Lezzjoni II:San Beda l-Venerabbli

Print Friendly, PDF & Email

25 ta’ Mejju: SAN BEDA L-VENERABBLI,

SAĊERDOT U DUTTUR TAL-KNISJA

TIFKIRA

San Beda twieled qrib il-monasteru ta’ Wearmouth, l-Ingilterra, fis-sena 673, u tħarreġ fl-iskola taħt San Benedittu Biscop; sar reliġjuż fl-istess monasteru, ġie ordnat saċerdot ta’ 30 sena u qeda l-ministeru tiegħu bit-tagħlim u l-kitba. Il-kotba tiegħu, teoloġiċi u storiċi, huma msejsa fuq it-tradizzjoni patristika u t-tifsir tal-Iskrittura mqaddsa. Miet fis-sena 735. Kien ikkanoniżżat fl-1899.

LEZZJONI II

Qari mill-Ittra ta’ Kutbertu fuq il-mewt ta’ San Beda 1-Venerabbli

(Nn 4–6)

Nixtieq nara lil Kristu .

It-Tlieta ta’ wara Lapsi, Beda kien qiegħed ibati ħafna biex jieħu n-nifs, u riġlejh intefħulu xi ftit. B’danakollu dakinhar baqa’ jgħallem u jiddetta, kollu ferħan. Kultant kien jieqaf u jgħid: “Isaw, ħaffu u tgħallmu, għax ma nafx kemm se ndum magħkom, u għandu mnejn Alla ma jdumx ma jsejjaħli.” Aħna ħsibnieh li kien jaf sewwa meta se jmut. Dak il-lejl għaddieh f’sahra ta’ radd il-ħajr.

Mas-sbiħ tal-għada jiġifieri l-Erbgħa, riedna nkomplu niktbu bir-reqqa dak li konna bdejna; hekk għamilna, u domna sad-disgħa ta’ filgħodu. Mbagħad, kif soltu jsir dakinhar, ħriġna purċissjoni bir-relikwiji tal-qaddisin. Iżda wieħed minna baqa’ miegħu; u qallu: “Mgħallem għażiż, għad baqagħlek kapitlu wieħed mill-ktieb li qiegħed tiddettalna. Tkun ħaġa tqila għalik jekk nistaqsik xi ħaġa?” “Anqas xejn,” wieġbu; “aqbad il-pinna u l-klamar, u fittex ikteb”. U dak hekk għamel.

Fit-tlieta ta’ wara nofsinhar qalli: “Fil-kaxxa ż-żgħira tiegħi għandi ftit ħwejjeġ għeżież. Mur u ġibhomli malajr u sejjaħ maġenbi lill-presbiteri tal-monasteru tagħna, biex inqassmilhom dawn ir-rigali ċkejkna li tani Alla”. Wara li daħlu ħdejh, kellimhom, u wieħed wieħed wissiehom u  talabhom biex iqaddsu u jitolbu sewwa għalih; u huma bil-qalb kollha wegħduh li jagħmlu hekk.

Kulħadd beda jibki u jolfoq, l-iżjed għax qalilhom li, kif jaħseb hu, ma kinux se jaraw wiċċu aktar f’din id-dinja. Iżda mbagħad ferħu x’ħin qalilhom: “Wasal iż-żmien, jekk Alla jogħġbu, li nerġa’ mmur għand min għamilni u ħalaqni, għand dak li sawwarni mix-xejn meta ma kontx neżisti. Għext ħafna; l-imħallef ħanin ra tajjeb ħajti minn qabel. Issa żmien it-tluq tiegħi wasal, nixtieq nintemm u nkun ma Kristu. L-ispirtu tiegħi jixtieq jara lis-sultan tiegħi Kristu fi ġmielu”.

Qalilna ħafna ħwejjeġ oħra għall-edifikazzjoni tagħna, u hekk baqa’ ferħan sa filgħaxija.

Vibertu, dak li semmejna, reġa’ qallu: “Mgħallem għażiż, sentenza waħda baqa’ li għadni ma ktibtx’’. U hu wieġbu: “Ikteb, ħaffef’. Wara ftit, dak qallu: Issa s-sentenza lesta”. Beda wieġbu:’“Tajjeb, sewwa għedt: kollox hu mitmum. Żommli rasi f’idejk, għax jogħġobni ħafna noqgħod bilqiegħda, b’wiċċi lejn in-naħa tal-post imqaddes fejn soltu kont nitlob, biex nista’ noqgħod bilqiegħda u nsejjaħ lill-Missier tiegħi”.

Niżel fuq il-qiegħa ta’ ċelltu, u qal: “Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu”. Wara li semma L-Ispirtu s-Santu, minnufih ruħu ħarġet minn ġismu. Ta’ min jemmen, bla biża’ ta’ xejn, li mar jithenna bil-ġid mixtieq tas-sema, għax hawnhekk kien dejjem marbut ħafna ma’ Alla u tħabat għat-tifħir tiegħu.

RESPONSORJU

1. Għaddejt ħajti kollha fil-monasteru, ħabrikt u ħsibt fuq l-Iskrittura, ħarist ir-regola, u kuljum kantajt it-tifħir ’l Alla fil-knisja; * Dejjem għoġobni nitgħallem

jew ngħallem jew nikteb, hallelujah.

2. Min iħares il-kmandamenti u jgħallimhom, dan kbir jissejjaħ fis-saltna tas-smewwiet. * Dejjem għoġobni nitgħallem jew ngħallem jew nikteb, hallelujah.

Talba

O Alla, int dawwalt il-Knisja tiegħek bl-għerf tas-saċerdot San Beda: fit-tjieba tiegħek, agħtina li aħna, qaddejja tiegħek, dejjem indawwlu moħħna bl-għerf tiegħu u naqilgħu l-għajnuna bil-merti li kiseb quddiemek. B’Ibnek.

%d bloggers like this: