Lezzjoni II: San Girgor VII

Print Friendly, PDF & Email

Fl-istess jum 25 ta’ Mejju: SAN GIRGOR VII, PAPA

TIFKIRA

Ildebrandu twieled fit-Toscana għall-ħabta tal-1028; studja f’Ruma, u għadda għall-ħajja monastika; ħafna drabi l-Papiet ħatruh legat tagħhom biex jgħinhom fit-tiġdid tal-Knisja, li għaliha ħadem u ħabrek kemm felaħ. Fl-1073 intgħażel Papa u ħa l-isem ta’ Girgor VII. Bil-kuraġġ kollu ħadha kontra s-simonija, l-immoralità tal-kleru u l-indħil tas-slaten fil-ħatriet ekkleżjastiċi. Ra bosta taħbit, l-aktar mis-sultan Neriku IV. Dan il-qaddis sofra ħafna bħala Papa u deher imut tellief, iżda l-frott tal-ħidma fejjieda tiegħu nħasad wara mewtu. Il-ħeġġa tiegħu għar-riforma wasslet biex jispiċċa fl-eżilju f’Salerno fejn miet fl-1085. Il-Papa Benedittu XIII ikkanonizzah fis-sena 1728.

LEZZJONI II

Qari mill-ittri tal-Papa San Girgor Sebgħa

(Epist. 64 extra Registrum)

ll-Knisja ħielsa, safja, kattolika

Nitolbukom ħafna fil-Mulej Ġesu, li fdiena b’mewtu biex tfittxu u tifhmu sewwa r-raġuni u l-mod ta’ dan it-taħbit u d-dwejjaq kollha li l-għedewwa tar-reliġjon nisranija ġiebu fuqna.

Sa minn meta, skond il-pjan ta’ Alla, ommna l-Knisja qegħditni fuq is-Sedja Appostolika, għalkemm xejn ma jistħoqqli, u, kif jixhidli Alla, bla ma fittixt jien, dejjem ħabrikt ħafna biex il-Knisja mqaddsa, għarusa ta’ Alla, sidt u omm tagħna, terġa tikseb il-ġieħ li kellha, u tibqa’ ħielsa, safja u kattolika. Iżda dan xejn ma jogħġob lill-għadu antik tagħna, u għalhekk ħejja l-membri tiegħu kontra tagħna biex iqallbulna kollox.

Għalhekk huwa ħadha magħna, anzi mas-Sedja Appostolika, u għamel kontra tagħna dak kollu li ma seħħlux jagħmel minn żmien l-imperatur Kostantinu l-Kbir ’il hawn. U mhix ħaġa tal-għaġeb, għax aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jitħabat biex jeqred ir-reliġjon nisranija.

Għalhekk issa, ħuti għeżież, isimgħu sewwa dan li sejjer ngħidilkom. Dawk kollha fid-dinja li jissejħu nsara u jagħrfu tajjeb il-fidi nisranija, jafu u jemmnu li San Pietru, il-prinċep tal-Appostli, huwa missier l-insara kollha u r-ragħaj il-kbir wara Kristu, u jafu wkoll li l-Knisja Mqaddsa Rumana hija l-omm u l-imgħallma tal-Knejjes kollha.

Jekk meta temmnu dan u żżommuh bla ma tiddubitaw, nitlobkom u nordnalkom, jien, li m’iniex ħlief ħukom u mgħallem tagħkom bla ma jistħoqqli, għall-imħabba ta’ Alla li jista’ kollox, nitlobkom biex tħabirku u tgħinu lil Pietru missierkom u lill-Knisja ommkom, jekk tixtiequ li permezz tagħhom taqilgħu l-maħfra ta’ dnubietkom kollha u l-barka u l-grazzja f’din id-dinja u fl-oħra.

Alla li jista’ kollox, li minnu ġej kull ġid, ixerred dejjem id-dawl tiegħu fuqkom u jimliekom bl-imħabba tiegħu u tal-proxxmu, ħalli jkun jistħoqqilkom li dak il-missier u l-omm qaddisa jintrabtu tassew b’dejn magħkom, u taslu fix-xirka tagħhom bla ma jkollkom għax tistħu.

RESPONSORJU                                Sir 45:3; Salm 77(78):70a. 71bċ

1. Il-Mulej sebbħu quddiem is-slaten, u tah kmandamenti għall-poplu tiegħu. * U wrieh il-glorja tiegħu, hallelujah.

2. Il-Mulej għażel il-qaddej tiegħu biex jirgħa lil Iżrael il-wirt tiegħu * U wrieh il-glorja tiegħu, hallelujah.

Talba

Agħti, Mulej, lill-Knisja tiegħek l-ispirtu tal-qawwa u l-ħeġġa għall-ġustizzja li bihom żejjint lill-Papa San Girgor Sebgħa, biex hija twarrab il-ħażen u kull xkiel u

tħabrek bl-imħabba għal kull ma hu sewwa. B’Ibnek.

%d bloggers like this: