Issa hu żmien it-tajjeb! Araw issa hu jum is-salvazzjoni!

Kemm ‘il darba smajt il-vers sabiħ mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl lill-Korintin li jgħid: Għax hu jgħid:“Fiż-żmien it-tajjeb smajtek, f’jum is-salvazzjoni għentek.”Araw, issa hu ż-żmien tajjeb; araw, issa hu jum is-salvazzjoni! (2 Kor 6:2).

Ngħid għalija dan il-vers mill-Bibbja jagħtini biżibilju kuraġġ! Xi kultant, meta nitħaddtu fuq il-Mulej qisna qed nitħaddtu fuq xi ħadd ġej fuq is-sħab. Veru li jum għad jiġi. Imma l-Mulej hu aktar minn Dak li xi darba għad jiġi fuq is-sħab. Drabi oħra qisna inkullajna ruħna mal-għar ta’ Betlem. Tant li ngħidulu: Bambin! Anki jekk kiber, qatluh, miet u difnuh. U qam minn bejn l-imwiet. Ma naħsibx li wettaq dan ix-xogħol tant kbir biex jifdina u baqa’ Bambin! Naħseb li kiber xi naqra! L-ebda tarbija jew tfajjel ma jagħmel ix-xogħol li wettaq Ġesù fostna. U, skont San Ġwann, tant kemm wettaq ħwejjeġ li dan l-appostlu ma setax le ma jikkummentax bil-mod skjett tiegħu fl-għeluq tal-vanġelu meta kiteb: Iżda hemm ukoll bosta ħwejjeġ oħra li għamel Ġesù. Li kieku wieħed kellu jikteb kollox ħaġa b’ħaġa, naħseb li anqas id-dinja stess ma kienet tesagħhom il-kotba li kienu jinkitbu (Ġw 21:25).

Dan hu d-diskors tal-aħħar appostlu li jagħlaq ix-xhieda tiegħu fuq Ġesù. Mela, dan ifisser li issa jmiss lili u lilek sieħbi biex niktbu aħna wkoll l-esperjenza tagħna ta’ Ġesù kif jaħdem f’ħajjitna u f’dawk ta’ madwarna. Kuntrarju għal dawk li lil Ġesù iqisuh b’Bambin jew inkella xi ħadd imsakkar hemm fuq nett nett, dan Ġesù jaħdem ġmielu! Tant li jibda’ biċċa xogħol u ma jieqafx qabel ilestieha! Ix-xogħol li ġie mqabbad għalih hu dak li jsalvana. Liema xogħol għadu mhux lest. Għax li kieku kien lest l-għaliex kien se jwaqqaf il-Knisja, jiġifieri l-għaqda ta’ dawk li jemmnu fih? U l-għaliex kien se jibgħat lilek u lili biex inxandruh ma’ kullimkien? Fi ftit kliem, ix-xogħol għadu fi proċess. Mhux konsultattiv imma eżekuttiv għall-aħħar!

Għalhekk importanti li nħallu l-kelma li għadna kemm smajna teħel ma’ moħħna bħalma ċ-ċagħka weħlet ma’ nagħas Gulija ħalli tidħol fina u tibda’ tibdlilna l-mod ta’ kif naħsbu l-affarijiet. Hemm bżonn li rasna taħbat ħabta tajba magħha forsi nibdew nifhmu kif għandna nġibu ruħna b’mod li jfejjaq u mhux aktar li jmarrad. Bħalissa qegħdin fhiex qegħdin. Il-gazzetti u l-bullettini kulħadd jaqrahom u jismagħhom. M’hemmx x’taħbi! Quddiem din is-sitazzjoni għandna għażla: jew se noqgħodu nispekulaw fuq min kellu tort u allura nagħmlu kampanji sħaħ issa ngħidu kontra dak, dik jew dawk. Diskors ta’ din ix-xorta, minbarra li jtaqqal kemm jiflaħ, mhu ħa jwassal għall-imkien għajr li tinħoloq aktar biża’. Filwaqt li, għal dawk li jridu jaraw id-dawl, hemm it-triq l-oħra: naraw x’nistgħu nagħmlu fis-sitwazzjoni ħalli, bil-għajnuna tal-Mulej li jaħdem anki bix-xjenza u b’kull mod ieħor, nistgħu, bil-mod il-mod, noħorġu mill-mina mudlama u naraw id-dawl sabiħ tax-xemx tan-normalità.

Laqtitni bil-bosta l-omelija tal-Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna, nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Marzu 2021 fil-Bażilika tat-Twelid tal-Verġni Marija fl-Isla. Bi kliem għalliemi u prattiku għall-aħħar, qal: Aħna lkoll sogħbenin talli wara sena ta’ sagrifiċċji, donnu erġajna bdejna mill-bidu, erġajna b’restrizzjonijiet kbar fuq il-ħajja soċjali u anke fuq il-qima tagħna. It-tentazzjoni kbira tagħna hija li nuru l-frustrazzjoni tagħna, is-sogħba tagħna bir-rabja. Mhux il-mument li nwaħħlu f’xulxin… Ta’ min, qabel ma nitkellmu, niżżattu fuq is-social media, nieqfu ftit u nistaqsu lilna nfusna: imma dak li qed ngħid, dak li qed nikteb, jagħmel sens fid-dawl tal-imħabba? X’inhu l-iżjed importanti? Ir-ritwal jew is-saħħa u l-ħajja tal-bniedem? Kemm għandna professuri bravi, kemm għandna teoloġi kbar! Imma jekk ma jkollniex l-imħabba u s-sens ta’ dak li hu bżonjuż li jsir, anke b’sagrifiċċju, allura ħabib, għad baqalna x’nimxu.

Dawn il-kelmiet profondi u li jmissu l-qalb ta’ Monsinjur Arċisqof qed iħeġġuna biex, kif qal tant tajjeb hu stess, nifhmu li dan huwa l-mument li nifhmu li Alla qed jisfidana f’dawn iċ-ċirkustanzi biex infittxu l-vera imħabba għal xulxin. Tassew krudeltà meta dawn ir-restrizzjonijiet li qed jagħtuna l-awtoritajiet tas-saħħa nagħtuhom bis-sieq! Min qalilna li l-imħabba vera ma tweġġax? Kuntrarju għal dak li jaħsbu xi wħud l-imħabba mhux kemm se nieħu l-pjaċir li jtir mar-riħ u li mbagħad erħili wara bit-toqol kbir li jkolli fil-kuxjenza għax kissirt ħajti u dik ta’ ħaddieħor u dan, sempliċiment, biex naqta’ l-għatx ta’ dak li nħoss fid-dagħdigħa tal-mument. Din qerda mhux imħabba!

L-imħabba vera u li tagħti l-frott hi daqskemm inħobb ningħata għall-ġid ta’ ħaddieħor. U ningħata sakemm nibda’ inweġġa’ għax niskomoda ruħi. Kien għalhekk li l-Arċisqof, b’għaqal kbir, qal: Tgħidli: ‘Niddejjaq nilbes il-maskra, niddejjaq li kullimkien trid taħsel idejk, niddejjaq li kull fejn immur iridu jeħduli t-temperatura!”. Agħmilhom bħala att ta’ mħabba. U f’dawn ix-xhur li ġejjin se jkollna sfidi kbar fuq l-imħabba...

L-element tas-sagrifiċċju jmiss lil kulħadd. Anki lilna tal-Knisja. Għax il-piż ta’ dak li għaddejjin minnu ilkoll qegħdin inġorruh. L-għaliex ilkoll aħna f’Malta qed ngħixu bħan-nies l-oħra. Għalhekk, għalina, u għalija l-ewwel wieħed u mingħajr ma nipponta subgħi lejn xi ħadd, l-Arċisqof Scicluna għandu kelma li biha tefagħni f’dixxerniment u f’responsabbiltà kbira mhux biss għalija personali imma wkoll għan-nies l-oħra li tagħhom jien responsabbli.

Tiċħad lilek innifsek ifisser li tinsa l-interessi personali tiegħek individwali u tibda taħseb iżjed fil-ġid komuni. Aħna, il-komunità Nisranija, m’aħniex eċċezzjoni. Id-deċiżjonjijiet iebsa li jittieħdu mhumiex kapriċċ. Aħna wkoll irridu nagħtu sehemna b’diffikultajiet kbar għalina. Ġej l-Għid. Tgħidu: ‘Mhux il-mument li tagħlaq il-knejjes imma li tiftaħhom’.  Imma jiena ma rridx li l-knisja tkun okkażjoni ta’ mard, okkażjoni ta’ mewt għax Alla tana huwa Alla tal-ħajja. Ma nistax inħalli knisja miftuħa għall-folol ta’ nies u sadanittant immarradhom u nwassalhom għall-mewt. X’fidi hi din? X’imħabba hi din? Din hi l-imħabba li jrid Ġesù?

F’dawn il-mumenti daqshekk iebsin meta, kif qal l-Arċisqof, hawn min għandu l-ħaddiema u issa għejja jħallas mingħajr ma jkollu dħul, … f’dawk li l-ħajja tagħhom tiddependi mit-turiżmu li kważi spiċċa; dawk li jdawru r-rota bl-ospitalità billi joffru divertiment: lill-artisti tagħna, il-mużiċisti tagħna, u lill-atturi, … u tant setturi oħra li issa se jkollhom jieqfu issa għal xahar ieħor u min jara l-prospetti ekonomiċi tiegħu u forsi t-tama li jdaħħal xi ewro jew tnejn biex ikollu biex iħallas il-ħaddiema, frustrati mill-ġdid, … il-familji mogħbija bid-dejn li jitolbu ’l Alla li almenu jkollhom biex ipoġġu l-ħobżna ta’ kuljum fuq il-mejda tal-ikel għalihom u għal uliedhom, għal min kellu pjanijiet kbar biex jibni familja, forsi jkollu dar ġdida, u kollox safa’ suf, issa hu l-waqt tal-imħabba vera.

U l-Knisja f’Malta uriet xi issarraf anki f’dawn il-mumenti diffiċli. Fil-fatt, il-Knisja għadha kemm nidiet il-kampanja tar-Randan Itma’ u Libbes, li organizzat l-Arċidjoċeżi ta’ Malta permezz tan-Network Caritas Parish Diaconia flimkien ma’ Newsbook.com.mt u l-103 Malta’s Heart. Din il-kampanja għandha l-ħsieb li tgħin lil dawk li qed ibatu. Bil-ġbir ta’ fondi jitħallsu l-ikliet li qed jingħataw lil dawk fil-bżonn u anki bil-ġbir ta’ ħwejjeġ f’kundizzjoni tajba ħafna din il-kampanja taħseb biex tħares id-dinjità ta’ dawk li qed jirċievu din l-għajnuna.

L-ikel li qed jiġi ipprovdut hu msajjar minn koki professjonali li qed jużaw ingredjenti li huma meħtieġa għal dieta f’saħħitha. Jekk trid tħobb lil ħutek Maltin li qed ibatu tista’ tgħinhom billi tibgħat SMS jew tagħti ċempila fuq dawn in-numri: Meta tagħti €11.65 tista’ titma’ tifel jew tifla għal ġimgħa (l-SMS hu 50619270). Meta tagħti €20 tkun qed titma’ koppja anzjana għal ħamest ijiem. Għalhekk ċempel fuq 51002037. Meta tagħti €50 tista’ titma familja għal erba’ jew tlett ijiem. Mela ċempel fuq 51902072. Fil-kummenti tiegħu dwar din il-kampanja Monsinjur Arċisqof qal: Aħna kburin li qed naħdmu permezz tan-Network tat-Djakonija, in-Newsbook u l-103 Malta’s Heart biex inwettqu l-kmand li tana Kristu: li nitimgħu lil min hu bil-ġuħ u nlibbsu lill-fqar. Għalkemm din hi inizjattiva għar-Randan nittamaw li, permezz tal-ġenerożità tan-nies, inkunu nistgħu ntaffu l-ġuħ ta’ dawk fil-bżonn u li nlibbsu lil dawk li jsibuha diffiċli li jlaħħqu.

Din l-inizjattiva mhux paroli fil-vojt li aktar jtaqqal, jaqta’ il-qlub u jagħmel xebgħa ħsara milli ġid għandha. Din hi xi ħaġa prattikalissma. Kollox jiddependi jekk qalbi hix tal-laħam inkella iebsa ġebel. L-għażla f’idejja. Imma ħa niftakar: Araw issa hu ż-żmien it-tajjeb! Araw issa hu jum is-salvazzjoni! Il-mazz f’idejja!

Patri Mario Attard OFM Cap