28 ta’ April: SAN PIETRU CHANEL, SAĊERDOT U MARTRI
Tifkira
San Pietru Chanel twieled fi Cuet, Franza, fl-1803. Wara li ġie ordnat qassis, daħal fis-Soċjetà ta’ Marija. Intbagħat missjunarju fl-Oċeanja u, għalkemm iltaqa’ ma’ ħafna diffikultajiet, ġibed lil xi wħud għall-fidi kattolika, fosthom lil bin is-sultan, u għalhekk is-sultan neħħielu ħajtu fil-gżira ta’ Futuna fl-1841.
LEZZJONI II
Tifħir lil San Pietru Chanel, saċerdot u martri
Id-demm tal–martri hu ż-żerriegħa tal-insara
Pietru, hekk kif daħal reliġjuż fis-Soċjetà ta’ Marija, talab u bagħtuh fil-missjoni tal-gżejjer tal-Paċifiku. Mar u qagħad fil-gżira ta’ Futuna, li n-nies tagħha kienu għadhomma semgħux bl-isem ta’ Kristu. Dwar il-ħajja missjunarja tiegħu, għandna din ix-xhieda tal-ajk li kien dejjem miegħu: “Pietru tħabat kemm felaħ, sikwit kien jibqa’ bil-ġuħ, u jiġi d-dar għarqan xraba u għajjien mejjet. Imma kont tarah dejjem fuq ruħu, ħafif u ferħan, qisu ġej minn xalata; u dan mhux darba biss, imma tista’ tgħid kuljum.
Qatt ma kien jiċħdilhom xejn lin-nies tal-post, anqas lil dawk li kienu jippersegwitawh, għax kien jagħdirhom dejjem, u qatt ma warrabhom minnu, għalkemm kienu jdejquk bil-fittaġni tagħhom. Ma nafx ieħor bħalu għall-ħlewwa li b’kull mod kien juri lil kulħadd bla eċċezzjoni”.
Mhix ħaġa tal-għaġeb, mela, li n-nies kienu jsejjħulu “raġel b’qalb tad-deheb”, għax, kif darba hu stess qal lil wieħed reliġjuż sieħbu, “Jinħtieġ li, f’missjoni hekk iebsa, inkunu qaddisin.”
Ma setax ixandar lil Kristu u l-Evanġelju kemm xtaq, u ftit ġabar frott. Imma qatt ma qata’ qalbu, u kompla bis-sħiħ ix-xogħol missjunarju tiegħu uman u reliġjuż, mistrieħ fuq l-eżempju u l-kliem ta’ Kristu: Min jiżra’ hu wieħed, u min jaħsad hu ieħor. Kien jitlob bla heda l-għajnuna ta’ Omm Alla, li hu kien devot kbir tagħha.
Bil-predikazzjoni nisranija tiegħu seħħlu jeqred l-ispiritiżmu, li l-kapijiet tal-gżira riedu jżommuh ħaj fost il-poplu tagħhom. Għalhekk tawh mewt l-aktar ħarxa, bit-tama li l-qerda ta’ Pietru tkun tfisser il-qerda taż-żerriegħa nisranija li hu xerred.
Imma hu lejlet il-martirju tiegħu qal: “Xejn ma jimporta li jiena mmut, għax ir-reliġjon ta’ Kristu tant qabdet l-għeruq f’din il-gżira, li mhijiex se titqaċċat b’mewti”. L-ewwel frott tad-demm tal-martri gawdewh in-nies stess ta’ dik il-gżira, għaliex fi ftit snin saru nsara lkoll, u mhux huma biss, imma wkoll gżejjer oħra tal-Paċifiku, fejn illum hemm bosta Knejjes insara li sejrin tajjeb ħafna, u li f’Pietru għandhom l-ewwel martri tagħhom, kif tassew isejħulu.
RESPONSORJU
Lq 10:2; Atti 1:8
1. Il-ħsad kbir, imma l-ħaddiema ftit. * Itolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu, hallelujah.
2. Intom tiksbu qawwa, meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, u tkunu xhud tiegħi sa truf 1-art. * Itolbu lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu, hallelujah.
Talba
O Alla, int tajt il-kuruna tal-martirju lis-saċerdot San Pietru Chanel talli ħabrek għat-tixrid tal-Knisja tiegħek; agħtina l-grazzja li, f’dan il-ferħ tal-Għid, niċċelebraw kif jixraq il-misteru tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej, ħalli nkunu xhieda tal-ħajja ġdida li ksibna. B’Ibnek.