Il-Papa fl-Urbi et Orbi tal-Għid: ‘Kristu Rxoxt huwa tama li ma tiddiżapuntax’
Madwar id-dinja, l-Knisja tħabbar l-aħbar ferrieħa li “Ġesù, li ġie msallab, qam kif kien qal. Alleluia!”, qal il-Papa Franġisku fil-bidu tal-messaġġ tiegħu tal-Għid imxandar dirett madwar id-dinja. Bħas-sena l-oħra, minħabba l-miżuri ta’ sigurtà biex titnaqqas il-pandemija tal-Covid-19, il-Papa wassal il-messaġġ tiegħu tal-Urbi et Orbi minn ġewwa l-Bażilika ta’ San Pietru.
Ir-realtà tal-Għid tal-Irxoxt toffri tama w konsolazzjoni konkretta w tanġibbli, nnota l-Qdusija Tiegħu, iżda l-messaġġ tagħha ma toffrilniex “illużjoni jew tiżvela formula maġika”, li nistgħu nixtiequ bħala ħarba mir-realtajiet diffiċli tad-dinja. Fosthom, it-tixrid tal-pandemija, kriżi soċjali w ekonomika li laqtet b’mod speċjali lill-foqra, iżda wkoll, huwa nnota l-fatt “skandaluż” li “l-kunflitti armati ma ntemmux u s-saħħa militari qed tissaħħaħ”.
Il-messaġġ tat-tama tal-Għid juri kif Alla l-Missier qajjem lil Ġesù, li wettaq ir-rieda salvifika tiegħu billi ħa fuqu d-dgħufija, l-mard tagħna, l-piż ta’ dnubietna, w anke l-mewt tagħna. Il-pjagi li Ġesù jġorr f’idejh, f’saqajh u f’ġenbu huma “s-siġill tal-imħabba dejjiema Tiegħu għalina”, u dawk kollha li jesperjenzaw tiġrib fil-ġisem jew fl-ispirtu jistgħu jsibu kenn fihom u “jirċievu l-grazzja tat-tama li ma tiddiżappuntax.”
Il-Papa Franġisku kompla jgħid li Kristu Rxoxt jagħti tama w faraġ lil dawk li qed ibatu minħabba l-pandemija, l-morda w dawk li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom. Huwa talab ukoll biex il-Mulej ikun jista’ “jsostni l-isforzi qalbiena tat-tobba w l-infermiera”. Huwa saħaq li kulħadd, speċjalment dawk vulnerabbli, għandhom bżonn l-għajnuna w għandhom id-dritt għall-kura, w t-tilqim huwa essenzjali. Il-Kap tal-Knisja Kattolika appella lill-komunità internazzjonali “biex timpenja ruħha biex tegħleb id-dewmien fid-distribuzzjoni tal-vaċċini w tiffaċilita d-distribuzzjoni tagħhom, speċjalment fl-ifqar pajjiżi.”
Il-Qdusija Tiegħu wera l-qrubija tiegħu mal-poplu tal-Haiti u ħeġġiġhom “biex iħarsu lejn il-futur b’kunfidenza w tama”, u ma jkunux megħluba mid-diffikultajiet attwali. Huwa talab għaż-żgħażagħ tal-Mjanmar “impenjati li jappoġġjaw id-demokrazija w jsemmgħu leħinhom b’mod paċifiku,” għaliex “il-mibegħda tista’ titneħħa biss bl-imħabba.”
Il-Papa fakkar lill-migranti li qed jaħarbu mill-gwerra w l-faqar estrem u li d-dawl ta’ Ġesù Rxoxt ikun sors ta’ twelid mill-ġdid għalihom, kif naraw fihom il-“wiċċ tal-Mulej imħassar u batut” fit-triq lejn il-Kalvarju. Dan jitlob għal sinjali konkreti ta’ solidarjetà u fraternità umana “min-naħa ta’ kulħadd”. Huwa rringrazzja lin-nazzjonijiet li qed jirċievu lil dawk li qed ifittxu kenn, fosthom l-Libanu w l-Ġordan li ħadu daqstant refuġjati li ħarbu mill-vjolenza tas-Sirja. Il-Qdusija Tiegħu talab biex jitwaqqaf il-kunflitt bl-armi fis-Sirja, fejn miljuni qed ibatu. Huwa rrimarka wkoll is-“silenzju imtarrax u skandaluż” rigward it-tbatija fil-Yemen.
Il-Qawmien jeħodna Ġerusalemm, kompla jgħid il-Papa, fejn “nitolbu lill-Mulej jagħti l-paċi w s-sigurtà”, sabiex ikun post fejn “kulħadd jista’ jara lil xulxin bħal aħwa”. Huwa ħeġġeġ lill-Iżraeljani u l-Palestinjani biex “jiskopru mill-ġdid il-qawwa tad-djalogu” sabiex tkun tista’ tinstab soluzzjoni biex “iż-żewġ stati jkunu jistgħu joqgħodu ħdejn xulxin fil-paċi w l-prosperità.”
Il-ħsibijiet tal-Papa Franġisku daru lejn l-Afrika, b’mod speċjali fil-postijiet li qed ibatu minn vjolenza interna w terroriżmu internazzjonai f’żoni tas-Saħel, in-Niġerja, it-Tigray u r-reġjun ta’ Cabo Delgado tal-Możambik, u talab li l-kunflitti jistgħu jiġu solvuti b’mod paċifiku permezz ta’ “djalogu fi spirtu ta’ rikonċiljazzjoni w vera solidarjetà”. Wisq gwerer u wisq vjolenza qed jolqtu lid-dinja tagħna, lmenta l-Papa. “J’alla l-Mulej, li huwa l-paċi tagħna, jgħinna negħlbu l-mentalità tal-gwerra.” J’Alla l-priġunieri tal-kunflitti jinħelsu fil-Lvant tal-Ukrajna u fin-Nagorno-Karabakh, il-Papa żied jgħid.
Bħala konklużjoni, l-Papa Franġisku għaraf kif f’ħafna postijiet, l-Insara ċċelebraw l-Għid taħt restrizzjonijiet ħorox, xi drabi ma jistgħux jattendu ċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi. Huwa talab biex dawn, u r-restrizzjonijiet kollha fuq il-libertà tal-qima w r-reliġjon mad-dinja kollha, jitneħħew u għalhekk kollha jitħallew jitolbu w jfaħħru lil Alla liberament. Wara li wassal il-messaġġ tiegħu tal-Għid, il-Papa ta l-barka appostolika tiegħu.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-04/pope-at-easter-jesus-who-was-crucified-has-risen-alleluia.html