Ir-riħa tfuħ tal-ġenerożità. Omelija mill-Isqof Awżiljarju Joe Galea Curmi


It-Tnejn, 29 ta’ Marzu 2021: Omelija tat-Tnejn tal-Ġimgħa Mqaddsa mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Id-dar imtliet bir-riħa tfuħ”. Hekk naqraw fl-Evanġelju skont San Ġwann, f’dan ir-rakkont meta Marija, oħt Lazzru, ħadet fwieħa tan-nard pur, tiswa ħafna, u b’din il-fwieħa dilket riġlejn Ġesù. Kien ġest li juri l-imħabba kbira li hi kellha lejn Ġesù.

Marija kienet tħobbu tassew lil Ġesù. Niftakru dak ir-rakkont fl-Evanġelju skont San Luqa, meta Ġesù mar għandha u għand Marta. Hi niżlet f’riġlejn Ġesù tisimgħu x’kien qiegħed jgħid, u Marta kienet medhija b’ħafna xogħol. U meta Marta lmentat ma’ Ġesù, u qaltlu biex jgħidilha tgħinha, Ġesù qalilha li Marija “għażlet is-sehem it-tajjeb u ma jitteħdilhiex” (Luqa 10:42). Dan il-kliem baqgħet iżżommu dejjem f’qalbha, bi mħabba kbira lejn Ġesù.

Tant kienet tħobbu, li ma riditx tistenna sakemm imut biex turih li tħobbu. Ġiet hemmhekk b’dil-fwieħa, ma ddejqet xejn min-nies, u hemmhekk riedet turih tassew din l-imħabba. Ġesù semma: “din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi”. Ma qagħditx tistenna sad-difna tiegħu. U b’dik il-fwieħa d-dar mtliet b’riħa tfuħ – ir-riħa tfuħ tal-fwieħa, imma wkoll ir-riħa tfuħ tal-ġenerożità, tal-imħabba li hi ġeneruża.

Iktar ma nidħlu fl-esperjenza kerha tal-passjoni ta’ Ġesù, aktar naraw dan il-kuntrast: bejn l-imħabba u l-mibegħda, il-paċi u l-vjolenza, il-maħfra u l-vendikazzjoni, il-grazzja u d-dnub, il-ħajja u l-mewt.

F’dan l-ambjent, f’did-dar bir-riħa tfuħ, min oġġezzjona? Wieħed mid-dixxipli: Ġuda l-Iskarjota. Deherlu li dak kien ħela. Ma setgħux il-flus ingħataw lill-foqra, flok toqgħod taħlih f’dak il-mod, fuq fwieħa għal riġlejn Ġesù? L-Evanġelju jgħid li dan il-kliem ma qalux għax qalbu kienet taħarqu għall-foqra; anzi, kien jara kif jieħu hu wkoll mill-flus. Dan kien l-istess wieħed li ftit wara kien se jittradixxi lil Ġesù għal 30 biċċa tal-fidda. Hawn f’din is-silta, hemm dan il-kuntrast bejn Marija li hi ta’ qalb kbira, qalb miftuħa, ġeneruża; u Ġuda, b’qalb magħluqa minħabba r-regħba.

Aħna bdejna din il-Ġimgħa Mqaddsa. Hawnhekk, fl-Evanġelju skont San Ġwann, qegħdin fl-bidu tal-aħħar ġimgħa ta’ Ġesù. Iktar ma nidħlu fl-esperjenza kerha tal-passjoni ta’ Ġesù, aktar naraw dan il-kuntrast: bejn l-imħabba u l-mibegħda, il-paċi u l-vjolenza, il-maħfra u l-vendikazzjoni, il-grazzja u d-dnub, il-ħajja u l-mewt. Aħna nafu f’liema naħa qiegħed Ġesù, u lilna jistedinna biex inkunu miegħu, hu u jgħaddi minn din il-passjoni kerha għas-salvazzjoni tagħna.

Illum nitolbuh lill-Mulej biex aħna dejjem inkunu grati lejh, grati għal dak li hu għamel magħna għas-salvazzjoni tagħna. Nitolbuh biex fina wkoll inissel imħabba kbira, imħabba ġeneruża, imħabba li ma toqgħodx tkejjel. U nitolbuh ukoll, ispirati minn dil-kelma tiegħu. Meta hu jgħid “il-foqra ssibuhom dejjem magħkom”, qed ifakkarna li llum aħna nuru l-imħabba lejh ukoll billi ngħinu lill-foqra u lil dawk li huma fil-bżonn. Meta ngħinu lilhom, qed nuru l-imħabba lejh, lejn Ġesù – għaliex hu hekk qalilna: “dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti għamiltuh miegħi”. Nitolbuh biex, speċjalment ma’ dawk li huma fil-bżonn, aħna nwasslu r-riħa tfuħ tal-ġenerożità.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply