Il-Ħniena ta’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Ħadd wara l-Għid il-Kbir il-Knisja tiċċelebra l-festa tal-Ħniena Divina; jiġifieri l-ħniena li Alla għandu għalina.

Il-ħniena ta’ Alla narawha b’mod speċjali fil-passjoni ta’ Kristu. Il-bniedem kien miġġieled ma’ Alla. Iżda mhux talli ma kkastigahx, iżda bagħat lil Ibnu fid-dinja biex isalvana. Miet mewt ħarxa fuq is-salib mhux biex jiktbilna l-kundanna tagħna iżda biex iħabbibna ma’ Alla.

Kristu matul ħajtu kollha ppriedka l-ħniena ta’ Alla. Forsi l-aktar parabbola li turi din il-ħniena divina hija dik tal-iben il-ħali. Missieru kompla jistennieh avolja ibnu telaq mid-dar u berbaqlu ġidu. U meta ibnu nidem milli għamel, missieru laqgħu għandu qisu ma ġara xejn.

Il-ħniena ta’ Alla hija kbira bla tarf. Għalhekk ikun jagħmel xi ħaġa bla sens min jaqta’ qalbu minn din il-ħniena bla tarf, avolja jkun dineb bil-kbir. Mill-banda l-oħra jkun jagħmel ħażin min jirraġuna: Il-ħniena ta’ Alla hija tant kbira li nista’ nagħmel li rrid.

Il-ħniena ta’ Alla tidher b’mod speċjali fis-sagrament tal-Qrar. Meta wieħed jindem, is-saċerdot f’isem Kristu jaħfirlu, ikunu xi jkunu d-dnubiet li jkun għamel. Barra minn hekk lanqas hemm xi limiti għal kemm wieħed jista’ jmur iqerr.

Alla juri dejjem ħniena kbira magħna. Iżda huwa jrid li aħna nuru wkoll ħniena mal-proxxmu tagħna: billi meta  jonqosna, naħfrulu, billi ngħinuh fil-ħtiġijiet tiegħu u nħennu dejjem għalih. Kien Kristu nnifsu li fil-Missierna għallimna biex nitolbu: “aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min huwa ħati għalina.” (Lq 11,4).

Għalhekk tkun xi ħaġa kontradittorja jekk nistennew lil Alla li juri mogħdrija magħna u fl-istess ħin ikollna qalb iebsa mal-proxxmu tagħna.

Minn Angelo Xuereb

%d bloggers like this: