Ġwanni Pawlu II f’Colonia

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIR-REPUBBLIKA FEDERALI TEDESKA.

OMELIJA TA’  ĠWANNI PAWLU II

Colonia, 15 ta’ Novembru 1980

“Il -saltna tas-smewwiet tixbaħ lil xibka…” (Mt 13,47).

Ippermettuli, Reverendu Isqof tal-Knisja antika, meqjuma ta’ Kolonja, reverendi konfratelli Kardinali u Isqfijiet, ippermettuli ilkoll, maħbubin ħuti, li jien infittex li niċċara f’din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika l-importanza ta’ din il-laqgħa straordinarja tallum bl-għajnuna ta’ din il-parabbola, bl-għajnuna ta’ Kristu, li ripetutament spjega s-saltna ta’ Alla permezz tal-parabboli. Waqt li nqeda bihom, huwa ħabbar il-preżenza ta’ din is-saltna lid-dinja.

Aħna wkoll hemm bżonn niltaqgħu f’din id-dimensjoni. Din hija, sa ċertu punt, il-premessa essenzjali taż-żjara tallum tas-suċċessur tal-Appostlu Pietru fis-sedja episkopali ta’ Ruma lill-Knisja tagħkom fil-Ġermanja, lilkom hawn f’Kolonja, li tirrapreżentaw il-Knisja ta’ Alla li ffurmat ruħha tul il-korsa ta’ bosta sekli madwar ir-Rumana “Kolonja Agrippina”. Is-simbolu distint ta’ din il-Knisja kien sallum il-katidral splendidu tagħkom, li l-importanza spiritwali tiegħu iġġedded fikom grazzi għall-ġublew ta’ din is-sena: b’qawwa dan ikellimkom dwar is-saltna ta’ Alla fostna.

Aħna li issa niffurmaw il-Knisja ta’ Kristu fuq l-art, fuq din il-parti tat-territorju Ġermaniż hemm bżonn niltaqgħu fid-dimensjoni tal-għaqda tas-saltna ta’ Alla: Kristu ġie biex iħabbar din is-saltna u jferrixha fuq din l-art, f’kull post tad-dinja, fil-bnedmin u fost il-bnedmin.

Din is-saltna ta’ Alla tinsab f’nofsna (cf. Lq 17,21), l-istess bħal ma kienet fil-ġenerazzjonijiet kollha ta’ missirijietkom u tal-antenati tagħkom. Bħalhom, aħna iżda għadna nitolbu fil-“Missierna” kull jum: “Tiġi saltnatek”. Dan il-kliem jixhed li s-saltna ta’ Alla għadha quddiemna, li se nmorru niltaqgħu magħha u li lejha se nmorru billi navanzaw minn mogħdijiet imħawda, u anzi kultant saħansitra foloz, tal-eżistenza tagħna fuq din l-art. Aħna nixhdu b’dan il-kliem, li s-saltna ta’ Alla titwettaq f’kontinwazzjoni u toqrob, ukoll jekk aħna spiss nitilfu minn quddiem għajnejna u ma nilmħux iktar il-profil determinanti tal-Vanġelu. Donnu spiss li d-dimensjoni unika u esklussiva tal-eżistenza tagħna hija “din id-dinja”: is-“saltna ta’ din id-dinja” bil-profil tagħha viżibbli, il-progress tagħha affaxxinanti fix-xjenza u fit-teknika, fil-kultura u fl-ekonomija… affaxxinanti u spiss ukoll preokkupanti!  Jekk aħna iżda kuljum, jew tal-inqas ta’ kultant, ninżlu għarkupptejna biex nitolbu, inlissnu f’nofs iċ-ċirkustanzi tal-ħajja dejjem l-istess kliem: “Tiġi saltnatek”.

Għeżież ħuti! Dawn is-sigħat li fihom qegħdin niltaqgħu hawn, il-ħin, li grazzi għall-istedina tagħkom u għall-ospitalità tagħkom nistà ngħaddi fostkom, huwa l-ħin tas-saltna ta’ Alla: tas-saltna “li diġa tinsab hawn”, u ta’ dik li għad trid “tiġi”. Għal din hemm bżonn ninterpretaw dak kollu essenzjali, li jirreferi għal din iż-żjara, bil-għajnuna tal-parabbola, li nisimgħu fil-Vanġelu tallum: “Is-saltna ta’ Alla tixbaħ…”.

2. Lil xiex tixbaħ?

Skont il-kliem ta’ Ġesù kif għaddewhielna l-erbà evanġelisti, din is-saltna tiġi spjegata permezz ta’ diversi parabboli u paraguni. Il-paragun tallum huwa wieħed minn ħafna, Donnu marbut b’mod l-iktar strett ma’ dak ix-xogħol, li kienu jagħmlu l-appostli ta’ Kristu, fosthom ukoll Pietru, bħal bosta mis-semmiegħa tiegħu fuq ix-xatt tal-għadira ta’ Ġeneżaret. Kristu jgħid: is-saltna tas-smewwiet tixbaħ “lil xibka mitfugħa fil-baħar, li tiġbor kull tip ta’ ħut” (Mt 13,47). Dan il-kliem sempliċi jibdel għal kollox il-fiżjonomija tad-dinja: il-fiżjonomija tad-dinja umana tagħna, bħal ma nagħmluha aħna bl-esperjenza u bix-xjenza. Esperjenza u xjenza ma jistgħux jaqsmu dawn il-fruntieri tad-“dinja” u tal-eżistenza umana fiha, li huma neċessarjament magħqudin mal-“baħar taż-żmien”: il-fruntieri ta’ dinja, li fiha l-bniedem jitwieled u jmut, b’korrispondenza mal-kliem tal-Ġenesi: “Inti trab u trab terġà ssir” (Ġen 3,19). Il-paragun ta’ Kristu, bil-maqlub, jitkellem dwar it-traspożizzjoni tal-bniedem f’“dinja” oħra, f’dimensjoni oħra tal-eżistenza tiegħu. Is-saltna tas-dmewwiet hja propjament din id-dimensjoni l-ġdida, li tinfetaħ fuq il-“baħar taż-żmien” u hija fl-istess ħin ix-“xibka”, li taħdem f’dan il-baħar għad-destin tal-bniedem u tal-bnedmin kollha f’Alla.

Il-kelma tallum tistedinna biex nagħrfu s-saltna tas-smewwiet bħala t-twettiq definittiv ta’ dik il-ġustizja, mixtieqa mill-bniedem b’nostalġija li ma tistax titrażżan, li l-Mulej qegħdilhom f’qalbhom, ta’ dik il-ġustizzja, li fl-aħħar minn l-aħħar, Kristu ssiġilla b’demmu fuq is-salib.

Fis-saltna tas-smewwiet, fis-saltna tal-“ġustizzja, tal-imħabba u tal-paċi” (prefatio in festo Christi Regis) il-bniedem ukoll se jsib ruħu perfett. Ladarba l-bniedem huwa l-esseri, li jigi mill-profondità ta’ Alla u jaħbi fih innifsu tali profondità, li Alla biss jistà jerġà jimlieha. Huwa, il-bniedem, huwa fl-esseri kollu tiegħu kopja ta’ Alla u huwa simili għalih.

3. Ġesù waqqaf il-Knisja tiegħu fuq tnax-il Appaostlu, li wħud minnhom kienu sajjieda. Hekk ix-xbiha tax-xibka kienet immedjata. Ġesù ried jagħmel sajjieda tal-bnedmin. Il-Knisja wkoll hija xibka, magħquda mal-Ispirtu Santu, konnessa mill-missjoni apostolika, effiċjenti mill-għaqda fil-fidi, fil-ħajja u fl- imħabba.

F’dan il-waqt qiegħed naħseb fix-xibka mifruxa b’mod wiesà tal-Knisja universali.

Fl-istess ħin għandi quddiem għajnejja kull Knisja individwali ta’ artkom, b’mod speċjali il-Knisja kbira ta’ Kolonja u d-dijoċesijiet viċini. U fl-aħħarnett hemm quddiem għajnejja l-iżgħar minn dawn il-knejjes, “l-ecclesiola”, il-knisja domestika, li s-Sinodu l-iktar reċenti tal-Isqfijiet f’Ruma fakkar b’tant attenzjoni kbira fit-tema dwar “id-dmirijiet tal-familja nisranija”.

Il-familja: knisja domestika, komunità inkonfondibbli u insostitwibbli ta’ persuni, li dwarha jitkellem San Pawl fit-tieni qari tallum. F’dan huwa għandu quddiem għajnejh naturalment il-familja nisranija ta’ żmienu, imma dak li jgħid hemm bżonn li b’mod ugwali napplikawh għall-problemi tal-familji ta’ żmienna: dak li jgħid lill-irġiel, dak li jgħid lin-nisa, lill-ulied u lill-ġenituri. U fl-aħħar dak kollu li jgħid lilna lkoll: “Ilbisu mela mill-ġdid b’sentimenti ta’ ħniena, ta’ tjubija, ta’ umiltà, ta’ manswetudni, ta’ sabar, waqt li tissaaportaw lil xulxin u waqt li taħfru b’mod reċiproku… U fuq kollox imbagħad tkunilkom il-karità li hija r-rabta tal-perfezzjoni. U l-paċi ta’ Kristu ssaltan fi qlubkom, għaliex għaliha kontu msejħin f’ġisem wieħed. U kunu rikonoxxenti!” (Kol 3,12-15).

X’lezzjoni kbira ta’ spiritwalità matrimonjali u familjari!

4. Aħna iżda ma nistgħux nagħlqu għajnejna linqas quddiem il-faċċata l-oħra: is-santi padri sinodali f’Ruma ħadu ħsieb b’mod serju ħafna wkoll ta’ din: irrid ngħid id-diffikultajiet, li llum huwa espost l-ideal għoli tal-intelliġenza nisranija tal-familja u tal-ħajja tal-familja. Is-soċjetà industrijali moderna bidlet b’mod fundamentali l-kondizzjonijiet tal-ħajja għaż-żwieġ u l-familja.

Iż-Żwieġ u l-familja qabel ma kinux biss komunità ta’ ħajja imma kienu wkoll komunità ta’ produzzjoni u ta’ ekonomija. Huma kienu mwarrba minn bosta funzjonijiet pubbliċi. Il-klima pubblika mhijiex dejjem favorevoli fil-konfront taż-żwieġ u tal-familja. U bdanakollu, fiċ-ċivilizzazzjoni tal-massa tagħna, juru ruħhom bħala post ta’ rifuġju fir-riċerka tal-protezzjoni u tal-feliċità. Iż-żwieġ u l-familja huma iktar important minn qatt qabel: ċelluli ħajjin għat-tiġdid tas-soċjetà, sorsi ta’ qawwa, li permezz tagħhom il-ħajja ssir iktar umana. Nistà  naqbad id-dehra: xibka, li ssostni u tgħaqqad u sserraħ mill-kurrenti tal-profond.

Ejjew ma nħallux li din ix-xibka titqattà. L-Istat u s-soċjetà jibdew id-dekadiment tagħhom stess, kemm-il darba ma jsostnux iż-żwieġ u l-familja b’mod iktar effikaċi u ma jipproteġuhomx iktar u jqegħduhom fl-istess grad ta’ komunitajiet ta’ ħajja oħrajn, li mhumiex matrimonjali. Il-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, b’mod partikolari aħna l-insara, aħna msejħin biex niskopru mill-ġdid id-dinjità u l-valur taż-żwieġ u tal-familja u li ngħixuhom quddiem il-bnedmin b’mod konvinċenti. Il-Knisja, bid-dawl tal-fidi, toffri l-parir tagħha u s-servizz spiritwali tagħha.

5. Iż-żwieġ u l-familja huma marbutin flimkien b’mod profond sewwa mad-dinjità personali tal-bniedem. Dawn ma jiġux biss mill-istint u mill-passjoni, linqas biss mis-sentiment; dawn jiġu l-ewwelnett minn deċiżjoni tar-rieda ħielsa, minn imħabba personali, li permezz tagħha l-għarajjes isiru mhux biss ġisem wieħed, imma wkoll qalb u ruħ. Il-Komunjoni fiżika u sesswali hija xi ħaġa ta’ kobor u ta’ sbuħija. Imma tkun biss denja tal-bniedem, jekk tkun integrata f’għaqda personali, magħrufa mill-komunità ċivili u ekkleżjastika. Il-komunjoni sesswali sħiħa bejn ir-raġel u l-mara għandha għalhekk il-post leġittimu biss fl-isfera tar-rabta ta’ fedeltà personali esklussiva u definittiva taż-żwieġ. L-indissolubiltà tal-fedeltà konjugali, li llum għal ħafna m’għadhiex iktar komprensibbli, hija ugwalment espressjoni tad-dinjità inkondizzjonata tal-bniedem. Ma tistax tgħix biss għal prova, ma tistax tmut biss għal prova. Ma tistax tħobb biss għal prova, taċċetta bniedem biss għal prova u għal żmien.

6. Hekk iż-żwieġ huwa orjentat biex idum, għall-futur. Dan iħares ‘il hemm mill-fruntieri tiegħu. Iż-żwieġ huwa l-uniku post eliġibbli għall-ġenerazzjoni u għall-edukazzjoni tat-tfal. Merla l-imħabba matrimonjali hija orjentata minħabba l-essenza tagħha wkoll għall-fertilità. F’dan id-dmir ta’ mogħdija tal-ħajja, il-miżżewġin huma kollaboraturi mal-imħabba ta’ Alla ħallieq. Naf li hawn ukoll fis-soċjetà tallum id-diffikultajiet huma kbar. Jgħabbu b’mod speċjali lill-mara. Abitazzjonijiet ristretti, problem ekonomiċi u sanitarji, spiss saħansitra atteġġjament dikjarat xejn favorevoli għall-familji prolifiċi jikkostitwixxu ostaklu għal fertilità maġġuri. Nagħmel appell lil dawk kollha responsabbli, lill-forzi kollha tas-soċjetà: agħmlu minn kollox biex tipprovdu għajnuna. Nagħmel appell fuq kollox lill-kuxjenza tagħkom u lir-responsabiltà personali tagħkom, għeżież ħuti. Fil-koxjenza tagħkom intom għandkom, fil-preżenza ta’ Alla, tieħdu deċiżjoni dwar in-numru ta’ wliedkom.

Bħala miżżewġin intom imsejħa għal paternità responsabbli. Dan iżda jfisser tali pjanifikazzjoni tal-familji, li jirrispetta n-normi u l-kriterji etiċi, kif kien enfasizzat ukoll mir-riċentissmu Sinodu tal-Isqfijiet. Bi premura kbira nixtieq illum infakkarkom dwar tali mottiv din il-ħaġa biss: il-qtil tal-ħajja mhix imwielda mhuwiex mezz leġittmu tal-pjanifikazzjoni tal-familja. Intenni dak li għidt nhar il-31 ta’ Mejju ta’ din is-sena lill-ħaddiema fil-periferija Pariġina ta’ Saint-Denis: “L-ewwel dritt tal-bniedem huwa d-dritt għall-ħajja. Aħna għandna niddefendu dan id-dritt u dan il-valur. Inkella tiġi mriegħda l-loġika kollha tal-fidi fil-bniedem, il-programm kollu ta’ progress tassew uman u jaqà kollox mal-art”. Fir-realtà dan kollu mhux għajr: taqdi l-ħajja.

7. Għeżież ħuti! Fuq il-pjattaforma ndispensabbli u fuq l-ipotesi ta’ dak migħud irridu nduru lejn il-misteru l-iktar profond taż-żwieġ u tal-familja. Iż-żwieġ mill-punt di vista tal-fidi tagħna huwa Sagrament ta’ Ġesù Kristu. L-imħabba u l-fedeltà konjugali huma inklużi u trażmessi mill-imħabba u mill-fedeltà ta’ Alla f’Ġesù Kristu. Il-qawwa tas-salib tiegħu u tal-qawmien mill-imwiet tiegħu tweassal u tqaddes lill-miżżewġin insara.

Kif innota s-Sinodu riċenti tal-Isqfijiet fil-messaġġ tieġħu lill-familji nsara tad-dinja tallum, il-familja nisranija hija msejħa b’mod partikolari biex tikkollabora fil-pjan feddej ta’ Alla, sabiex hija tgħin lill-membri tagħha “biex isiru protagonist tal-istorja tal-fidwa u flimkien sinjali ħajjin tal-proġett li Alla għandu dwar id-dinja” (Synodi Episcoporum Nuntius ad Christianas Familias, 8).

Bħala “Knisja fiċ-ċokon” imwaqqfa sagramentalment, jew aħjar Knisja domestika, iż-żwieġ u l-familja għandhom ikunu skola ta’ fidi u post tat-talb komuni. Jien nattribwixxi propju lit-talb fil-familja sinifikat kbir. Dan jagħti qawwa għas-superament ta’ bosta problem u diffikultajiet. Fiż-żwieġ u fil-familja għandhom jikbru u jimmaturaw l-atteġġjamenti fundamentali umani u nsara, li mingħajrhom il-Knisja u s-soċjetà ma jistgħux jeżistu. Hawn jinsab l-ewwel post għall-apostolat nisrani tal-lajċi u tas-saċerdozju komuni għall-imgħammdin kollha. Tali żwiġijiet u familji iffertilizzati bi spirtu nisrani, huma wkoll il-veri seminarji, irrid ngħid l-imxietel għall-vokaszzjonijiet spiritwali għall-istat saċerdotali u reliġjuż.

Għeżież miżżewġin u ġenituri, għeżież familji! X’nistà nawguralkom fl-okkażjoni tal-laqgħa ewkaristika tallum b’iktar kordjalalità minn dan: li intom ilkoll u kull familja ndividwali tkunu tali “knisja domestika”, Knisja fiċ-ċokon! Li titwettaq fikom il-parabbola tas-saltna ta’Alla! Li tisperimentaw il-preżenza tas-saltna ta’ Alla, għaliex intom stess ix-“xibka” ħajja, li tgħaqqad u twassal u tagħti kenn – lilkom stess u lil ħafna madwarkom..

Din hija x-xewqa tiegħi ta’ barka, li nesprimilkom bħala mistieden u pellegrin tagħkom u bħala qaddej tas-salvazzjoni tagħkom.

8. U issa pprmettuli li fl-aħħar ta’ din ir-riflessjoni fundamentali dwar is-saltna ta’ Alla u dwar il-familja nisranija li ndur ukloll lejn San Albertu l-Kbir, li l-festa tiegħu tas-sebà ċentinarju wasslitni hawn fil-belt tagħkom. Infatti hawn jinsab il-qabar ta’ dan l-iben ċelebri ta’ artkom, li twieled f’Lauingen u f’ħajtu twila kien fl-istess ħin xjenzjat kbir, iben spiritwali ta’ San Duminku u  s-surmast ta’ San Tumas D’Aquino, Huwa kien wieħed mill-ikbar bnedmin ta’ intelliġenza fis-seklu XIII. Huwa bħal ebda wieħed ieħor għaqqad ix-“xibka” li tgħaqqad flimkien il-fidi u r-raġuni, l-għerf ta’ Alla u x-xjenza tad-dinja. Almenu fl-ispirtu se nżur ukoll il-belt tiegħu fejn twieled, Lauingen, waqt li llum, f’Kolonja, qrib qabru, se nieqaf nimmedita flimkien magħkom il-kliem li bih tiċċelebrah il-liturġija tallum: “Jekk din hija r-rieda tal-Mulej il-kbir / huwa se jkun imfawwar bi spirtu ta’ intelliġenza. / Bħal xita se jsawwab kliem il-għerf, / fit-talb se jirrendi tifħir lill-Mulej, / Huwa se jiddirieġi il-parir tiegħu u x-xjenza tiegħu, se jimmedita dwar il-misteri ta’ Alla. / Se jagħmel tibbrilla d-duttrina tat-tagħlim tiegħu, / se jiddandan bil-liġi tal-patt tal-Mulej. / Bosta se jfaħħru l-intelliġenza tiegħu, / huwa ma jintesa qatt, / ma tgħibx it-tifkira tiegħu, / ismu jgħix minn ġenerazzjoni għall-oħra. / Il-popli se jitkellmu dwar għerfu, / l-assemblea tipproklama it-tifħir tiegħu” (Sir 39,6-10).

Ma’ dan il-kliem tal-għaqli Ġesù Sirak mhemmx x’wieħed iżid. Però m’għandna nħallu ebda waħda barra. Huma infatti jiddeskrivu b’mod perfett il-figura ta’ dak il-bniedem, li art twelidu, beltkom b’raġun tonora u li huwa ta’ ferħ għall-Knisja kollha. Albertu l-Kbir, duttur universali – Albertu l-Kbir mid-duttrina ferm wiesgħa: “dixxiplu veru tas-saltna ta’ Alla”! Jekk aħna llum irriflettejna flimkien dwar il-vokazzjoni tal-familja nisranija għall-bini tas-saltna ta’ Alla fuq l-art, il-kliem tal-parabbola ta’ Kristu għandhom jagħtuna wkoll is-sinifikat profond ta’ dan il-qaddis, li llum aħna qegħdin infakkru b’mod sollenni. Infatti Kristu jgħid: “Kull skriba li sar dixxiplu tas-saltna tas-smewwiet jixbaħ lil sid ta’ dar, li joħroġ mit-teżor tiegħu ħwejjeġ ġodda u ħwejjeġ qodma” (Mt 13,52).

Lil tali sid ta’ dar jixbaħ ukoll San Albertu! L-eżempju tiegħu u l-intercessjoni tiegħu jakkumpanjawni, waqt li fil-pellegrinaġġ tiegħi għal għonq pajjiżkom se nipprova, bħal sajjied tal-bnedmin, li norbot b’mod iktar strett ix-xibka u li mill-ġdid nixħetha, sabiex tiġi s-saltna ta’ Alla.

Appell tal-Papa għal tifla maħtufa

Qabel ma nkompli biċ-ċelebrazzjoni liturġika, hija xewqa ħajja ta’ qalbi, fil-kuntest tal-meditazzjoni tallum dwar iż-żwieġ u dwar il-familja, f’isimkom ilkoll nuri il-kommozzjoni tiegħi għall-ħtif li għadu kemm seħħ f’pajjiżkom ta’ tifla ta’ ħdax-il sena, Cornelia Becker. Aħna naqsmu l-ansjetà tal-ġenituri għad-destin taċ-ċkejkna tagħhom.

Mill-ġdid għal darb’oħra nħossu b’niket ta’ x’inhi kapaċi l-aberrazzjoni umana u n-nuqqas ta’ kull sentiment. F’isem l-umanità nagħmel appell lill-kuxjenza tal-ħattafa (kidnappers): tkonplux bl-aġir miġnun tagħkom! Agħtu lura liċ-ċkejkna Cornelia, li m’għandha ebda ħtija, lill-ġenituri tagħha bla ebda kondizzjoni! Aħna nixtiequ issa bit-talb inwasslu lil Alla din is-supplika, lil Alla li għandu aċċess għall-qlub tal-bnedmin, fejn il-kelma tagħna ma tasalx. Ejjew nitolbu mal-ġenituri milquta sabiex huma jerġgħu jaraw mill-iktar fis bil-ferħ it-tifla tagħhom. Mulej Ġesù Kristu. Inti l-verità. Ismà s-supplika tagħna. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emauel Zarb

%d bloggers like this: