Taqtax qalbek! Tgħallem afda fil-ħniena tal-Mulej!

Il-Ħadd, 25 ta’ April 2021: Omelija tar-Raba’ Ħadd tal-Għid u Jum il-Vokazzjonijiet mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Kappella taċ-Ċentru tal-Vokazzjonijiet fis-Seminarju tal-Arċisqof, tal-Virtù, Rabat.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Nixtieq nibda billi nfakkarkom fir-rakkont tal-lejl tal-Milied. L-anġlu jidher lir-ragħajja u jgħidilhom: “Qed inħabbrilkom ferħ kbir […]. Illum, fil-belt ta’ Ġuda, tweldilkom salvatur” (Lq 2:10-11).

Ir-ragħajja li kienet kategorija pjuttost emarġinata, isiru l-ewwel nies li jisimgħu bit-twelid ta’ din it-tarbija li ta’ tmint ijiem semmewha Ġesù, u meta kiber, bħalma smajna fl-Evanġelju li għadna kemm qrajna mill-kapitlu 10 tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù jassoċja ruħu ma’ din il-kategorija. Jiena ragħaj, “Jiena r-ragħaj it-tajjeb” (Ġw 10:11).

Ir-ragħaj it-tajjeb ifisser mhux biss tjubija ta’ bniedem li għandu qalbu tajba, kif ngħidu aħna l-Maltin, imma wkoll li għandu tjubija li tattirak. Huwa ragħaj li jiġbdek lejh mhux jiġbdek ’il bogħod minnu, imma jiġbdek lejh bit-tjubija u bl-imħabba tiegħu. Ġesù jagħtina kejl tal-imħabba vera u għalhekk ifisser hu stess xi tfisser it-tjubija tiegħu meta jgħid li hu mhuwiex biss ir-ragħaj, iżda,  “Jiena-r-ragħaj it-tajjeb”. Ir-ragħaj it-tajjeb għaliex jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu.

Jagħmel differenza bejn ir-ragħaj it-tajjeb li jagħti ħajtu u r-ragħaj il-mikri: “Mhuwiex ir-ragħaj, in-nagħaġ mhumiex tiegħu, jara l-lupu ġej u jħalli n-nagħaġ, jaħrab (Ġw 10:12). Ma jħabbilx rasu min-nagħaġ għax il-mikri l-interessi tiegħu huwa li jaqla’ l-paga u jmur d-dar.

Ġesù jinsisti fuq din id-differenza biex jgħallimna li min irid ikun ragħaj fuq ix-xbieha tiegħu, ma jistax jaħdem għall-interessi personali tiegħu. Ħafna drabi din it-traġedja tiġri fuq kull livell tas-soċjetà, anke fostna l-isqfijiet u l-qassisin u l-patrijiet u s-sorijiet reliġjużi. Illum irridu nħarsu lejn Ġesù u nisimgħuh mhux biss ikellimna b’fommu imma jkellimna wkoll bil-ħarsa tiegħu. Inti lest tagħti ħajtek?

Hu jitkellem ukoll dwarna għax aħna parti mill-merħla. Hu r-ragħaj. Infatti jinsisti li jkun hemm “merħla waħda, ragħaj wieħed” (Ġw 10:16). Anke dawk li fil-Knisja nsejħulhom ragħajja, aħna l-isqfijiet, is-saċerdoti, is-superjuri reliġjużi, ir-reliġjużi stess għax kulħadd huwa afdat li jagħti ħajtu għall-komunità. Nistgħu ngħidu wkoll anke l-ġenituri fil-familja għandhom sehem minn din is-sejħa li jkunu ragħajja ta’ wliedhom. Imma hu jinsisti li hemm ragħaj wieħed. Kulma nagħmlu f’ismu jrid iħares lejh u jwassal għandu.

Min iħossu mfixkel minħabba d-dnubiet jew d-dgħufijiet tiegħu, jiena nagħtih kelma ta’ kuraġġ.

Min qed jismagħni u forsi qed jisma’ wkoll fil-qalb tiegħu l-kelma u l-istedina ta’ Ġesù biex jagħti ħajtu fis-saċerdożju, bħala missjunarju, jew bħala reliġjuż jew reliġjuża, jiena nħajru jidħol fi ħbiberija speċjali u intima ma’ Ġesù. “Jiena r-ragħaj it-tajjeb. Jiena nagħraf in-nagħaġ tiegħi u n-nagħaġ tiegħi jagħrfu lili” (Ġw 10:14). Dan l-għarfien, fil-kelma tal-Bibbja, huwa kelma għall-intimità mhux biss fiżika imma iżjed u iżjed spiritwali. Li tħalli lil Ġesù jagħrfek ifisser li tħalli lil Ġesù jħobbok. Aħna nafu li aħna dgħajfin u nifmhu li l-Mulej jagħrafna bil-ħniena tiegħu, il-ħarsa tiegħu fuqna hija ħarsa ta’ ħniena. Min iħossu mfixkel minħabba d-dnubiet jew d-dgħufijiet tiegħu, jiena nagħtih kelma ta’ kuraġġ. Taqtax qalbek imma tgħallem afda fil-ħniena tal-Mulej li qiegħed isejjaħlek.

Il-Mulej jinsisti wkoll li l-ħidma tiegħu trid iġġib l-għaqda. “Għandi wkoll nagħaġ oħra li mhumiex minn dan il-maqjel. Lilhom ukoll jeħtieġ li niġbor u huma jisimgħu leħni u jkun hemm merħla waħda, ragħaj wieħed” (Ġw 10:16). Meta Ġesù qal dan il-kliem, aħna konna f’din il-kategorija. Aħna l-Maltin u l-Għawdxin ma konniex parti mill-poplu Lhudi, il-poplu msejjaħ ,imma konna diġà fil-qalb ta’ Ġesù: “Għandi wkoll nagħaġ oħra”.

Kemm hi ħaġa sabiħa li nirrealizzaw li meta Ġesù tkellem fuq il-merħla, kien qed jaħseb ukoll fina, f’tant popolazzjonijiet li ma kinux mill-poplu Lhudi imma kien qed isejjħilhom biex ikunu parti mill-merħla tiegħu biex ikun hu r-ragħaj tagħhom, ikun ir-ragħaj tagħna. Allura, f’dan il-Ħadd tar-Ragħaj it-Tajjeb, il-mistoqsija personali u kollettiva tagħna bħala soċjetà, bħala pajjiż, hi: irridu li l-Mulej ikun ir-ragħaj tagħna? Kull min għandu l-awtorità, mill-kbir saż-żgħir, anke fil-familja, qegħdin inħaddmuha bl-imħabba u bil-ħarsa kollha ħniena ta’ Ġesù?

Ġesù jinsisti li jagħti ħajtu bil-libertà mhux bilfors imma l-liberta tiegħu hija li jobdi lill-Missier. “Għandi s-setgħa li nagħtiha ħajti, għandi s-setgħa li nerġa’ neħodha,” u hekk għamel. Fil-Ġimgħa l-Kbira ta ħajtu, f’Ħadd il-Għid reġa’ ħa ħajtu, imma din “kienet l-ordni li ħadt mingħand Missieri” (Ġw 10:18).

Mela l-imħabba ta’ Ġesù, l-għarfien tiegħu, ifisser ukoll ubbidjenza lejn Alla. Il-kelma ‘ubbidjenza’ m’għandhiex tfixkilna għax hija t-triq tal-veru ħelsien. Min qed jgħidlek x’għandek tagħmel, min qed ikellmek biex tibdel ħajtek, qed jagħmel hekk għax iħobbok. Kif tista’ ma tafdax lir-Ragħaj it-Tajjeb?

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 4:8-12
Salm: 117(118):1,8-9,21-23,26,28ċd,29
Qari II: 1 Ġw 3:1-2
Evanġelju: Ġw 10:11-18

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply