Omelija tal-Isqof Anton Teuma fl-Ordinazzjoni Presbiterali

Il-Ġimgħa, 30 ta’ April 2021: Omelija tal-Isqof Anton Teuma fil-Quddiesa tal-Ordinazzjoni Presbiterali ta’ Patri Etienne Gilson OFM Cov u Rev. Andrew Grima. Rotunda Arċipretali ta’ San Ġwann il-Battista, Xewkija.

Lid-dinja noffrulha ’l Ġesù t-Triq u l-Verità

Aħna nafu li fil-ħajja, il-fiduċja u t-taħwid fil-qalb, il-qtigħ il-qalb jimxu kontra xulxin. Jekk int qalbek maqtugħa, għax m’għandekx fiduċja. Jekk għandek il-fiduċja, m’intix qalbek maqtugħa.

Ġesù jkellimna proprju fuq dawn iż-żewġ emozzjonijiet tant preżenti fl-esperjenza tal-ħajja tagħna ta’ kuljum. “Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla u emmnu fija wkoll” (Ġw 14:1). Il-fiduċja li tirbaħ u tegħleb il-qtugħ ta’ qalb. Din Ġesù ma jgħidhiex biss lilna biex jgħallimna, imma jgħidhielna frott l-esperjenza tiegħu stess, Alla magħmul bniedem. Il-Vanġelu ta’ San Ġwann innifsu jgħidilna li quddiem ix-xena ta’ ħabibu Lazzru midfun wara blata fil-qabar, wara erbat ijiem, “ħass ruħu mqanqal u tħawwad ħafna” (Ġw 11:33). Dritt wara Ġesù jirreaġixxi billi jħares lejn is-sema u lill-Missier jgħidlu: “Kont naf li inti dejjem tismagħni” (v. 42). It-taħwid tal-qalb u l-fiduċja. Hekk ukoll fil-Ġnien taż-Żebbuġ, u fl-istess ikla li għamel mad-dixxipli tiegħu, dejjem f’San Ġwann, “ħass ruħu titħawwad” (13:21). Idur fuq id-dixxipli tiegħu u jgħidilhom: “Tassew, tassew ngħidilkom li wieħed minnkom se jittradini!” (v. 21), wieħed minnkom ser ibigħni. Imma dritt wara lill-istess Ġuda, Ġesù jgħidlu: “Mur, dak li se tagħmel, agħmlu u ddumx” (v. 27). Dritt wara Ġesù jdur fuq il-Missier u jgħidlu: din hi s-Siegħa, dan hu l-mument tal-glorifikazzjoni – “Bin il-bniedm huwa gglorifikat issa, u permezz tiegħu huwa gglorifikat Alla” (v. 31), u li fih jien ukoll ser inkun igglorifikat. Allura għandna dawn iż-żewġ movimenti tant importanti fl-esperjenza tal-ħajja tagħna umana, li ngħixuhom kuljum iktar minn darba: it-taħwid tal-qalb, il-qtugħ tal-qalb, l-inċertezzi; u n-naħa l-oħra: il-fiduċja, it-tama Nisranija.

Dak li jgħid Ġesù fil-Vanġelu tal-lum (Ġw 14:1-6) huwa t-testment tiegħu. Ninsabu fl-Aħħar Ikla, wara li Ġesù ħasel saqajn id-dixxipli. Dak li Ġesù qal lid-dixxipli, qed jgħidu lilna wkoll illejla. Fuq xiex se nibbażawha l-fiduċja? Fuqiex talab lid-dixxipli jibbażaw il-fiduċja tagħhom? Għax mhix fiduċja għamja. Jgħidilhom: “Fid-dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet… sejjer inħejjilkom fejn toqgħodu… sejjer inħejjilkom post” (14:2-3). X’inhi din id-dar tal-Missier? Fil-Vanġelu ta’ San Ġwann din id-dar tal-Missier mhix għajr it-Tempju ta’ Ġerusalemm. F’kapitlu 2 insibu lil Ġesù jgħid: “Ħottu dan it-tempju, u fi tlitt ijiem nerġa’ ntellgħu” (v. 19).  Imma Ġwanni jgħidilna li “hu tkellem fuq it-tempju tal-ġisem tiegħu” (v. 21). It-tempju tal-ġebel, id-dar tal-Missier, ġie sostitwit, ġie mibdul fl-istess persuna ta’ Ġesù. Mela fi kliem ieħor Ġesù qiegħed jgħidilna li fil-persuna tiegħu hemm post imħejji għal kull wieħed u waħda minna. Fil-qalb mimlija mħabba ta’ Ġesù hemm post għalik, hemm il-post tiegħek. Tħallix qalbek titħawwad!

U allura jagħmel sens li Ġesù preżenti llum fil-ministru ordnat, fis-saċerdot, ikompli jwassal din l-Aħbar it-Tajba, ikompli jgħaddi din is-sensazzjoni pożittiva, din l-esperjenza ta’ ottimiżmu lill-bniedem tal-lum, b’mod speċjali fid-dinja li qed ngħixu fiha; fejn it-taħwid tal-qalb mhux xi ħaġa rari, anzi bil-maqlub. Għalhekk il-preżenza llum tagħna s-saċerdoti, u l-preżenza llum iktar u iktar ta’ dawn iż-żewġ żgħażagħ li qegħdin joffru lilhom infushom, il-persuna tagħhom, mhux minn jeddhom, imma bħala risposta għas-sejħa ta’ Ġesù, bħala risposta għall-vokazzjoni, biex juru lil kull bniedem li jiltaqgħu miegħu fil-ħajja li għandu postu fid-dar tal-Missier, li għandu postu fil-qalb ta’ Ġesù.

Allura hemm bżonnu s-saċerdot f’dinja mimlija b’elf tip u elf mod ta’ kif tkun professjonista; f’dinja fejn dak li hu spiritwali u ta’ Alla hu mħolli mhux fit-tieni u fit-tielet, imma lura iktar fil-postijiet. Iktar minn qabel fid-dlam li ngħixu fih, inħossu l-bżonn ta’ persuni li jagħtu t-tama, li jagħtu d-dawl lill-bniedem tal-lum, maħkum mill-kompetizzjoni, mill-inċertezza jekk jasalx jew le, mill-biża’ tal-futur. Biżżejjed insemmu ftit eżempji prattiċi: il-biża’ tat-tfal huma u ġejjin l-eżamijiet, jidħlux l-università jew le, b’mod speċjali din is-sena, hekk ikkumplikata; il-biża’ tal-għarajjes jekk jibqgħux fidili tassew lejn xulxin; il-biża’ tal-ġenituri dwar x’ser jiġri minn uliedhom; il-biża’ tal-anzjani li jistgħu jiġu rrifjutati u mwarrba fil-ġenb. Qed ngħixu f’dinja ta’ inċertezza.

Imma f’dan id-dlam jinħass iktar il-bżonn ta’ persuni li f’isem Ġesù, fil-persuna ta’ Ġesù r-Ras, wiċċhom ’il quddiem – mhux f’isimhom imma f’isem Ġesù – jagħtu tama, jagħtu xaqq ta’ dawl kif wieħed jista’ jagħmel pass iktar ’il quddiem fil-ħajja. Bir-raġun Ġesù jgħid: “Jien hu t-Triq, il-Verità, u l-Ħajja” (Ġw 14:6). Kieku jkollna nieqfu nirriflettu ftit, ma ndumux ma nindunaw li t-triq isservi, iva, biex tasal xi mkien, imma fl-aħħar mill-aħħar it-triq isservi l-aktar biex tasal lura d-dar. Fejn hi d-dar tiegħek? Fejn tħossok żgur? Fejn tħossok imgeżwer mill-protezzjoni tal-affettività u tas-sħana ta’ dawk ta’ madwarek? Fejn tħossok fis-sigurezza, li m’intix fil-periklu, jekk mhux fil-qalb ta’ Ġesù? Ġesù nnifsu li huwa d-dar tal-Missier, huwa l-istess triq li twassal għandu. Il-Kelma tiegħu, jekk nimxu fuqha, hija dawl għall-passi li aħna nagħmlu kuljum, kull mument fil-ħajja. Niġu affaċċjati kontinwament b’għażliet u b’deċiżjonijiet li rridu nagħmlu, ħafna drabi ta’ malajr. Fuq liema kriterji nimxu? X’jimmotivana biex nimxu? Jekk Ġesù jkun it-triq, iva, dik l-għażla twassalna għad-dar. Għax Ġesù hu t-triq li twassal għall-verità.

X’inhi l-verità? Li aħna qegħdin ngħixu? Li aħna ser nibqgħu hawn fid-dinja? Li għandna naħdmu u nistinkaw, u dak li qed naħdmu għalih ser nibqgħu ngawduh għal dejjem f’din id-dinja? Dik hi l-verità? Li iktar ma jkollok tkun importanti? Li iktar ma tikber u tikkontrolla u tkun prepotenti, iktar ikollok valur fil-ħajja? Jew il-verità hi ta’ Ġesù? Jew il-verità tal-imħabba, tal-ħniena, tal-mogħdrija, tal-maħfra, tal-umiltà, hi l-verità li tagħtina l-ħajja tassew? X’inhi l-verità li ġie jwasslilna Ġesù? Fi ftit kliem: li int u jien, li aħna wkoll nagħrfu li aħna wlied, u li Alla tagħna hu Missier. Allura la aħna wlied, għandna post fid-dar tal-Missier, għandna post fil-qalb tal-Missier. Tkun ġrat xi ħaġa kbira, xi ħaġa straordinarja, xi ħaġa tal-biża’, jekk int, missier, twarrab minn qalbek wieħed jew waħda minn uliedek. Tkun ġrat xi ħaġa li m’għandhiex tiġri. Għax aħna magħmulin fuq ix-xbieha tal-Missier. U l-Missier ma jwarrab u jbarri lil ħadd mill-qalb tiegħu.

Biex nagħmlu dan, għeżież Andrew u Etienne, ejjew nieħdu s-suġġeriment li għamlilna San Pietru fit-Tieni Qari li smajna: “Irgħu l-merħla ta’ Alla fdata f’idejkom” (1 Piet 5:2). Hekk irridu nagħtuha t-tama l-merħla ta’ Alla. “Ħudu ħsiebha, mhux bilfors” (5:2), mhux to the rule, mhux skont il-job description li għandek bħala qassis fejn qiegħed jew fejn ser tmur, mhux bħala dmir, imma bil-qalb. Għaliex? Għax din hi l-Verità, din hi t-Triq, din hi l-Ħajja; mhux tagħna biss, imma ta’ kulħadd. Bil-verità, bil-qalb. “Mhux għall-qligħ baxx”, jgħidilna San Pietru. Il-problemi dejjem kienu l-istess. Il-flus, il-motivazzjoni ta’ ħafna mill-affarijiet li nagħmlu fil-ħajja, u jistgħu b’xorti ħażina jsiru wkoll il-motivazzjoni tagħna, aħna li msejħin biex nagħtu ħajjitna “mhux għall-qligħ baxx”, jgħidilna San Pietru, imma b’ġenerożità kbira. Għax waqt li inti tkun qiegħed tagħti lilek innifsek, int tkun qed tgħix il-ħajja fil-milja tagħha. M’hemmx mod aħjar, isbaħ, aqwa kif tonfoq, kif tinvesti l-ħajja, milli tagħtiha. Dan jurihulna l-mument tal-mewt. Jekk jien investejt ħajti, tajt, għamilt li stajt, biex naqdi, biex nagħti lil ħaddieħor, il-mument tal-mewt, illi hu għotja – terħi lilek nnifsek fil-mument tal-mewt, titlaq lilek innifsek, ma tistax iżżomm iktar lilek innifsek – isir kontinwazzjoni proprju ta’ din is-sejħa vera, reali. Għalhekk Ġesù jgħallimna: Agħti lilek nnifsek. Imma jekk jien nagħmel ħajti kollha niġbed, niġbor, naħseb għal rasi, il-mewt verament tiġi għalija bħal ħalliel, xi ħadd li jisraqni u ninduna li ħlejt ħajti. Għax fl-aħħar ħajti rrid nagħtiha, mhix tiegħi.

Ikompli San Pietru: “Irgħu l-merħla ta’ Alla mhux billi tikkmandawha” (5:3). Għandu vers tassew sabiħ, pedagoġija sħiħa ta’ kif wieħed jgħix is-saċerdozju, imma mhux biss: ta’ kif wieħed ikun missier ta’ familja, ta’ kif tkun omm ta’ familja, mhux billi tikkmanda, imma billi tanimaha. Huwa mudell għalina s-saċerdoti li nanimaw minn ġewwa, mhux nikkmandaw minn fuq, minn barra; imma l-mudell tal-qaddej. Inkun l-ewwel wieħed jien li ngħin. Ejjew naħdmu, u nkun l-ewwel wieħed jien li nagħti sehmi. Dan hu l-mod u l-istil li jitlob minna Ġesù. Dan hu li jimliena bil-ħajja. Dan hu li jagħtina l-ferħ ta’ veru, il-paċi ta’ veru.

Dan hu li nixtieq nawgura lilkom, u lilna lkoll, illejla, aħna li qegħdin hawn miġbura għad-dell ta’ dan il-qaddis kbir, San Ġwann il-Battista, u fis-Sena ta’ San Ġużepp, li dan kollu għexu, nistgħu naqrawh, nistgħu narawh f’kull episodju, f’kull ġrajja tal-ħajja tiegħu, fir-relazzjoni ma’ Ġesù u ma’ Marija. Hu li ħa ħsieb, hu li fl-umiltà u fis-skiet tiegħu lill-Missier qallu: “Hawn jien, Mulej, ġej nagħmel ir-rieda tiegħek” (Salm 40:8).

Leave a Reply