VIŻTA PASTORALI LILL-PARROĊĊA TA’ SIDTNA TAS-SAGRAMENT U TAL-QADDISIN MARTRI KANADIŻI. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Ruma, 2 ta’ Novembru 1980
1. “Ifaħħruk, Mulej, l-opri kollha tiegħek / Iberkuk il-fidili tiegħek. / Ixandru l-glorja tas-saltna tiegħek / u jitkellmu dwar il-qawwa tiegħek” (Sal 144 [145],10-11).
B’tali kliem, meħud mil-liturġija tal-Ħadd ta’ wara s-sollennità tal-qaddisin kollha, nixtieq inqim lill-martri Kanadiżi, patruni tal-Parroċċa tagħkom. U fl-istess ħin, waqt li nirrendi qima lil dawk li jipproteġu l-komunità tagħkom mis-sena 1955, nixtieq insellem lil din il-komunità fl-għaqda tal-Knisja Rumana.
Infatti llum qiegħed niġi għandkom bħala Isqof ta’ din il-Knisja biex nixhed l-għaqda tal-parroċċa tagħkom mal-Knisja li hija l-ewwel fost kollha, li tagħha l-fundaturi kienu l-Appostli Pietru u Pawlu, u l-ewwel ragħaj kien Pietru, mexxej tat-tnax l-Appostli.
2. Kbir huwa l-ferħ li niltaqà magħkom, f’din il-Knisja tal-għaġeb, u propju fil-ħamsa u għoxrin anniversarju tal-ħajja tal-parroċċa tagħkom!
Nixtieq l-ewwelnett ngħaddilkom it-tislima tiegħi: din hija t-tislima tal-Isqof tagħkom, li jħobbkom, isegwikom, huwa dejjem qribkom bit-talb tiegħu u bl-ansjietà tiegħu ta’ missier, ragħaj u ħabib. Din hija t-tislima kordjali u affezzjonanti li ngħaddi lill-Kardinal Roy, l-Arċisqof ta’ Quebec, fil-Kanada, titolari ta’ din il-Knisja, lill-Kardinal vigarju u lill-Isqof awziljarju Monsinjur Oscar Zanera, waqt li niżżihom ħajr għax-xogħol regolari u diliġenti tagħhom; din hija tislima lir-rappreżentanti tal-Istat Kanadiż; din hija t-tislima li nestendi lill-kappillan u lis-saċerdoti sagramentini, kollaboraturi tiegħu, li b’attenzjoni kostanti u amorevoli jmexxu l-parroċċa, bl-uniku tħassib li jiffurmaw minnkom insara tajbin; din hija t-tislima li nixtieq ngħaddi wkoll għas-superjur ġenerali tal-komgregazzjoni tas-saċerdoti tas-Santissmu Sagrament, patri Enriku Verhoeven, u għall-membri kollha tal-kurja ġeneralizja, li hawn għandha s-sedja tagħha.
Imma b’mod speċjali rrid insellem lilkom, fidili, li flimkien mal-komunità tal-fratelli saverjani, il-membri tal-moviment tal-fokolarini u s-sorijiet ta’ sebà komunitajaiet reliġjużi, tiffurmaw il-“Poplu ta’ Alla ta’ din il-Knisja lokali, xhud tal-Kristu Irxuxtat, pellegrinanti fost il-ġrajjiet tal-istorja lejn il-Ġerusalem ċelesti! Kull wieħed u waħda minnkom, tfal, żgħażagħ, adulti, anzjani, morda, batuti, iħossuhom f’dan il-waqt qrib qalb il-Papa! Ġejt inżurkom, żjara tassew mixtieqa, biex nurikom li jien kuntent b’xogħlkom u bl-impenn tagħkom, biex nuri lilkom u lis-saċerdoti tagħkom is-sodisfazzjon ħaj tiegħi.
Il-parroċċa tagħkom tagħlaq ħamsa u għoxrin sena u ladarba l-Knisja ġiet mibnija fil-parti l-kbira mill-fondi miġbura mill-patrijiet sagramentini fil-Kanada, kienet iddedikata lill-qaddisin martri Kanadiżi u saret għalhekk it-tempju nazzjonali ta’ dan in-nazzjon f’Ruma. Intom tafu l-ġrajja drammatika u glorjuża ta’ dawn it-tminn martri ġiżwiti, li wara San Ġwann Brebeuf telqu bla biżà minn Franza u żbarkaw f’dak in-nazzjon kbir biex jikkatekizzaw l-Uroni. Il-missjoni tagħhom kienet “via crucis” iebsa u twila, inkurunata minn tant konverżjonijiet għall-Vanġelu ta’ Kristu. U fuq kollox tafu kif ix-xhieda ta’ mħabba tagħhom intemmet bil-martirju. Il-fidi tagħhom qalbiena u deċiża kienet għalikom ta’ eżempju kbir f’dan il-perijodu; l-interċessjoni tagħhom kienet għal din il-parroċċa ta’ qawwa spiritwali kbira. Infatti, kemm xogħol twettaq f’dawn il-ħamsa u għoxrin sena! Niżżu ħajr lill-Mulej għall-abbundanza tad-doni tiegħu u niżżu ħajr ukoll lill-qaddisin martri, li flimkien mal-Madonna, Sidtna tas-Santissmu Sagrament, ipproteġewkom u ispirawkom fl-attivitajiet kollha tagħkom.
3. Is-silta tal-Vanġelu ta’ San Luqa, li l-liturġija tpproponi biex nimmeditaw fil-wieħed u tletin Ħadd ta’ matul is-sena, tfakkar l-episodju li seħħ, waqt li Ġesù kien qiegħed jaqsam il-belt ta’ Ġeriku. Kienet ġrajja talment sinifikattiva, li għalkemm issa nafuha bl-amment, hemm bżonn li għal darb’oħra nerġgħu nimmeditaw b’attenzjoni fuq l-elementi singuli.
Żakkew ma kienx biss pubblikan (bħal ma kien Levi – wara l-Appostlu Mattew), imma “mexxej tal-pubblikani” u kien “għani” ħafna. Meta Ġesù kien għaddej qrib daru, Żakkew, akkost ta’ kollox “fittex li jara”…lil Ġesù” (Lq 19,3), u għal dan l-iskop – billi kien qasir – dakinhar telà fuq siġra (l-Evanġelista jgħid “tina selvaġġa”), “biex ikun jistà jarah” (Lq 19,4).
Kien f’dan il-waqt li Ġesù ra lil Żakkew u dar lejh bil-kliem li tant iġegħlna naħsbu. Infatti Kristu mhux biss wera li kien intebaħ bih (hu – mexxej tal-pubblikani, mela bniedem ta’ ċerta pożizzjoni) fuq is-siġra, imma iktar, quddiem kulħadd iddikjara li ried “imur ġewwa daru” (cf. Lq 19,5). Dan qajjem ferħ kbir f’Żakkew, u fl-istess ħin tgergir fost dawk li għalihom tali manifestazzjonijiet tar-rapporti tal-Imgħallem ta’ Nażżaret mal- “pubblikani u l-midimbin” b’mod l-iktar evidenti ma kinux jogħġbuhom.
4. Din hija l-ewwel parti tas-silta, li timmerita riflessjoni. Hemm bżonn qabel xejn nieqfu fuq l-istqarrija li Żakkew “fittex li jara lil Ġesù” (Lq 19,5). Din hija sentenza tassew important li għandna nirreferu lil kull wieħed u waħda minna hawn preżenti – anzi, b’mod indirett lil kull bniedem. Irrid jien “nara lil Kristu”? Nagħmel minn kollox biex “inkun nistà narah”? Din il-problema, wara elfejn sena, hija attwali bħal dakinhar li Ġesù qasam il-bliet u l-irħula ta’ artu. Hija l-problema attwali għal kull wieħed u waħda minna personalment: “irrid”? “irrid verament”? Jew, forsi, pjuttost nevita l-laqgħa miegħu? Nippreferi li ma narahx u nippreferi li hu ma jaranix (talinqas għall-mod tiegħi kif naħseb u kif inħoss)? U jekk b’xi mod diġa narah, allura nippreferi narah mill-bogħod bla ma joqrob ħafna lejja, ma ninbuttax lili nnifsi quddiem għajnejh biex ma nindunax iżżejjed, biex ma jkollix naċċetta l-verità kollha li huwa hu, li tiġi minnu – minn Kristu??
Din hija dimensjoni tal-problema, li taħbi fiha il-kliem tal-Vanġelu tallum dwar Żakkew.
Imma għad hemm dimensjoni soċjali oħra. Din għandha bosta ċrieki, imma jien irrid inqiegħed din id-dimensjoni fiċ-ċirku konkret tal-parroċċa tagħkom. Infatti l-parroċċa, u jiġifieri komunità nisranija ħajja, teżisti sabiex Ġesù Kristu jkun b’mod kostanti muri fit-triq tal-bnedmin individwali, tal-persuni, tal-familji, tal-ambjenti, tas-soċjetà. U din il-parroċċa tagħkom, iddedikata lill-martri Kanadiżi, qiegħda tagħmel kollox sabiex l-ikbar numru ta’ bnedmin “iridu jaraw lil Ġesù Kristu”?
Hekk bħal Żakkew? U mbagħad: X’tistà tagħmel iktar għal dan l-iskop?
5. Ejjew nieqfu fuq dawn id-domandi. Anzi, ejjew inkompluhom bil-kliem tat-talba, li nsibu fit-tieni qari tal-quddiesa, meħud mill-ittra ta’ San Pawl lit-Teassalonkin: “Ħuti…għalhekk aħna dejjem nitolbu għalikom li Alla tagħna jagħmilkom denji tas-sejħa tiegħu, u jagħmel li bil-qawwa tiegħu sseħħ kull rieda tajba tagħkom, għall-ġid ta’ kull ħidma tal-fidi tagħkom. U hekk permezz tagħkom ikun imsebbaħ l-isem ta’ Ġesù, u hu jsebbaħ lilkom skont il-grazzja ta’ Alla tagħna u Sidna Ġesù Kristu” (2Ts 1,11-12). Jiġifieri – waqt li nitkellmu bil-lingwaġġ tas-silta evanġelika tallum – nitolbu, sabiex intom tfittxu li taraw lil Kristu (cf. Lq 19,3), sabiex tmorru tiltaqgħu miegħu, bħal Żakkew… u li jekk intom qosra, titilgħu, għal dan il-għan, fuq siġra.
U Pawlu jkompli jiżviluppa t-talba tiegħu, billi jitlob lid-destinatarji tal-ittra tiegħu li ma jħallux li jkunu mħabbta u nkwetati b’mod faċli, minn ispirazzjonijiet qarrieqa… (cf. 2Ts 2,2). Minn liema “ispirazzjonijiet? Forsi sempliċement mill-“ispirazzjonijiet ta’ din id-dinja”. Nġħiduha bil-lingwaġġ tallum: minn mewġa ta’ sekularizzazzjoni u ta’ ndifferenza rigward il-valuri divini u umani maġġuri. Jgħid imbagħad Pawlu: “linqas minn kliem”. Infatti ma jonqosx illum il-kliem li għandu mira biex “jikkonfondi” jew li “jħawwad” lill-insara.
6. Żakkew ma ħalliex lilu nnifsu jiġi mħawwad linqas inkwetat. Ma beżax li l-laqgħa ta’ Kristu f’daru setgħet thedded, per eżempju, il-karriera tiegħu professjonali jew tirrendi diffiċli xi azzjonijiet, marbuta mal-attività tiegħu ta’ mexxej tal-pubblikani. Huwa jilqà lil Kristu f’daru u jgħid: “Hawn, Mulej, jiena nagħti nofs ġidi lill-foqra; u jekk sraqt lil xi ħadd, nagħtih lura erbà darbiet dak li sraqtlu” (Lqc 19,8).
F’dan il-punt jidher ċar li Żakkew mhux biss “ra lil Kristu”, imma fl-istess ħin, Kristu eżaminalu qalbu u l-kuxjenza; stħarrġu sal-qiegħ. U hekk hu, jitwettaq dak li jikkostitwixxi l-frott veru tal-“wiri” ta’ Kristu, tal-laqgħa miegħu fil-verità totali: jitwettaq il-ftuħ tal-qalb, titwettaq il-konverżjoni. Titwettaq l-opra tas-salvazzjoni. Dan jurih Ġesù nnifsu meta jgħid: “Illum ġiet is-salvazzjoni f’din id-dar, għaliex huwa wkoll huwa bin Abraham: infatti Bin il-bniedem ġie biex ifittex u jsalva dak li kien mitluf” (Lq 19,9-10). U din hija waħda mill-isbaħ espressjonijiet tal-Vanġelu.
Dan l-aħħar kliem għandu mportanza speċjali. Dan jiżvela l-universaliżmu tal-missjoni feddejja ta’ Kristu. Tal-missjoni li tibqà fil-Knisja. Mingħajr dan il-kliem ikun diffiċli li wieħed jifhem it-tagħlim tal-Vatikan II u partikolarment ikun diffiċli li wieħed jifhem il-kostituzzjoni dommatika dwar il-Knisja “Lumen Gentium”.
7. Il-parroċċa tagħkom ukoll għandha tfittex li tilqà dejjem iktar lil Ġesù fost il-membri tagħha, għandha dejjem iktar issir aħjar, kemm fl-ispirtu u fil-formazzjoni, kif ukoll fl-attivitajiet differenti.
Ħafna huma l-gruppi organizzati: l-Azzjoni Kattolika, il-komunitajiet neokatekumenali, l-aggregazzjoni tas-Santissmu Sagrament, l-Apostolat tat-talb, il-kumpanija ta’ San Vinċens, il-“legio Mariae”, il-grupp “familja” u l-moviment tat-“tielet età”. Waqt li nesprimilkom l-approvazzjoni sinċiera tiegħi, inħeġġiġkom ukoll biex tkunu dejjem iktar żelanti u biex twessgħu l-linji tagħkom, sabiex ħafna oħrajn ikunu jistgħu jieħdu n-nifs ta’ din l-atmosfera ta’ spiritwalità ntensa. Il-parroċċa tagħkom tidhirli kkaratterizzata minn attivitajiet partikolari: il-katekeżi ordnata u metodika u l-adorazzjoni lis-Santissmu. Nieħu pjaċir inkun naf li iktar minn mitt katekist, hawn imħejjija, qegħdin joffru l-opra tagħhom f’Ruma, fl-Italja u wkoll barra mill-pajjiż; li kuljum, għal iktar minn sitt sigħat, tinżamm adorazzjoni pubblika, li kultant iddum għaddejja wkoll bil-lejl. Komplu f’din it-triq tal-għaġeb ta’ fidi, ta’ mħabba u ta’ xhieda!
Wessgħu l-katekeżi b’mod speċjali għall-adulti, kemm fil-parroċċa għad-diversi gruppi organizzati u għad diversi klassijiet ta’ persuni, kemm fil-palazzi u fil-kwartieri. Itolbu wkoll għall-vokazzjonijiet saċerdotali u l-perseveranza tagħhom. Jalla l-parroċċa tagħkom “tara” dejjem iktar lil Kristu, u twassal b’mod iktar wiesà għal-laqgħa ma’ Kristu!
8. Illum nisimgħu bi tqanqil partikolari l-kelma tal-Vanġelu ta’ San Ġwann: “Alla infatti tant ħabb lid-dinja li taha lil Ibnu uniġenitu, sabiex kulmin jemmen fih ma jmutx imma jkollu l-ħajjata’ dejjem” (Ġw 3, 16).
Naħsbu dwar il-martri Kanadiżi, naħsbu dwar il-qaddisin kollha li tagħhom il-bieraħ iċċelebrajna is-sollennità. Fl-istess ħin niftakru l-mejtin tagħna, li tagħhom illum qegħdin nagħmlu it-tifkira fil-Knisja kollha.
Inħossuna magħqudin magħhom, li diġa “qegħdin jaraw” lill-Mulej wiċċ imb wiċċ, jew qeġhdin jistennew fil-purifikazzjoni misterjuża li jilħqu lil wiċċu. Ngħinuhom bis-sufraġju tagħna, bit-tifkira maħbuba u pija tagħna. Nitolbu għalihom, b’fiduċja, lil dan Alla li tant ħabb id-dinja li ta lil Ibnu sabiex min jemmen fih ikollu l-ħajja ta’ dejjem.
Inġeddu fina l-fidi u t-tama tal-ħajja eterna: ladarba “Bin il-bniedem… ġie biex ifittex u jsalva dak li kien mitluf” (Lq 19,10).
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb