QUDDIES GĦALL-INAWGURAZZJONI TAL- KUNGRESS “SPIRITWALITÀ TAL-PRESBITERU DIJOĊEŻAN ILLUM”. OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru, 4 ta’ Novembru 1980
Għeżież ħuti!
Inqis waqt privileġġjat ta’ ħajti li nistà mikkonċelebra llum magħkom saċerdoti fuq l-atar tal-katedra ta’ din il-Bażilika Vatikana, li hija simbolu, ċentru u rradjazzjoni ta’ fidi u ta’ xandir tal-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu.
1.Iċ-ċirkustanza opportuna li ġabritkom, magħqudin mal-meqjum ħuna, Luiġi Boccardo, minn kull parti tal-Italja, u jiġifieri il-Kungress nazzjonali dwar l-“ispiritwalità tal-presbiteru dijoċeżan illum”, jaħbat fil-jum li fih il-liturġija tal-Knisja iġġegħlna niftakru l-figura splendida ta’ San Karlu Borromeo, ragħaj infatikabbli tad-dijoċesi ta’ Milan u wkoll patrun ċelesti tiegħi.
It-tifkira ta’ San Karlu, li qegħdin niċċelebraw, tistà ġġib tant dawl lill-problematika wiesgħa u delikata, li qegħdin tiddibattu f’dawn il-jiem Rumani. Din terġà tiġbor fil-qosor b’mod fundamentali fir-raġuni pastorali tal-esseri tagħkom u tal-aġir tagħkom fi ħdan il-komunità nisranija. Raġuni li tesiġi mhux biss l-impenn ġeneruż tat-talenti kollha u tar-riżorsi li bihom il-Mulej żejjinkom, imma saħansitra it-telfien u d-donazzjoni totali tal-istess ħajja, b’xebħ tar-ragħaj it-tajjeb, li dwaru jitkellem il-qari tal-liturġija tallum, li ma jaħsibhiex darbtejn li “jagħti ħajtu għal ħutu” (1Ġw 3,16) u li “joffri l-ħajja għan-nagħaġ” (Ġw 10,15), sabiex huma “jisimgħu u jsiru merħla waħda u ragħaj wieħed” (cf. Ġw 10,16).
2. Kienet appuntu tali koxjenza pastorali li sostniet u ggwidat l-ispiritwalità u l-opra ta San Karlu, li, minn għani u nobbli kif kien, nesa lilu nnifsu biex jagħmel kollox lil kulħadd f’attività saċerdotali li tassew għandha mill-mirakoluż. Visti pastorali, laqgħat ta’ saċerdoti, twaqqif ta’ seminarji, direttivi liturġiċi għaż-żewġ riti dak Ruman u dak Ambrożjan, katekeżi fil-livelli kollha, sinodi dijoċeżani, twaqqif ta’ skejjel bla ħlas, kulleġġi għaż-żgħażagħ u ospizji għall-anzjani:dawn huma sinjali manifestanti oħra ta’ dik il-karità pastorali vibranti u qawwija li kienet tħeġġeġ b’mod qawwi fil-qlubija kbira tiegħu, lest għas-salvazzjoni tal-erwieħ.
Imma minn fejn huwa kien isib tant qawwa f’dan is-servizz ekkleżjali żelanti li mbagħad sar eżemplari u emblematiku għall-Isqfijiet u s-saċerdoti kollha, wara r-riforma tridentina? Is-sigriet tas-suċċess tiegħu kien l-ispirtu tat-talb. Huwa magħruf, infatti, kif kien jiddedika ħafna ħin binhar u billejl għall-kontemplazzjoni u għall-għaqda ma’ Alla kemm fil-kappella privata kif ukoll fil-knejjes parrokkjali, fejn kien imur fuq żjajjar pastorali. “L-erwieħ – kien spiss itenni – jiġu mirbuħa bl-irkupptejn”. U fid-diskors minnu miżmum fl-aħħar Sinodu, u li llum nimmeditaw fil-brevjar, hekk kellem lis-saċerdoti tiegħu: “Xejn mhu hekk meħtieġ għall-bnedmin ekkleżjastiċi daqs kemm hu meħtieġ it-talb mentali, li jiġi qabel l-azzjonijiet tagħna kollha, jakkumpanjahom u jsegwihom…Jekk tamministra s-sagramenti, o ħija,, immedita dak li tagħmel; jekk tiċċelebra l-quddiesa aħseb dwar dak li toffri, jekk tkanta fil-kor, aħseb lil min u dwar xiex qed titkellem; jekk tiggwida l-erwieħ, immedita minn liema demm ġew mifdija… Hekk ikollna l-qawwa biex niġġeneraw lil Kristu fina u fl-oħrajn”, (S. Karlu Borromeo, Homilia ad Sacerdotes: Acta Ecclesiae Mediolanensis, Mediolani 1599, 1177-1178).
3. Fuq dawn il-kondizzjonijiet biss nistgħu “nagħtu l-ħajja”, bħal ma smajna fil-proklamazzjoni tal-kelma, għall-erwieħ, jiġifieri li nkunu rgħajja awtentiċi tal-Knisja ta’ Alla. Hekk biss dik il- “pastoralis caritas”, li dwarha jitkellem il-Konċilju Vatikan II (cf. Presbyterorum Ordinis, 14), tistà tilħaq l-espansjoni massima tagħha, u il-ministeru saċerdotali jittrasforma ruħu tassew f’dak l-“amoris officium” li dwaru jitkellem Santu Wistin (cf. S. Wistin, Tract. in Ioannem, 123,5: PL 35,1967). Hekk biss is-saċerdot li jilqà l-vokazzjoni għall-ministeru, jkun jistà jagħmel minn dan għażla ta’ mħabba, li għalih il-Knisja u l-erwieħ isiru l-interess ewlieni tiegħu u, b’tali spiritwalità komkreta, huwa jsir kapaċi li jħobb il-Knisja universali u dak il-porzjon tagħha, li ġie afdat lilu, bl-impuls kollu ta’ għarus lejn l-għarusa tiegħu. Saċerdot li jkun nieqes minn kwalunkwè inseriment f’komunità ekkleżjali, ma jistax jippreżenta ruħu bħala mudell validu ta’ ħajja ministerjali, billi din hija inserita essenzjalment fil-kuntest konkret tar-rapporti interpersonali tal-istess komunità.
F’dan il-kuntest isib is-sens totali tiegħu l-istess ċelibat. Tali għażla ta’ ħajja tirrapreżenta sinjal -pubbliku ta’ valur l-iktar għoli tal-imħabba primarja u totali li s-saċerdot joffri lill-Knisja. Iċ-ċelibat tar-ragħaj m’għandux biss sinifikat eskatoloġiku, bħala xhieda tas-saltna futura, imma jesprimi wkoll r-rabta profonda li torbtu mal-fidili, għaliex huma l-komunità mwielda mill-kariżma tiegħu u ddestinata biex tikseb il-ħila kollha ta’ mħabba li saċerdot iġorr ġewwa fih. Hija, barra minn dan,tjeħilsu nternament u esternament, billi tippermettilu li jkun jistà jorganizza ħajtu b’mod li ħinu, daru, drawwietu, l-ospitalità tiegħu u r-riżorsi finanzjarji jkunu kkundizzjonati biss minn dak li huwa l-iskop ta’ ħajtu: il-ħolqien madwaru ta’ komunità ekkleżjali.
4. Dawn huma, għeżież saċerdoti, xi ideat mgħaġġla ta’ riflessjoni – minħabba l-qosor tal-ħin – għal spiritwalità saċerdotali li joħorġu mill-figura u mill-ministeru ta’ San Karlu, ammirat u meqjum ragħaj tal-Knisja Milaniża. Ejjew nitolbuh fiċ-ċelebrazzjoni ta’ din l-Ewkaristija, sabiex jiksbilna mingħand il-Missier, permezz tal-offerta tal-ġisem u d-demm ta’ Kristu, li nkunu saċerdoti oranti u operanti għall-ikbar glorja tiegħu u għas-salvazzjoni tal-erwieħ. Hekk ikun.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb