formazzjoni tal-bniet fl-iskola u fil-familji.

Suor Maria Anna  kienet sempliċement u totalment fidila għall-kariżma fundamentali tal-kongregazzjoni tagħha. Tliet tagħlimiet kbar ifawru minn ħajjitha u mill-eżempju tagħha: il-bżonn tal-formazzjoni u tal-pussess ta’ karattru tajjeb sod, sensibbli, ekwilibrat; il-valur santifikanti tal-impenn fid-dmir mogħti mill-ubbidjenza u l-importanza essenzjali tal-opra pedagoġika.

Suor Maria Anna riedet tikseb virtù ta’ ħila fl-ogħla grad. Konvinta li tistà tagħti tant daqs kemm tippossiedi, u akkaniet ruħha mill-inkarigu tagħha ta’ għalliema, waqt li qaddset ruħha fit-twettiq tax-xogħol tagħha ta’ kuljum. Ipprattikat il-messaġġ ta’ Kristu: “Min hu fidil fil-ftit, huwa fidil ukoll fil-ħafna” (Lq 16,10). Tgħallmu mill-beata l-ġdida, fuq kollox ir-reliġjużi nisa, biex ikunu kuntenti u ġenerużi fix-xogħol tagħhom, ukoll jekk moħbi, monotonu, umli! Tgħallmu dawk kollha li jiddedikaw ruħhom għall-opra edukattiva li m’għandhom qatt jibżgħu mid-diffikultajiet taż-żminijiet, imma biex jimpenjaw ruħhom b’imħabba, sabar u tħejjija fil-missjoni hekk importanti tagħhom, waqt li jiffurmaw u jgħollu l-erwieħ għall-valuri traxxendenti supremi. B’mod partikolari llum l-iskola tinħtieġ edukaturi għaqlin, serji, imħejjija, sensibbli u responsabbli.

4. Fl-aħħarnett hawn hu mill-ġdid Bartolo Longo, il-fundatur tas-santwarju ċelebri ta’ Pompej, fejn b’devozzjoni profonda jiena mort sena ilu; huwa hu l-appostlu tar-rużarju, il-lajk li għex kompletament l-impenn tiegħu ekkleżjali.

Bartolo Longo kien strument tal-providenza għad-difiża u x-xhieda tal-fidi nisranija u għall-eżaltazzjoni ta’ Marija Santissma f’perijodu doloruż ta’ xettiċiżmu u ta’ antiklerikaliżmu.

Hija magħrufa minn kulħadd il-ħajja twila tiegħu, ispirata minn fidi sempliċi u erojka u mimlija episodji suġgestivi, li matulhom fawwar u żviluppa il-miraklu ta’ Pompej. Waqt li beda mill-katekeżi umli lill-bdiewa tal-wied ta’ Pompej, u mir-reċta tar-Rużarju quddiem il-kwadru famuż tal-Madonna, sal-bini tas-santwarju stupend u għat-twaqqif tal-opri ta’ karità għall-ulied subien u bniet tal-ħabsin, Bartolo Longo ġab ‘il quddiem b’kuraġġ bla biżà opra grandjuża li illum tħallina mistagħġba u skantati.

Imma fuq kollox huwa faċli li ninnutaw li l-eżistenza tiegħu kollha kienet servizz intens u kostanti tal-Knisja f’isem u għall-imħabba ta’ Marija.

Bartolo Longo, terzjarju tal-ordni Dumnikan u fundatur tal-istituzzjoni tas-sorijiet “ulied ir-rużarju qaddis ta’ Pompej”, nistgħu verament niddefenuh bħala “il-bniedem tal-Madonna”: għall-imħabba ta’ Marija sar kittieb appostlu tal-Vanġelu, propagatur tar-rużarju, fundatur tas-santwarju ċelebri f’nofs diffikultajiet u sfidi enormi; għall-imħabba ta’ Marija ħoloq istituti ta’ karità, sar tallab għal ulied il-foqra, bidel Pompej f’ċittadella ħajja ta’ tjubija umana u nisranija; għall-imħabba ta’ Marija ġarrab fis-skiet tribulazzjonijiet u kalunji, waqt li għadda għal għonq Ġettsamini twil, dejjem fiduċjuż fil-providenza, dejjem ubbidjenti għall-Papa u għall-Knisja.

Hu, bil-kuruna tar-rużarju f’idejh, jgħid ukoll lilna, insara tat-tmiem tal-XX seklu: “Qajjem mill-ġdid il-fiduċja tiegħek fil-Verġni Santissma tar-Rużarju… Hemm bżonn li jkollok il-fidi ta’ Ġobb!…Omm Qaddisa adorata, jien mill-ġdid inqiegħed fik kull tbatija tiegħi, kull tama, kull fiduċja!” (11 ta’ Marzu 1905).

5. Għeżież!

Illum il-Knisja tipproponi għall-meditazzjoni tagħna u għall-imitazzjoni tagħna saċerdot, reliġjuża u lajk: hija tassew sintomatika din il-konnessjoni tat-tliet “stati” ta’ ħajja! Wieħed jistà jgħid li hija ġrajja u inkuraġġiment għall-kategoriji kollha li jiffurmaw il-poplu ta’ Alla, li jikkostitwixxu l-Knisja pellegrinanti lejn is-sema: ilkoll aħna msejħin għall-qdusija; għal kulħadd hemm il-grazzji meħtieġa u suffiċjenti, ħadd mhu eskluż! Bħal ma enfasizza l-Konċilju Vatikan II : “Il-fidili kollha ta’ kull stat jew grad huma msejħa għaall-milja tal-ħajja nisranija u għall-perfezzjoni tal-karità…Fid-diversi kwalitajiet tal-ħajja u fid-diversi uffiċċji hija kkultivata qdusija waħda minn dawk imqanqla mill-Ispirtu ta’ Alla u, ubbidjenti għal-leħen tal-Missier, isegwu lil Kristu fqir, umli,  u mgħobbi bis-salib, biex jimmerita li jkun parteċipi tal-glorja tiegħu” (Lumen Gentium, 40b, 41a).

U mill-ġdid: “Il-fidili kollha huma mistiedna u miżmuma biex isegwu l-qdusija u l-perfezzjoni tal-istat tagħhom” (Ivi, 42e).

Don Orione, suor Maria Anna u Bartolo Longo, waqt li jsejħulna għal din id-duttrina fundamentali, jagħtuna lezzjoni ta’ mportanza suprema: il-bżonn tal-qdusija tagħna, imfittxa b’serjetà, sinċerità umiltà u kostanza: “Fittxu l-ewwel is-saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu!” (Mt 6,33) wissa Ġesù.

It-tentazzjoni l-iktar sottili, u dejjem rikorrenti, hija dik li trid tibdel is-soċjetà billi tibdel biss l-istrutturi esterni; li trid tirrendi kuntent il-bniedem fuq l-art, billi tissodisfa unikament għall-bżonnijiet tiegħu u għax-xewqat tiegħu. Il-beati l-ġodda li llum qegħdin nitolbu jgħidu lilna lkoll, saċerdoti, reliġjużi u lajċi, li l-impenn ewlieni u l-iktar important huwa dak li nibdlu lilna nfusna, li nqaddsu lilna nfusna, fl-imitazzjoni ta’ Kristu, fl-axxetika ta’ kuljum metodika u perseveranti: il-bqija jiġi per konsegwenza.

Ejjew ngħollu bil-fidi t-talb tagħna lill-beati l-ġodda, li diġa laħqu il-ferħ etern tas-sema:

Don Luigi Orione,
suor Maria Anna Sala,
Bartolo Longo interċedu għall-Knisja,
li intom tant ħabbejtu!

Għinuna, dawluna,
akkumpanjawna fil-mixja tagħna,
dejjem ‘il quddiem, ma’ Marija!

Ifirxu ħarsitkom
u mħabbitkom fuq l-umanità kollha,
li tinħtieġ certezza u salvazzjoni!
U stennewna fil-glorja tas-sema,
li diġa tippossiedu!

Amen! Amen! Alleluia!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: