Mill-biża’ għall-ferħ. Omelija mill-Isqof Joe Galea Curmi

Il-Ħadd, 18 ta’ April 2021: Omelija tat-Tielet Ħadd tal-Għid mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Knisja Marija Annunzjata, Balzan.

L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

Il-ġrajja ta’ meta Kristu Rxoxt jidher lid-dixxipli tiegħu hi ġrajja li turina l-bidla li sseħħ fid-dixxipli hekk kif Kristu ħaj ikun preżenti fosthom. 

Il-bidla

Id-dixxipli, kif rawh, “twerwru bil-biża’”. U ħasbuh xi fantażma. Hu kien qalilhom, żmien qabel, li kellu jgħaddi mill-passjoni u l-mewt u jqum mill-imwiet. Imma għalihom tant kienet esperjenza iebsa u diffiċli li jarawh jispiċċa fix-xejn fuq is-salib, li kienet esperjenza li tilfitilhom kull tama.

Għalhekk, meta rawh, l-ewwel reazzjoni kienet li beżgħu għax ħasbuh fantażma. Imma mbagħad, meta Ġesù wriehom idejh u riġlejh, u meta aktar u aktar kiel hemmhekk, indunaw li hu mhux fantażma – għax fantażma ma jikolx – imma hu Ġesù ħaj. L-istess Ġesù li kienu jafu, li kien inqatel, issa hu rxuxtat u ħaj fosthom.

L-Evanġelju jgħidilna li mtlew b’ferħ kbir. Ħassew dan il-ferħ kbir minħabba l-preżenza ta’ Ġesù ħaj. Għalhekk naraw mill-ewwel din il-bidla li sseħħ f’dawn id-dixxipli. Jekk għall-bidu kienu mimlijin biża’, issa mtlew bil-ferħ.

Ġesù kien qalilhom kemm-il darba “la tibżgħux”. U kien qalilhom ukoll li qalbhom timtela b’ferħ li ħadd ma jeħodhulhom. Imma altru dak li semgħu qabel, u altru issa meta rawh ħaj fosthom. Hemmhekk seħħet tassew il-bidla fid-dixxipli.

Il-biża’ f’ħajjitna

Hi l-istess bidla li tista’ sseħħ fina wkoll jekk aħna nagħrfu lil Ġesù ħaj u nilqgħuh f’ħajjitna. Ġesù jgħinna biex ngħaddu mill-biża’ għall-paċi tiegħu – dik dejjem hi l-karatteristika meta jidher lid-dixxipli, għax it-tislima tiegħu hi “is-sliem għalikom” – u għall-ferħ li hu jġib f’qalbna.

Nafu li għandna bżonn ħafna din l-esperjenza tal-preżenza ta’ Ġesù. F’ħajjitna niltaqgħu ma’ ħafna esperjenzi li jnisslu fina l-biża’. Ġieli meta nħarsu lejn nfusna, jew inħarsu lejn l-affarijiet tal-passat. Ġieli meta nħarsu lejn l-oħrajn, u f’daż-żmien ta’ pandemija iktar u iktar, għax trid iżżomm id-distanża fiżika mill-oħrajn; ġieli jbeżżagħna l-ħsieb tat-tbatija; ġieli jbeżżagħna l-futur, għax ħadd minna ma jaf il-futur. Ngħaddu minn ħafna esperjenzi ta’ biża’.

Ma nibqgħux vittmi tal-biża’, imma bil-qawwa ta’ Ġesù nagħrfu kif nistgħu negħlbu l-biża’, li f’ħajjitna hu naturali, u nagħżlu dak li hu sewwa.

Ġieli nibżgħu wkoll mhux biss għalina nfusna imma għall-oħrajn, dawk għeżież għalina, bħall-ġenituri għal uliedhom. Jgħidu: x’soċjetà se jkollhom uliedna fil-futur? Speċjalment meta jaraw ċerti bidliet fis-soċjetà fejn dawk li aħna ngħożżu bħala valuri, flok jitmexxew ’il quddiem, jindifnu. Pereżempju, sa ftit ilu kulħadd kien jitkellem f’Malta kontra d-droga: id-droga ġġib il-ħsara, trid tevitaha b’kull mezz, u trid tgħin lil min għadu żgħir biex jinduna għax mill-ftit kultant tiġi għal ħafna. Issa d-diskors minn ċerti bnadi hu differenti. Fejn qabel kienet ħażina, issa d-diskors hu li tip ta’ droga tista’ żżommha d-dar, tikkultivaha qisek qed iżżomm pjanta, tiggustaha u żżommha bħala mezz ta’ rikreazzjoni. U l-effetti? Għalhekk qed insemmi l-biża’ tal-ġenituri. X’tip ta’ soċjetà qed ngħaddulhom lil dawk li ġejjin warajna?

Hemm ukoll il-biża’ kultant fejn tidħol il-fidi tagħna: il-biża’ biex nistqarru dak li aħna nemmnu, biex dak li hu abjad insejħulu abjad u l-iswed iswed. Kultant nibżgħu għax inkunu redikolati, nibżgħu mir-reazzjoni tal-oħrajn.

Ma nħallux il-biża’ tipparalizzana

Fil-ħajja tagħna, hi esperjenza komuni li aħna jkollna l-biża’. Il-preżenza ta’ Ġesù ma tfissirx li aħna ma nibqgħux nibżgħu. Imma tfisser, ħaġa importanti, li l-biża’ li nħossu ma jibqax jaħkimna, jipparalizzana. Ma nibqgħux vittmi tal-biża’, imma bil-qawwa ta’ Ġesù nagħrfu kif nistgħu negħlbu l-biża’, li f’ħajjitna hu naturali, u nagħżlu dak li hu sewwa.

Għalhekk Ġesù jgħid “is-sliem għalikom”, u jġib tassew f’qalbna l-paċi u l-ferħ tiegħu. Il-Papa Franġisku għandu mod sabiħ ħafna kif jispjega l-ferħ f’qalbna. Hu jgħid: il-ferħ li jġib Ġesù f’qalbna ma jfissirx – kelma li juża hu – “allegrija” jew briju. Ikun hemm mumenti meta tieħu gost, imma mhux dejjem. Il-ferħ li jġib Ġesù hu l-ferħ f’qalbna li ma jiddependix mill-oħrajn ta’ madwarna, minn dak li qed jagħmel ħaddieħor. Il-ferħ ikun f’qalbna għax ikollna l-preżenza ta’ Ġesu magħna, li hu ħaj. Hi preżenza li tfisser li l-imħabba tirbaħ fuq il-mibegħda, il-maħfra fuq il-vendikazzjoni, u l-ħajja tegħleb il-mewt. Dan hu l-ferħ li jġib Ġesù fina. Ma jfissirx li d-dixxipli, meta bdew ixandru lil Ġesù, m’għaddewx minn esperjenza diffiċli u ta’ biża’. Ma jfissirx hekk. Imma jfisser li Ġesù jagħtina l-qawwa biex il-biża’ ma jipparalizzax lil ħajjitna, imma nimxu ’l quddiem bil-kuraġġ li jagħtina hu.

Għalhekk lid-dixxipli jgħidilhom biex huma jkunu xhieda ta’ dan. Lilna wkoll jgħinna biex aħna nkunu xhieda tal-paċi u l-ferħ li jġib f’qalbna hu, xhieda tiegħu mal-oħrajn.

Nitolbu lill-Mulej biex nagħrfu l-bidla li ġġib fina l-preżenza tiegħu ħaj, u nitolbuh biex inissel tassew f’qalbna l-paċi u l-ferħ tiegħu, biex jgħinna negħlbu l-esperjenzi ta’ biża’ f’ħajjitna.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju

Leave a Reply