Id-dritt li tqim lil Alla ħaj hu essenzjali iktar mill-banka tal-lottu u s-supermarkets


Il-Ħamis, 1 ta’ April 2021: Ħamis ix-Xirka: Omelija fit-Tifkira Solenni tal-Ikla tal-Mulej mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Qegħdin infakkru l-mument meta Ġesù jirrealizza “li waslet is-siegħa tiegħu biex jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier” (Ġw 13:1). Din hija l-mogħdija, l-Għid. Li aħna qegħdin niċċelebraw. “Is-siegħa tal-Mulej li fiha jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier”. San Ġwann stess, f’dan il-kapitlu 13 li għadna kemm qrajna, ifehimna li din il-mogħdija – dan il-passaġġ, din il-pasha, dan l-Għid – minn din id-dinja għal għand il-Missier, kienet pellegrinaġġ, proċess ta’ mħabba.

“Hu, li kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13:1). Ħabbhom għal aħħar jiġifieri, ħabbhom b’dak kollu li kellu, b’dak kollu li kien. Ma setgħax iħobbna iżjed. Imma ħabbna wkoll sal-aħħar, sal-aħħar qatra ta’ demmu. Il-kuntest ta’ din is-siegħa, hija kuntest ta’ dawl li jiġi mill-Qalb ta’ Ġesù li tħobb, imma wkoll ta’ dlam ta’ tradiment, ta’ ċaħda, ta’ rifjut. “Kienu qegħdin għall-ikel, ix-Xitan kien ġa webbel lil Ġuda tax-Xmun l-Iskarjota u daħħallu f’rasu li jittradih.”(Ġw 13:2) Aħna nafu l-prezz. Il-prezz li taw il-Lhud lil Ġuda. Tletin biċċa tal-fidda. Kemm-il darba aħna għall-flus, begħna l-prinċipji tagħna, il-fedeltà tagħna lil Ġesù?

U f’dan il-kuntest tal-Għid, jiġi wkoll din is-sena. Il-komunità tagħna għal darba oħra hija mċaħħda milli tiltaqa’ biex tiċċelebra fiżikament fil-knejjes tagħna. Il-mogħdija tal-Mulej, minn din id-dinja għal għand il-Missier, imma fid-djar tagħkom, qisu li tkomplu tħeġġu l-fjamma tal-fidi. Tħallu lil ebda restrizzjoni, huma kemm huma neċessarji, imewtu il-fidi fil-familji tagħna.

Dan hu l-kuntest partikolari, li aħna llum nibdew dawn it-tlett ijiem qaddisa tal-Għid, u waqt li nirringrazzjaw lil kull min qiegħed jagħti daqqa t’id biex il-liturġja tal-Isqof tixxandar u tasal fid-djar tal-Kattoliċi Maltin u Għawdxin, aħna ma nistgħux ma ngħidux li għajjejna, għajjejna nagħmlu l-isforzi kollha u ħaddieħor ma jimpurtahx.

Waqt li s-saħħa tal-bniedem hi importanti u essenzjali, irridu nifhmu wkoll, li d-dritt li wieħed iqim lil Alla ħaj, hu wkoll essenzjali; essenzjali daqs il-ħajja

Għax il-mistoqsija tiġi: ‘Għalfejn erġajna ġejna fejn konna?’ Mhux għax kien hemm xi ħadd li ma jimpurtahx u bin-negliġenza tiegħu u bin-nuqqas ta’ għaqal tiegħu reġa’ ġabna fejn konna? Mhix ħaġa aċċettabli l-aħwa, li mal-ħażin jeħel it-tajjeb. U li t-tajjeb li jipprova jimxi mal-protokolli tal-Awtoritajiet tas-Saħħa, it-tajjeb ikollu jintalab sagrifiċċji kbar. Li inti ċċaħħad lil komunità Nisranija, milli tiltaqa’ t-tlitt ijiem tal-Għid, hija deċiżjoni kiefra, u kulħadd irrid jieħu responsabbiltà tagħha, inkluż quddiem Alla. Aħna nikkoperaw b’sens ta’ responsabbiltà, imma l-Mulej illum waqqaf ikla, mhux show tat-televiżjoni, mhux teleserial. Illum stieden lill-poplu tiegħu biex jiċċelebra ikla ta’ libertà, mid-dittatorjat tal-Fargħun, minn kull min jaħseb li l-awtorità qiegħda biex iċaħħad lilna mill-Għid.

