Ħa nimxi fuq l-eżempju ta’ Ġorġ!

Print Friendly, PDF & Email

Nhar it-Tnejn l-1 ta’ Marzu 2021, għadda għall-ħajja ta’ dejjem ħuna Ġorġ tal-Mużew, jekk kif isibuh ħafna, l-għannej tal-Mulej.

Il-ħajja ta’ Ġorġ ma kellhiex fiha xi dehriet jew messaġġ mis-sema. Xejn minn dan! Kienet ħajja sempliċissma kemm jista’ ikun! Kienet ħajja ingastata fil-ħajja ta’ kuljum. Ġorġ ħadem fuq li ħadem u bata’ fuq li bata’. Min kien jaħdem ix-xatt fiż-żminijiet li ħadem Ġorġ jaf sewwa x’qed ngħid. Ġorġ, ta’ żgħażugħ il-ħajja għexha. Madankollu, f’mument fiż-żgħożija tiegħu, ra d-dawl. Il-grazzja tal-Mulej laqtitu u ħallieha tibdlu kuljum.

B’sempliċità u b’umiltà kbira Ġorġ beda t-triq tal-qdusija tiegħu. Bil-quddiesa ta’ kuljum, bil-qrar, bit-talb, l-aktar bit-talba tar-Rużarju u bit-taqbil. Kont niggustah jgħidli f’Mater Dei: Emminni li ma nafx minfejn jiġuni dawn it-taqbiliet! Hekk jirraġuna l-bniedem umli u ħelu tal-Mulej! Kien jgħidli: Jien la naf nikteb u lanqas naqra. Imma Ġorġ kellu l-aqwa don li ħafna kienu ntebħu bih: kien jaqra l-qlub tan-nies! U min jaqrahom tassew il-qlub tan-nies? Mhux min jagħmilha tal-abra katabra tafux! Dak ma jaqrax nies! Dak ħsara jagħmel! Jaqra qlub in-nies min joqgħod magħhom u jismagħhom. Min japprezzahom għalli huma u, minflok li  jikkundannahom, jibqa’ jitlob għalihom u jissokta jferraħhom.

Ġorġ kien il-bniedem li kien joqgħod b’miljun għajn ħalli ma joffendi lil ħadd b’ilsienu. Anzi! Minn fommu kienu joħorġu kliem li jibnu u mhux iħottu. Kliem li jagħti tama u mhux jaqta’ il-qlub. Minn Ġorġ intbaħt li meta l-Mulej jagħtini don ejja nużah għall-ġid tal-Knisja li qed tbati u qatt għall-qliegħ baxx tal-flus. Hemm arah Ġorġ! Jgħanni lill-morda u lil dawk li qegħdin fil-faċilità korrettiva. B’leħnu għoli li jisimgħu kulħadd. Għax Ġorġ kien jemmen fis-sentenza li qalilna Ġesù: Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet (Mt 5:16).

B’Ġorġ il-Mulej miss għal darb’oħra, b’tant ħlewwa u qawwa, qalb il-poplu Malti u Għawdxi. It-taqbiliet li ħallielna huma frott ta’ ħajja maqgħuda ma’ Kristu fl-iskola ta’ Marija. Dak l-Angelus tat-tmienja fl-isptar jew fil-karozzi tal-linja kien xhieda ta’ mħabbet Ġorġ lejn Omm il-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Sabiħ il-kliem ta’ tifħir fuq Ġorġ imma, mis-sema, l-għannej iridna ngħannu l-għanja tagħna fuq din l-art li tatna isimha. Kulħadd skont is-sejħa tiegħu u tagħha. Jekk għandek talent ħaddmu dment inkella tgħix fi tradiment! Bit-talent tiegħek il-Mulej ikun qed jagħmel ħemel ġid li int ma tafx bih li qed isir.

Ħa nimxi fuq l-eżempju ta’ Ġorġ!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: