L-imwiet tal-immigranti

Il-Caritas twaħħal fin-nuqqas ta’ rieda politika u indifferenza għall-imwiet tal-immigranti.

Waqt li għolliet leħinha biex tikkundana l-indifferenza u n-nuqqas ta’ rieda politika li waslet għall-imwiet ta’ iktar minn 130 immigrant barra l-kosta Libjana, fil-ġranet li għaddew, Caritas Internationalis tgħid eżatt kif iddeskrivih il-Papa Franġisku: “li dan hu mument tal-mistħija”, u hemm bżonn li tittieħed azzjoni konkreta.

Il-konferenza tal-Knisja Kattolika, tal-aġenziji umanitarji tappella “biex jiġu stabbiliti makkaniżmi biex jipproteġu d-drittijiet u d-dinjità tal-immigranti matul il-vjaġġ tagħhom; biex tiżgura rotot ta’ migrazzjoni sigura u legali, u biex tintensifika l-appoġġ lill-komunitajiet lokali fil-pajjiżi tal-oriġini, sabiex in-nies ma jiġux imġiegħla jemigraw”.

Aloysius John, is-Segretarju Ġenerali tal-Caritas Internationalis, qal: “Ma nistgħux nibqgħu nħarsu lejn in-naħa l-oħra jew nassistu għax-xenarju ta’ diqa u diżonorabbli tal-gvernijiet li jgħaddu r-responabbiltà fuq xulxin għad-detriment tal-ħajja tal-bniedem, li l-valur tiegħu jidher li mhux eżistenti llum.” Hekk kif l-attenzjoni tal-midja għat-traġedja diġa’ bdiet tonqos, kif dejjem tagħmel; il-Caritas Internationalis qed tqajjem l-allarm bl-appell tagħha, biex iżżomm l-attenzjoni ffokata fuq id-drama tal-immigranti u biex tiżgura li dan ikun segwit minn azzjonijiet konkreti.

“Irridu lkoll inħossuna responsabbli u ma ninsewx li dawn l-immigranti telqu minn pajjiżhom, minħabba l-konsegwenzi tas-soċjetà moderna nġusta tagħna, li ma tħallihomx jgħixu f’dinjità f’art twelidhom,” kompa Aloysius John. Fl-istqarrija tagħha, Caritas Internationalis tenfasizza l-fatt li “l-Baħar Mediterran spiċċa ċimiterju għal eluf ta’ (…) immigranti u se jibqa’ jkun sakemm il-komunità internazzjonali ma tiddeċidiex li taġixxi.”

 Is-Segretarju tal-Caritas Internationalis jinnota li “l-għeluq tal-fruntieri huwa t’importanza kbira għall-ipokrezija, minħabba li l-kawża ewlenija tal-faqar fil-pajjiżi tal-oriġini tal-immigranti tinsab fl-għażliet politiċi, ekonomiċi u ġeostrateġiċi tal-pajjiżi sinjuri li jiffavorixxu l-isfruttament tar-riżorsi lokali, f’kompliċità ma’ korruzzjoni lokali. Mexxejja li jinżammu fil-poter waqt li qed jaħqru l-popolazzjoni tagħhom.”

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/church/news/2021-04/caritas-appeal-political-will-indiffirence-migrant-tragedy.html