Imma waqt li s-saħħa tal-bniedem hi importanti u essenzjali, irridu nifhmu wkoll, li d-dritt li wieħed iqim lil Alla ħaj, hu wkoll essenzjali; essenzjali daqs il-ħajja. Mhuwiex fuq l-istess livell tal-banka tal-lottu, u tas-supermarkets. Dawk jistgħu jkunu essenzjali għall-bwiet ta’ xi ħadd u biex nixtru x’nieklu, imma llum il-Mulej Ġesù jpoġġilna ikel li aħna fit-talba li għallimna, nitolbuh kuljum. “Agħtina l-ħobża ta’ kuljum”, mhux biss dak li jrejjaqna fiżikament, imma wkoll spiritwalment.

Bil-kmand tiegħu “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22:19) hu sejħilna bħala xirka, bħala komunità biex niltaqgħu u nieklu mill-istess artal, mill-istess mejda. Nixorbu mill-istess kalċi, li hu d-demm għażiż tiegħu. Nieklu mill-istess ħobż li hu l-ġisem qaddis tiegħu. U bil-kmand li ta lill-Appostli, fil-Knisja, permezz tal-ispirtu qaddis tiegħu, il-Mulej tana l-qawwa, permezz tas-saċerdoti tagħna, dgħajfin kemm aħna dgħajfin. Li fuq il-mejda tal-komunità aħna bil-kelma qawwija ta’ Ġesù stess “Dan hu ġismi”, “Dan hu demmi” nwasslu l-ġisem u d-demm għażiż tiegħu.

Ma jistax ikun li minħabba n-negliġenza jew in-nuqqas ta’ għaqal ta’ xi wħud, aħna nkomplu nħallsu prezz daqshekk qawwi, daqshekk kiefer; li ma nistgħux niltaqgħu biex niċċelebraw il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù.

Hu possibbli għall-poplu tagħna, Ħamis ix-Xirka waħda, li skont ir-restrizzjonijiet li għandna, tnejn tnejn, jew familja familja, inżuru l-knejjes tagħna. Il-knejjes tagħna, mhux se jkunu magħluqa, se jkunu miftuħa għall-fidili tagħna biex iqimu lill-Mulej fis-sagrament tiegħu tal-ġisem u d-demm imqaddes tiegħu, biex dak li jkun ikun jista’ jersaq għall-qrar u jirrikonċilja ruħu ma’ Alla. Għaliex dan hu ħobż li ma tixtrihx mis-supermarket, id-demm ta’ Ġesù, għalkemm inbiegħ għal 30 biċċa tal-fidda, ma għandux prezz għalina, u aħna ma niċċaħdux minnu.

Qed navża lil min hu responsabbli, li ma nerġgħux nagħmlu Għid bħal dan. Il-paċenzja tagħna għandha l-limiti, nikkoperaw kemm nistgħu u kemm nifilħu, imma ma jistax ikun li minħabba n-negliġenza jew in-nuqqas ta’ għaqal ta’ xi wħud, aħna nkomplu nħallsu prezz daqshekk qawwi, daqshekk kiefer; li ma nistgħux niltaqgħu biex niċċelebraw il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù.

Lil min qed isegwini permezz tax-xandir, ngħidlu biex ma jaqtax qalbu, biex isemma’ leħnu b’rispett u b’qawwa, imma fl-istess ħin, li fid-djar tagħna, aħna nixxenqu tassew għall-Ewkaristija, li waqqaf illum, il-Mulej Ġesù. Il-Mulej Ġesù hu kapaċi jagħtina l-grazzja, b’mod speċjali f’sitwazzjonijiet fejn ma nistgħux nersqu fiżikament lejh, imma għażel dan is-sagrament qaddis biex aħna fit-tqarbin imqaddes inkunu tassew ħaġa waħda miegħu.

Hemm bżonn min ikun ta’ qadi għall-proxxmu, jieħu t-tilqima meta jiġi msejjaħ għaliha. Qed navża lill-fidili Nsara, u ngħidilhom li hu obbligu morali tagħhom

Illum infakkru l-ġest tal-imħabba tiegħu, il-ġest ta’ qadi tiegħu, li jaħsel riġlejn id-dixxipli. Qalilna: “Mela jekk jien, li jien il-Mulej u l-Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. Għax jien tajtkom eżempju, biex kif għamilt jien magħkom, hekk tagħmlu intom ukoll” (Ġw 13:14-15). Imma l-ispirtu tas-servizz x’inhu f’dan il-kuntest ta’ pandemija? Hu l-ewwel nett ir-rispett lejn ir-restrizzjonijiet imposti. Għaliex le? Aħna ngħidu li għajjejna, kulħadd għejja. Imma hemm bżonn li nkomplu nagħmlu l-aħħar qadfa, nispera, neċessarja. Hemm bżonn min ikun ta’ qadi għall-proxxmu, jieħu t-tilqima meta jiġi msejjaħ għaliha. Qed navża lill-fidili Nsara, u ngħidilhom li hu obbligu morali tagħhom, obbligu gravi li wieħed jagħmel dak kollu neċessarju biex ikun jista’ jgħaddi minn din il-marda qalila, jevitha, u ma jgħaddihiex lil ħaddieħor.

Hemm bżonn li aħna naħslu saqajn xulxin din is-sena, billi naċċettaw l-istedina li nieħdu t-titqiba. Min ma jeħodhiex mhux qed jagħmel biss ta’ rasu, imma qed jipperrikola lilu nnifsu, u lil ħaddieħor. Dan mhuwiex l-ispirtu ta’ Ġesù. Aħna llum insellmu lill-Awtoritajiet tas-Saħħa, lil frontlinerstagħna, li matul din l-aħħar sena, b’sagrifiċċju personali u enormi ħaslu saqajn il-proxxmu billi għamlu d-dover tagħhom. Għalhekk il-kundanna tagħna għal min hu ma jimpurtahx, għal min ma jobdix, mhix żgħira. Ħabib, inti qed taħseb fik innifsek, mingħalik, imma qed tagħmel ħsara lilek innifsek u lill-proxxmu. Aħna u nobdu r-restrizzjonijiet imposti fuqna, irridu nemmnu u nittamaw li l-Mulej iħenn għalina u jeħlisna minn din il-burraxka.

Hemm bżonn li sforz ta’ kulħadd, ta’ kull wieħed u waħda minna. Hemm bżonn ukoll nifhmu imma “li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla”. (Mt 4:4). Li aħna l-kult, il-qima tagħna lil Ġesù, mhuwiex kapriċċ, huwa bżonn. Jagħti t-togħma lill-ħajja, qawwa fil-mumenti ibsin.

Il-Knisja f’dan ir-Randan, bil-kampanja “Itma’ u libbes”, ippruvat tagħmel ħilitha, biex tobdi l-kmand ta’ Ġesu: “Kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni” (Mt 25:35-36). Min jaf kemm għad ikollna nsofru konsegwenzi ta’ dak li għadda minna. Min jaf kemm ansjetà fil-poplu tagħna, il-poplu tagħna għandu bżonn u dritt tal-faraġ li jagħtih il-Mulej. Illum, f’dan il-jum imqaddes, li fih il-Mulej tagħna l-kmandament tal-imħabba, waqqaf is-saċerdozju Kattoliku, u tagħna l-aqwa teżor – lilu nnifsu fis-sagrament tal-Ewkaristija.

Nitolbu li ma jerġax jiġi Għid, meta aħna nixxenqu għax-Xirka tal-Qaddisin, u li niltaqgħu flimkien kemm jista’ jkun malajr, fiż-żmien il-Għid, biex niċċelebraw dak li issa qed niċċelebraw kif nistgħu.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eż 12, 1-8.11-14
Salm: 115 (116), 12-13.15-16bċ.17-18
Qari II: 1 Kor 11, 23-26
Evanġelju: Ġw 13, 1-15

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply