Dante profeta ta’ tama u ħniena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku jiċċelebra lil Dante bħala profeta ta’ tama u ta’ ħniena

Nhar il-25 ta’ Marzu, festa tas-sollennità tat-Taħbira tal-Anġlu lil Marija, il-Papa Franġisku ippubblika ittra appostolika bl-isem ta’ Candor lucis aeternae (Splendur ta’ Dawl Etern) fis-700 anniversarju mill-mewt tal-poeta kbir Taljan, Dante Alighieri.

F’din l-ittra l-Papa jgħid li l-kapolavur ta’ Dante, La Divina Commedia, fih fidi profonda u hu relevanti għal kull żmien. Dante hu “profeta ta’tama” għax jistieden lill-umanità biex teħles lilha nnifisha mill-“foresta mdallma” tad-dnub u ssib “il-mogħdija t-tajba” biex tasal għall-milja tal-ħajja u għall-beatitudni eterna ta’ Alla. Kulħadd jista’ jimxi dan il-pellegrinaġġ għax il-ħniena t’Alla dejjem toffri l-possibbilta ta’ bidla u ta’ konverzjoni. Fost personaġġi oħra, il-Papa jgħid li Dante jagħti prominenza lil Marija, li tirrappreżenta l-karità, u lil San Franġisk bħala “warda tal-imberkin”.

Il-Papa jifraħ lill-għalliema li b’passjoni jwasslu l-messaġġ ta’ Dante Dante, li hu jsejjaħ “artist brillanti”, u jistedinhom biex  jintroduċu lill-oħrajn għar-rikkezzi kulturali u reliġjużi li hemm fil-kitbiet ta Dante. Il-Papa jitlob biex il-wirt ta’ Dante ma jibqax magħluq fil-klassijiet u fl-universitajiet imma jinfirex fil-komunitajiet insara u fl-għaqdiet kulturali. “L-artisti”, jgħid il-Papa, għandhom “jagħtu leħen, wiċċ, qalb u kulur lill-pożija ta’ Dante billi jsegwu t-triq tas-sbuħija li b’tant maestrija maestrija Dante”. B’hekk iwasslu l-messaġġ ta’ paċi, libertà u fraternità. 

Rapport għal-Laikos minn Joe Galea