Omelija fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej mill-Isqof Anton Teuma

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 1 ta’ April 2021: Ħamis ix-Xirka: Omelija fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej mill-Isqof Anton Teuma. Katidral tal-Assunta, Victoria.

[soundcloud url=”https://soundcloud.com/user-1315623/iat_omelija_01042021_pm” params=”auto_play=false&hide_related=false&visual=false” width=”100%” height=”140″ iframe=”true” /]

Omelija fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej
Ħamis ix-Xirka, 1 ta’ April 2021
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria

IL-GLORIFIKAZZJONI LI SSIR QADI

L-okkażjoni tal-lejla hija waħda tassew partikolari. Ejja nippruvaw bil-moħħ u bl-immaġinazzjoni tagħna mmorru f’dik il-kamra ta’ fuq, fejn Ġesù kien qed jagħmel l-aħħar ikla tal-Għid mad-dixxipli tiegħu qabel ma jbati. Nippruvaw nidħlu ftit fis-sentimenti ta’ Ġesù f’dan il-mument. Jaf li ser iħalli din id-dinja, jaf li ser iħalli lill-ħbieb tiegħu, u jaf li dieħel għal tbatija kbira, għall-mewt, anki jekk imbagħad kellu jqum mill-imwiet.

Il-Vanġelu li smajna (Ġw 13:1-15) jgħidilna b’mod sabiħ u ċar ħafna li Ġesù kien konxju, kien f’tiegħu, kien jaf x’inhu jiġri. Kien jaf l-ewwel u qabel kollox li waslet is-siegħa tiegħu, kien jaf li wasal il-mument. Kien ilu l-Vanġelu kollu, il-ħajja pubblika kollha tiegħu, jistenna u jħejji għal dan il-mument tas-‘siegħa’, il-mument tal-glorifikazzjoni, li fih kellu jagħti ħajtu, iħobb tant lill-bnedmin illi jħallihom isallbuh fuq salib, biex jurihom l-imħabba u l-aċċettazzjoni tal-limiti, anki tad-dgħufija tad-dnubiet tagħhom. Għalhekk kantajna l-‘Glorja’ llum. Hu proprju mument ta’ glorifikazzjoni, ta’ glorja lil Alla. Hu l-ogħla mument fil-ħajja ta’ Ġesù, il-mument tal-imħabba infinita, l-imħabba sħiħa tiegħu.

Ġesù ma kienx biss konxju li waslet is-siegħa, imma kien konxju, anzi kien jaf illi l-Missier kien tah kollox f’idejh. Kellu setgħa jagħmel kollox Ġesù. Kien setgħan, l-istess Iben ta’ Alla, Alla nnifsu. Interessanti u importanti li nibqgħu niftakru ftit dawn l-introduzzjonijiet għal dan il-ġest daqshekk sempliċi u uman li għamel Ġesù. Ġesù kien konxju li hu kellu setgħa, li kollox kien f’idejh.

Ikompli l-Vanġelu: “Hu, li kien ħabb lil tiegħu” (v. 1). San Ġwann jagħmel sintesi. Fil-qosor jiġbor il-ħajja ta’ Ġesù f’dawn it-tliet kelmiet: “Hu, li kien ħabb lil tiegħu”. Il-ħajja ta’ Ġesù kienet xejn għajr imħabba kontinwa lil dawk li kellu miegħu. Hu, li kien ħabb lil tiegħu, iħobbhom għall-aħħar, jiġifieri jħobbhom b’tali mod li ma jistax iħobbhom iktar, jgħidilna l-Vanġelu.

Hu kif iħobbhom? Billi jagħmel dan il-ġest sempliċi tal-qadi, il-ġest tal-ħasil tar-riġlejn. Il-ħasil tar-riġlejn fil-mentalità Semitika, fil-mentalità tal-Lhud, kienu jagħmluh kemm l-ilsiera lejn sidienhom, u kemm il-mara jew l-ulied lejn il-missier, jew il-mara lejn żewġha. Mela kellu żewġ tifsiriet: kellu t-tifsira tas-sottomissjoni – jien qaddej, skjav, ilsir, naħsel ir-riġlejn tas-sid tiegħi; imma kellu wkoll is-sinifikat tal-affett, tar-rabta intima, tal-imħabba, kif kienet tagħmel il-mara lejn żewġha, jew l-ulied lejn missierhom meta jidħol lura d-dar mix-xogħol. Ġesù jiġbor f’dan il-ġest tal-imħabba dawn iż-żewġ tifsiriet: il-ġest tal-ilsir u l-ġest tal-affettività.

L-Isqof Anton Teuma

Jgħidilna l-Vanġelu: “qam minn fuq il-mejda” (v. 4). San Ġwann tant joqgħod attent li kważi kważi qed jieħu r-ritratti ta’ dak li kien qed jagħmel Ġesù, ġest wieħed wara l-ieħor, tant li jidħol fid-dettall tal-movimenti kollha ta’ Ġesù. “Qam minn fuq il-mejda”. Kif? Sid il-mejda jqum minn fuq il-mejda, imbagħad għalfejn? Biex jaqdi. Dak li għandu l-mistednin, dak li hu s-Sid, il-Mulej, dak li Alla l-Missier tah kollox f’idejh, iqum minn fuq il-mejda biex jaqdi. Iqum minn fuq il-mejda u jneħħi ħwejġu, mhux biss il-mantar. Il-kelma Griega turi li jneħħi l-ħwejjeġ, it-tunika, il-libsa tiegħu. Ġesù għeri, biex jagħmel dan il-ġest hekk sempliċi u fl-istess ħin hekk nobbli: ineħħi, jagħti, għax irid hu. Għandna l-istess verbi li nsibu f’kapitlu 10 tal-Vanġelu ta’ San Ġwann, meta Ġesù nnifsu, wara d-diskors sabiħ li għamel dwar ir-Ragħaj it-tajjeb, jgħid li dan “jagħti ħajtu” (10:15) u minn jeddu. “Ħajti nagħtiha għax irrid, ħadd ma jeħodhieli. Nista’ nagħtiha u nista nerġa’ neħodha” (10:18).

Ġesù li jagħti, li jneħħi l-mantar, ineħħi l-ħwejjeġ, x’jagħmel? Flok dawn il-ħwejjeġ, li jgħattu l-persuna tiegħu, il-personalità tiegħu, dak li hu fl-essenza tiegħu, Ġesù jilbes il-fardal u jgeżwru ma’ qaddu. Fi kliem ieħor, jagħmlu ħaġa waħda ma’ ħajtu, jagħmlu parti minnu. Tant jagħmlu parti minnu li San Ġwann, meta jiġi biex jirrakkonta li jerġa’ jilbes il-ħwejjeġ wara li jagħmel il-ġest tal-ħasil tar-riġlejn, joqgħod attent biex ma jgħidilniex li Ġesù hu u jilbes il-mantar neħħa l-fardal. Il-fardal issir parti essenzjali minn ħajtu, isir hu nnifsu.

Ġesù jdur u jaħsel ir-riġlejn tal-Appostli wieħed wieħed. Ejjew nimmaġinawh lil Ġesù, għarkupptejh quddiem Ġuda, li biegħu; għarkupptejh quddiem Pietru, li ttradieh, u li jsibha bi tqila biex jaċċetta dan il-ġest ta’ mħabba, bħalma nsibuha bi tqila jien u int. Ġesù għarkupptejh quddiemi, quddiemek, quddiemna. Fit-tnax-il dixxiplu Ġesù kellu t-tipoloġiji kollha tal-bnedmin: kellu min isibha bi tqila biex jemmen, kellu min qiegħed miegħu għal raġunijiet politiċi, kellu min kien qiegħed miegħu għal raġunijiet ta’ prestiġju. Kellu kull tipoloġija, kull tip, kull motivazzjoni possibbli. Dan ifisser li quddiem Ġesù kien hemm jien, kien hemm int. Ħadd mhu eskluż. Ħadd ma jista’ jgħid: ‘Jien ma kontx hemm’. Iva, anki int kont hemm, int li ma taħsibx, li ma temminx, anki int li ma tafx lil Ġesù. Anki int kont hemm, quddiemek ukoll Ġesù jinżel għarkupptejh biex jaħsillek saqajk.

Imma jien u int kapaċi naċċettawh dan il-ġest ta’ mħabba? Nemmnuh verament dan il-ġest ta’ mħabba jew le? Jew insibuha bi tqila bħal Pietru? Meta jiġi fuq Xmun Pietru, dan jirribella, jirreżisti. “Int, Mulej, taħsilli saqajja?” (v. 6). Mhux int taħsilli saqajja, imma jien naħsillek saqajk. “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!” (v. 8). Għalfejn Pietru jirreaġixxi b’dan il-mod? Għax Pietru għadu jaħseb bil-mentalità tat-Testment il-Qadim. Pietru qatt ma jista’ jidħol fl-ebda kantuniera ta’ moħħu illi Alla li jista’ kollox, li għandu kollox f’idejh, u li hu konxju minn din is-setgħa, jista’ xi darba jdawwar fardal ma’ qaddu, jinżel għarkupptejh u jaħsel saqajn id-dixxipli. Le, Alla din il-ħaġa ma jistax jagħmilha. Għaliex? Għax Alla hu tal-poter, Alla hu setgħan, Alla jikkontrolla, Alla jikkmanda, Alla jiġi moqdi u mhux jaqdi. Din hi l-idea ta’ Alla li għandu Pietru.

Imma forsi fil-fond ta’ qalbi, fil-fond ta’ qalbek, hija l-idea ta’ Alla li għandna aħna: Alla tal-poter. Kemm insibuha bi tqila biex nemmnu u naċċettaw tassew li Alla lilna jħobbna; li Alla ġie fid-dinja biex jaqdina, biex iservina, biex jagħmilna aħjar! Kemm hi diffiċli biex nemmnuha, biex nifhmuha tassew! Kemm għadna ngħixu bil-mentalità li aħna rridu nkunu li naqdu lil Alla, aħna rridu li nagħmlu xi ħaġa għalih, aħna rridu nkunu li nissagrifikaw lilna nfusna għalih! L-istess mentalità ta’ Pietru.

Imma fl-istess waqt Pietru indirettament lil Ġesù x’kien qed jgħidlu? Lil Ġesù kien qed jgħidlu: ‘Li kieku jien kont int, li kieku jien kont is-Sid, l-Imgħallem, il-Mulej, qatt ma kont ser nagħmel din il-biċċa tax-xogħol. Qatt ma kont ser ninżel għarkuptejja quddiemek, int li inti sottomess tiegħi, sottomess lejja, u naħsillek riġlejk’. Interessanti l-idea tal-poter, li hija verament infiltrata fid-DNA ta’ kull wieħed u waħda minna. Din l-idea li aktar ma tkun, aktar tiġi moqdi, aktar iridu jaqduk. U tkun daqskemm għandek iduru miegħek iservuk, daqskemm għandek iduru miegħek u jaqduk. Ġesù jaqleb ta’ taħt fuq din il-loġika kollha, u lilna jfixkilna, iġenninna, bħalma fixkel lil Pietru.

Għaliex? Noqogħdu attenti biex ma morrux nifhmu dan il-ġest ta’ Ġesù bħala att ta’ umiljazzjoni. Assolutament mhux hekk. Dan il-ġest ta’ Ġesù li jinżel għarkupptejh quddiem l-Appostli, quddiem dawk li saħansitra jiċħduh u jittraduh, huwa l-ikbar ġest. Hu ġest tal-ogħla dinjità li jista’ jagħmel il-bniedem. Ara ma morrux naħsbu li l-qadi jbaxxi lill-bniedem. F’din il-loġika ta’ Ġesù, fil-loġika tal-ħasil tar-riġlejn, il-qadi mhux għajr il-valur, id-dinjità vera tal-bniedem, dak li jagħti identità u personalità lill-bniedem. Int bniedem daqskemm int ta’ servizz għall-oħrajn. Int bniedem daqskemm taqdi.

Meta Pietru ma jkunx irid li Ġesù jaħsillu saqajh, Ġesù jgħidlu espressjoni li lili llum laqtitni ħafna: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi” (v. 8). Aħna kif naħsbuha fuq Ġesù? ‘Jekk ma tħobbx, jekk ma taħfirx, jekk ma taqdix, jekk ma tmurx il-knisja, inti ma jkollokx x’taqsam miegħi’. Ġesù ma jgħid xejn minn dan. Imma jgħid il-maqlub. Jekk aħna ma nifhmux kemm iħobbna, jekk aħna m’aħniex kapaċi nilqgħu, naċċettaw l-imħabba b’xejn, l-imħabba li ma tistħoqqilniex, li hu għandu għalina, allura ma nistgħux inkunu miegħu, ma nistgħux inkunu tiegħu. Kif jaqleb ir-raġunament tagħna kollu Ġesù!

Kif jispiċċa l-Vanġelu? Ġesù jistieden lili, lilek, lil kull wieħed u waħda minna: “Intom issejħuli ‘l-Imgħallem’ u ‘l-Mulej’ [il-Kyrios, is-Sinjur], u tgħidu sewwa għax hekk jien. Mela jekk jien, li jien il-Mulej, l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin” (vv. 13-14). ‘Kif għamilt jien magħkom, hekk għamlu intom lil xulxin’. Imma jekk ma nħalluhx lilna jaħslilna riġlejna, ser insibuha wisq bi tqila biex b’mod sempliċi, mingħajr ħafna kumplikazzjonijiet, mingħajr ħafna stejjer, naqdu lil xulxin. Nispiċċaw, iva, naqdu lil xulxin, imma rridu noqogħdu nagħmlu enfasi fuq dak li għamilna. Nispiċċaw, iva, inħobbu u ngħinu lil xulxin, imma nsibu l-modi tagħna kif nitħallsu lura.

Issa aħna nsibuha bi tqila biex nimmaġinaw lil Ġesù għarkupptejh, jaħslilna saqajna, aħseb u ara kemm insibuha bi tqila biex nifhmu tassew x’jiġifieri Ġesù fil-ħobż u fl-inbid, jagħtina lilu nnifsu biex nikluh, biex ngħixu bih! Kemm insibuha iktar bi tqila biex nifhmuha, nagħrfuha u fuq kollox naċċettawha mħabba bħal din! Imma hekk iħobbna l-Mulej. Bir-raġun illum nigglorifikaw lil Alla, li gglorifika lil Ibnu, permezz tal-glorifikazzjoni tiegħu, fl-għotja tiegħu, fuq is-Salib.

Leave a Reply

%d bloggers like this: