Omelija fil-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet mill-Isqof Anton Teuma

Print Friendly, PDF & Email

“Biex ngħixu l-Għid irridu nerġgħu mmorru fil-bidu tal-Vanġelu”

Is-Sibt, 3 ta’ April 2021: Sibt il-Għid: Omelija fil-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet mill-Isqof Anton Teuma. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Omelija fil-Vġili tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet
Sibt il-Għid, 3 ta’ April 2021
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
L-E.T. Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex

LURA L-GALILIJA BIEX NIBDEW MILL-ĠDID BĦALA DIXXIPLI

Ħuti għeżież, ejjew illum inkantaw bil-qawwa u bil-ferħ kollu ta’ qalbna, u bis-saħħa kollha li għandna, l-“Halllelujah”… tifħir lil Alla. Ejjew nifirħu u niċċelebraw verament.

Qabar bil-Grieg hu mnemeion. Din hi l-kelma fl-oriġni ta’ żewġ kelmiet, li aħna nużaw anki bil-Malti: il-kelma ‘memorja’ u l-kelma ‘monument’. San Mark qalilna li dawn in-nisa “marru ħdejn il-qabar” (16:2), marru ħdejn il-mnemeion. Fil-memorja tagħna, fil-memorja ta’ kull wieħed u kull waħda minna hemm stampata u mmarkata l-kelma ‘qabar’. Fil-fatt, il-kelma ‘memorja’ bdiet tintuża għall-ewwel darba flimkien mal-kelma ‘monument’ biex tfakkar lil dawk li għaddew qabilna, lill-mejtin. Il-qabar sar tifkira, sar memorja ta’ nies li għaddew qabilna. Il-kelma ‘qabar’ hija impressa fil-memorja tal-bniedem. Kull wieħed u kull waħda minna għandu mmarkat f’moħħu din il-kelma, ‘qabar’, it-tmiem.

Illum il-Vanġelu (Mk 16:1-7) qed iwasslilna aħbar tant kbira, tant qawwija, tant sabiħa, li qed jgħidilna li flok din il-kelma ‘qabar’, immarkata fil-kelma ‘memorja’ tagħna, flok il-kelma ‘mewt’, hemm il-kelma ‘ħajja’, hemm il-kelma ‘qawmien’.

L-Isqof Anton Teuma fil-Lejl Qaddis tal-Għid 3 ta’ April, 2021

Mhux faċli lanqas għalina, daqskemm ma kinitx faċli għan-nisa tal-Vanġelu tal-lum. Fil-fatt, il-Vanġelu tal-lum, meħud minn San Mark, x’aktarx huwa mill-iktar oriġinali, għax jirrakkonta b’mod xott għall-aħħar x’ġara. Aktarx dan inkiteb fuq rakkont ieħor, iktar primittiv, illi kien idur fl-idejn tal-Insara fl-ewwel sitt snin, għaxar snin wara l-mewt ta’ Ġesù. Hu rakkont bikri ħafna.

Dan il-Vanġelu jurina kif in-nisa ma setgħux jemmnu, ma setgħux iniżżlu l-aħbar tal-Qawmien ta’ Ġesù. Jgħidilna li kien għadda s-Sibt; fi kliem ieħor ried jgħidilna li kienet għaddiet it-tradizzjoni tal-Lhud. Kienet għaddiet l-idea tal-Lhud li l-bniedem irid jintemm u jispiċċa; imbagħad min jaf kemm wara, wara li jkun niżel fil-qigħan tal-art, kif jgħidulna s-Salmi, kif tgħid it-tradizzjoni Lhudija, il-ġusti, forsi dawk li għamlu t-tajjeb fil-ħajja tagħhom, jinġabru xi mkien ma’ missirijiethom. Din kienet l-idea tal-poplu Lhudi. Imma issa għadda s-Sibt, din l-idea spiċċat, u dawn it-tliet nisa – Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu, u Salomi – li kienu preżenti fuq il-Kalvarju, li qagħdu jaraw mill-bogħod lil Ġesù jtemm ħajtu fuq is-Salib, “xtraw xi fwejjaħ biex imorru jidilkuh bihom” (v. 1). Ma kinetx l-użanza tal-Lhud li meta jmut xi ħadd, wara xi jiem imorru jidilkuh. Imma dawn it-tliet nisa, li nsibuhom ukoll fil-Vanġelu bħala wħud mid-dixxipli ta’ Ġesù, jew aħjar, uħud minn dawk li kienu jaqdu lil Ġesù – ir-rwol tagħhom ta’ nisa kien ta’ qaddejja aktar milli ta’ dixxipli – dawn reġgħu marru lura fejn is-Sid tagħhom, fejn is-Sultan tagħhom, li għalkemm kien intemm, huma f’qalbhom kienu għadhom ma rrassenjawx ruħhom għat-tmiem tal-persuna li huma kienu jaqdu u jqimu. Xtraw il-fwejjaħ, biex iqisuh bħala Sultan. Ma kinux jidilku l-Lhud lill-mejtin tagħhom, b’mod speċjali jekk ikunu diġà midfuna, imma kienu jidilku lir-rejiet, lis-slaten. Dawn it-tliet nisa għadhom ifittxu f’Ġesù sultan ta’ din id-dinja, sultan li jeħlishom mis-setgħa, mill-kontroll ta’ Ruma, sultan li jagħtihom il-libertà.

Il-Vanġelu jkompli: “U kmieni ħafna fl-ewwel jum tal-ġimgħa, kif telgħet ix-xemx marru ħdejn il-qabar” (v. 2). Kmieni ħafna, fil-jum wieħed – hekk jgħid San Mark – fil-jum ‘Ehad’, fil-jum tal-Ħadd, dawn it-tliet nisa jmorru kmieni, bejn wieħed u ieħor fir-raba’ sahra, jiġifieri bejn it-3.00 u s-6.00am, meta dak il-ħin ikun għadu d-dlam. Imma l-Vanġelu jgħidilna li “telgħet ix-xemx”. Mhux ix-xemx li taħraq, ix-xemx li tiżreġ, imma d-dawl ta’ Kristu Rxoxt, id-dawl fuq id-dlam.

“U bdew jgħidu lil xulxin: ‘Min se jgerbbilna l-ġebla mid-daħla tal-qabar?’” (v. 3). Imma l-ġebla kienet maqluba. “Kienet ġebla kbira ħafna” (v. 4), jimmarka b’enfasi San Mark. Waqt li meta Ġużeppi minn Arimatija kien gerbeb il-ġebla biex jagħlaq il-qabar, gerbibha bħallikieku qisu mhu xejn (ma jgħidilniex San Mark li kienet ġebla kbira ħafna), issa, biex jimmaġinaw il-ġebla maqluba, kellha tkun ġebla kbira ħafna. Kienet il-ġebla fil-qalb u fil-moħħ ta’ dawn in-nisa. Kienet il-ġebla fil-moħħ u fil-qalb tagħna. Biex naqilbuha u ngerbbuha din il-ġebla, kemm hi tqila u kbira! Biex nemmnu li tassew dik il-ġebla ma tifridx il-ħajja mill-mewt, biex nemmnu li tassew ma hemmx differenza bejn dak li hemm barra u dak li hemm ġewwa fil-qabar, biex nemmnu tassew li dik il-ħajja ta’ barra tkompli, anzi tilħaq il-milja tagħha, meta tgħaddi dik il-ġebla, mal-mewt.

Din hi l-aħbar li jirċievu n-nisa, u din hi l-aħbar li nirċievu aħna llum. Din hi l-aħbar li tagħti sens lill-istorja kollha ta’ ħajjitna. X’sens fiha li titwieled, titħabat, trid tbati, tistinka, tistudja, ikollok professjoni, tibni familja, jekk imbagħad jispiċċa kollox? Din il-ġebla kbira, li għandna fil-memorja tagħna, timmarkalna l-mewt u ttektek kuljum, tant li kulma tagħmel ix-xjenza hu kollu kemm hu ġlieda kontra dan l-aħħar għadu li hu l-mewt. X’sens fiha l-ħajja tagħna jekk Ġesù llum ma rebaħx tassew il-mewt, jekk din il-ġebla mhix tassew imgerbba? Issa jmiss lili u lilek, lil kull wieħed u kull waħda minna, li ngerbbu din il-ġebla f’qalbna, biex nemmnu tassew li Kristu hu rxuxtat, li Kristu huwa mqajjem.

Kif ser nagħmlu dan? Għax tidher kbira tassew din il-ġebla. X’ser iġagħalna nemmnu jew x’ser jikkonvinċina li Ġesù hu tassew irxuxtat? Allura l-problema li għandek bħalissa, id-diffikultà li għaddej minnha bħalissa, il-marda li għaddej minnha bħalissa, il-problemi li għandek bħalissa, il-konfużjoni li qiegħed fiha, id-dlam li għandek bħalissa… ser jispiċċa f’dawl, ħajja, tama, ottimiżmu. Min ser jikkonvinċini b’dan? Għax jekk hemm il-Qawmien, il-ħajja tagħna kollha kemm hi ser tieħu xejra oħra, tieħu sinifikat ieħor, tieħu tifsira oħra.

“Daħlu fil-qabar, u raw żagħżugħ” (v. 5), jgħidilna l-Vanġelu. “Neaniskos” – żagħżugħ ta’ madwar tmintax-il sena, fl-aqwa tiegħu, “liebes libsa bajda” (v. 5). Dan iż-żagħżugħ niltaqgħu miegħu diġà darbtejn oħra fil-Vanġelu ta’ San Mark. Niltaqgħu miegħu fuq it-Tabor: Ġesù li jinbidel u l-ħwejjeġ tiegħu jsiru bojod bħas-silġ (ara Mk 9:3); juri lid-dixxipli tiegħu li t-tmiem ta’ ħajtu mhux il-passjoni, mhux it-tbatija, imma l-qawmien. Imma dan iż-żagħżugħ niltaqgħu miegħu wkoll fil-Passjoni skont San Mark: smajnieha nhar il-Ħadd li għadda, f’Ħadd il-Palm. Fil-Ġnien taż-Żebbuġ ikun hemm “żagħżugħ imgeżwer b’liżar biss fuqu, u qabduh [is-suldati]; imma hu telqilhom il-liżar f’idejhom u ħarab għeri” (14:51). Hija diġà tifsira minn qabel ta’ dak li kellu jiġri wara, ta’ kif kellha tispiċċa l-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Il-liżar, iċ-ċarruta, il-ġisem jibqa’ fil-qabar, imma Ġesù jirxoxta, jaħrab, ma jaqbduhx is-suldati. Dan hu ż-żagħżugħ liebes l-abjad.

U lil dan isibuh fil-qabar, “bilqiegħda n-naħa tal-lemin” (v. 5). Ġesù ftit qabel lil Kajfa kien qallu: “Għad taraw lil Bin il-bniedem bilqiegħda n-naħa tal-lemin” (14:62) ta’ Alla. Rawh in-nisa lil “Bin il-bniedem fuq in-naħa tal-lemin” ta’ Alla, fuq in-naħa tal-lemin tal-qabar. Dan iż-żagħżugħ x’jgħidilhom lin-nisa? “Xejn la tinħasdu. Qegħdin tfittxu lil Ġesù ta’ Nazaret li kien imsallab; qam mill-mewt, mhuwiex hawn. Araw il-post fejn kienu qegħduh” (v. 6). Dawk inħasdu, in-nisa nfixlu, tant li l-Vanġelu jkompli jgħidilna li beżgħu, ħarbu. Tant li San Mark juża l-istess verb li kien uża għal x’għamlu d-dixxipli fil-Ġnien taż-Żebbuġ. ‘Ħarbu’, tfixklu, kif jaħrab il-moħħ tagħna quddiem din il-verità, quddiem din l-aħbar ġdida u sabiħa. Quddiem din l-aħbar li tmur kontra l-memorja tagħna, aħna naħarbu, il-moħħ tagħna jaħrab.

Għandna mod kif din l-aħbar, bil-mod il-mod, tifforma, teduka u timmarka darba għal dejjem il-memorja tagħna. L-istess mod li jagħti dak iż-żagħżugħ lil dawk in-nisa: “Morru għidu lid-dixxipli tiegħu, li hu sejjer fil-Galilija qabilkom; tarawh hemmhekk, kif kien qalilkom” (v. 7). X’ried jgħidilhom dan iż-żagħżugħ lil dawn in-nisa? ‘Erġgħu morru fil-Galilija’, fi kliem ieħor, erġgħu ibdew aqraw il-Vanġelu, erġgħu isimgħu l-Kelma ta’ Alla mill-bidu nett, ħallu l-Kelma u l-ħajja ta’ Ġesù, l-esperjenza li Ġesù għamel mill-Galilija sa Ġerusalemm, tkompli tedukalkom il-ħajja tagħkom, l-esperjenza tal-ħajja tagħkom, l-istorja tagħkom, il-ġrajjiet tagħkom. Dan hu l-mod kif din il-ġrajja tal-lum ma tibqax storja ta’ darba fis-sena, storja li nersqu lejha b’ħafna dubju u xettiċiżmu, fejn forsi għal xi mumenti nħossu xi ftit ta’ tferfir f’qalbna u ngħidu: ‘U iva, qam tassew!’, imbagħad nerġgħu għal li konna: għall-pessimiżmu, għad-disperazzjoni, għad-dwejjaq, li bihom jordmuna u jegħlbuna l-problemi li ngħaddu minnhom fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Din hi t-triq: irridu morru l-Galilija!

Il-Vanġelu ta’ San Mark jagħtina din il-proposta ċara. Għal San Mark is-soluzzjoni biex, bil-mod il-mod, nibdew ngħixu l-qawmien ta’ Ġesù fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, hija ċara u waħda: irridu nerġgħu nqallbu fl-Iskrittura, irridu nerġgħu nisimgħu l-Kelma, irridu nerġgħu mmorru l-Galilija biex naraw Ġesù x’għamel hemmhekk, inħalluh jedukalna lil qalbna, inħalluh ikellimna. Nagħmlu esperjenza ta’ dixxipli, nimxu warajh u miegħu. Hekk jagħmlilhom lin-nisa n-Neaniskos, dan iż-żagħżugħ. Jgħidilhom: ‘Intom m’intomx aktar qaddejja’, kif kienu n-nisa fil-mentalità Semitika. ‘M’intomx aktar qaddejja ta’ dan ir-raġel’. Jekk ħa nibqgħu qaddejja ta’ dan ir-raġel, qatt mhu ser nifhmu l-Irxoxt. Aħna rridu nsiru dixxipli ta’ Ġesù, l-Iben għażiż tal-Missier, l-istess Iben ta’ Alla.

Allura dan il-lejl mudlam isir dawl. Id-dawl ta’ dan il-Lejl jibqa’ jdawwal l-istorja tad-dinja, mhux biss dak li ser jiġri wara, imma wkoll dak kollu li ġara qabel, biex aħna nagħmluh tagħna, biex isir dawl tagħna. Biex il-lejl tagħna jsir dawl, isir nar, aħna wkoll irridu mmorru l-Galilija. Kemm hi ħaġa importanti! Jalla kull wieħed u waħda minna, aħna l-Insara, nifhmu l-importanza tas-smigħ tal-Kelma, l-importanza li nerġgħu mmorru l-Galilija, li nerġgħu nibdew inqallbu l-Vanġelu ta’ San Mark, mill-bidu nett tiegħu. Tant hu hekk li l-Vanġelu ta’ San Mark – qegħdin fil-konklużjoni tiegħu hawnhekk – tafu kif jispiċċa? In-nisa tant kienu maħsuda “li ma qalu xejn lil ħadd” (v. 8). Imbagħad hemm kelma li jieqaf biha: “Infatti…”. Hekk jispiċċa l-Vanġelu ta’ San Mark, jew aħjar, jistedinna biex nerġgħu nibdew naqrawh. “Infatti” rridu morru l-Galilija u nħallu lil Ġesù bil-Vanġelu tiegħu jeduka lill-moħħ u l-qalb tagħna. Hekk l-Għid ma jkunx ġurnata f’sena, l-Għid isir il-ħajja tagħna ta’ kuljum.

One thought on “Omelija fil-Vġili Solenni tal-Qawmien tal-Mulej mill-Imwiet mill-Isqof Anton Teuma”

  1. I’m very pleased to here your worlds to day , it made me thing a lot about what you said . I’m going too meditate a lot about them . Thank you

Leave a Reply