Omelija mill-Isqof Anton Teuma f’Ħadd il-Palm

Print Friendly, PDF & Email

Omelija tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma f’Ħadd il-Palm. Katidral ta’ Għawdex.

“Aħna l-Insara, aħna d-dixxipli ta’ Ġesù, aħna li nemmnu f’Ġesù, aħna li nħobbu lil Ġesù, naqbdu l-istess triq ta’ Ġesù. Nimxu it-triq ta’ Ġesù. Nimxu wara Ġesù.”

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/iat_omelija_28032021″ params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija fit-Tifkira Solenni tad-Daħla ta’ Ġesù f’Ġerusalemm

Ħadd il-Palm u l-Passjoni tal-Mulej, 28 ta’ Marzu 2021
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

NIFTĦU QALBNA GĦAL DIN IL-ĠIMGĦA

Matul din il-ġimgħa li qegħdin nibdew, il-Ġimgħa l-Kbira, il-Ġimgħa Mqaddsa, il-Knisja tagħmel erba’ purċissjonijiet importanti. L-ewwel waħda suppost għamilnieha llum: nagħmluha fl-immaġinazzjoni tagħna, nimxu wara Ġesù nxejru l-palm, deħlin lejn Ġerusalemm. It-tieni purċissjoni importanti hija dik bl-Ewkaristija, lejn l-Altar tar-Ripożizzjoni. It-tielet purċissjoni importanti hija b’Ġesù Msallab: inqimu l-għuda tas-Salib fil-jum tal-mewt ta’ Ġesù, fil-Ġimgħa l-Kbira. L-aħħar purċissjoni hija dik bid-Dawl, bil-Blandun, meta ferħanin, mimlijin bit-tama, ngħixu l-esperjenza qawwija, ngħixu l-Aħbar it-tajba tal-Qawmien mill-imwiet.

Illum għamilna l-ewwel purċissjoni, almenu fl-immaġinazzjoni, minħabba l-fatt li din is-sena aħna wkoll limitati u ma nistgħux nipparteċipaw fiżikament, imma nipparteċipaw bl-ispirtu u bil-mezzi ta’ komunikazzjoni. Imma l-purċissjoni tal-lum għandha tifsira fundamentali. Aħna l-Insara, id-dixxipli ta’ Ġesù, aħna li nemmnu f’Ġesù, li nħobbuh, naqbdu l-istess triq ta’ Ġesù, nimxu t-triq ta’ Ġesù, nimxu warajh. Fejn aħna sejrin? Fejn immorru, jekk aħna nimxu wara l-Imgħallem tagħna, wara l-Mulej tagħna?

Jekk aħna nimxu wara Ġesù, immorru biex nirċievu doni kbar, immorru biex nagħmlu esperjenza tal-imħabba infinita li Alla għandu għalina, murija lilna fit-tbatija u fil-mewt ta’ Ġesù; mogħtija lilna fil-ħobż u l-inbid, fl-Ewkaristija. Daqshekk iħobbni Alla, daqshekk iħobbok Alla li lest li jmut għalik, li lest li jagħti lil Ibnu għalik! U għalhekk verament nimxu, niġru u ngħajtu bil-ferħ illum ma’ dawk il-Lhud minn Betfaġe sa Ġerusalemm. Aħna wkoll nimxu wara Ġesù bil-ħeġġa ta’ qalbna, anki minn ġo djarna, bl-imħabba tagħna biex nagħmlu din l-esperjenza. Aħna wkoll inħejju qalbna u ruħna biex matul din il-ġimgħa nirċievu u mhux nagħtu, mhux nagħmlu, imma nirċievu mħabba hekk kbira li qatt ma nstemgħet bħalha: Alla li jagħtina lilu nnifsu fil-persuna ta’ Ġesù. Sagrament li għadna ngħixuh illum fl-Ewkaristija. Sinjal ħaj, sinjal reali, li llum stess għadna ngħixuh permezz tal-quddiesa, permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija. Għalhekk l-Ewkaristija hi fundamentali, hi importanti għalina l-Kristjani.

Imbagħad, meta aħna nimtlew b’dak il-ferħ u b’din l-imħabba li jagħtina Ġesù, bil-mewt, bl-Ewkaristija, imbagħad verament niddawlu, verament il-ħajja tagħna tista’ timtela bl-illuminazzjoni. Anki dawk il-kantunieri l-iktar mudlama, hemm fejn hemm il-mard, fejn hemm it-tbatija, fejn hemm diffikultà fir-relazzjonijiet, fejn hemm il-problemi ekonomiċi; anki hemmhekk dan id-dawl ta’ Kristu, dan id-dawl ta’ Alla li jħobbna, jista’ jidħol u flimkien, din is-sena minn djarna, flimkien nistgħu niċċelebraw l-hena, il-ferħ tal-Qawmien… mhux tant fl-istatwi – issa din is-sena qed nifhmuha ftit iktar – imma fil-qalb tagħna, fil-familja, fid-dar tagħna.

X’għandu jkun ix-xogħol tagħna matul din il-ġimgħa li qegħdin nibdew? Jgħidhulna tajjeb il-Vanġelu sabiħ li smajna (Mk 14:1–15:47). Għalhekk il-Knisja tippreżentalna llum il-Passjoni kollha, fil-bidu tal-Ġimgħa Mqaddsa, biex inkunu nafu t-tappi kollha, it-tarġiet kollha li ser ngħixu matul din il-ġimgħa, diġà minn qabel. Imma jekk indunajtu, il-Vanġelu ta’ San Mark jibda u jispiċċa bil-figura tan-nisa. L-Evanġelju li smajna llum jibda bl-episodju ta’ dik il-mara li tferra’ l-fwieħa kollha tagħha, li taħli l-fwieħa kollha tagħha, li kienet tiswa ħafna, fwieħa rari li kienet tiswa tliet mitt dinar, taħliha fuq il-ġisem ta’ Ġesù. Ġesù jfaħħarha lil dik il-mara. Irridu nkunu bħal din il-mara, ħalja fl-imħabba. Qalbna miftuħa beraħ, għax inkella ma nkunux kapaċi nilqgħu l-imħabba kbira u infinita tal-Missier murija lilna fil-persuna ta’ Ġesù. Għalhekk ipoġġuhielna lil din il-mara fil-bidu tal-Passjoni, għaliex hija mera, hija rifless uman, limitat, tal-Imħabba divina, perfetta, illimitata, riflessa f’din il-mara sempliċi imma mimlija bl-imħabba. Fl-aħħar l-Evanġelju jispiċċa biż-żewġ nisa li joqogħdu jħarsu fejn qiegħdu lil Ġesù. Marija ta’ Magdala u Marija omm Ġosè joqogħdu jikkontemplaw il-ġrajja kollha, din l-imħabba kollha.

Il-Mulej jagħtina lilna wkoll li ngħixu din il-Ġimgħa, anki jekk differenti mis-soltu. Nagħmlu bħall-mara li xerrdet il-fwieħa tagħha: niftħu qalbna beraħ biex inħallu lil Alla jimlihielna bl-imħabba tiegħu. Nagħmlu wkoll bħal Marija ta’ Magdala u bħal Marija omm Ġosè, kif smajna fl-aħħar tal-Vanġelu: nibqgħu nirriflettu, nibqgħu nħarsu, nibqgħu naraw, nibqgħu f’moħħna u f’qalbna nżommu din il-ġrajja biex verament tbiddilna.

%d bloggers like this: