Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa ta’ Sidtna de la Salette

VISTA PASTORALI lill-PARROĊĊA TA’ SIDTNA  DE LA SALETTE

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. IL-Ħadd, 7 ta’ Diċembru 1980

1. “Ħejju t-triq tal-Mulej, idrittaw il-mogħdijiet tiegħu…! Kull bniedem se jara s-salvazzjoni ta’ Alla” (Lq 3,4.6).

Meta nisimgħu dan il-kliem, li ftit ilu ġew imfakkra lilna flimkien mal-akklamazzjoni tal-“Alleluia”, nagħrfu li qegħdin ngħixu l-perijodu tal-Avvent. Nafu wkoll li,, hekk hu, jitkellem San Ġwann Battista, dak il-profeta li għadu tal-patt il-qadim, li lilu ngħata li jħejji b’mod dirett it-tħejjija tat-triq tal-Messja, u li jidħol, biex ngħidu hekk, bil-missjoni kollha tiegħu fl-isfera tal-Vanġelu. Huwa hu wieħed minn dawk il-persunaġġi li fil-liturġija tal-Avvent jidhru iktar spiss. Huwa jħejjina kull sena għall-miġja tal-Mulej.

Ikun madankollu diffiċli, illum – lejliet is-sollennità tal-Immakulata Konċezzjoni tal-Beata Verġni Marija – li ma nindirizzawx ħsiebna u qalbna lejha, li fiha twettaq l-Avvent tal-istennija tal-Messija – lejha, li lilha ngħata li tikkonċepih fil-ġuf verġinali u li ttih lid-dinja fil-lejl ta’ Betlem: lejn Marija! U dan b’mod speċjali minħabba l-fatt li l-parroċċa tagħkom tinsab taħt il-patroċinju mqaddes tagħha. Nixtieq mela bl-isem ta’ Marija, “Madonna ta’ La Salette”, lil din il-parroċċa li ngħatali li nżur propju f’dan il-jum. Biex niċċelebralkom il-liturġija tal-Avvent, u niltaqà mal-komunità kollha, kif ukoll mal-membri ndividwali tagħha.

2. It-tislima tiegħi tmur, qabel kollox, lis-sinjur Kardinal Vigarju u lill-Isqof awżiljarju, Monsinjur Remigio Ragonesi, li jwettqu bil-preżenza tagħhom il-ferħ ta’ din il-laqgħa.

Insellem imbagħad lilll-kappillan, Fr. Franco Zimbardi, u lis-saċerdoti kollaboraturi tiegħu, Fr, Luciano Iaconi (li nawguralu fejqan minnufih), Fr. Giancarlo Berzacola u Fr. Bruno Stefanelli, kif ukoll dawk is-saċerdoti tal-kurja ġeneralizja tal-missjunarji ta’ Sidtna ta’ La Salette, li jwettqu l-kontribut prezzjuż tagħhom fl-attivitajiet parrokkjali: nieħu pjaċir nesprimi lil kulħadd, f’din iċ-ċirkustranza, stima u apprezzament għax-xogħol pastorali mwettaq b’dedikazzjoni ġeneruża għas-servizz tal-fidili tal-kwartier popoluż.

Tislima partikolari tmur ukoll lir-reliġjużi nisa tad-diversi kongregazzjonijiet preżenti fil-parroċċa: l-impenn li huma jwettqu fl-offertà tal-opra tagħhom – u t-talb tagħhom, kif inhu l-każ speċjalment fil-monasteru tal-klarissi klawstrali – b’sosten tad-diversi inizjattivi parrokkjali, jixraqlu tifħir u nkuraġġiment.

 U kelma ta’ tifħir u ta’ stima nixtieq ukoll nindirizzaha lil-lajċi kollha li jafu joffru ħinhom, l-intelliġenza tagħhom, qalbhom għall-esiġenzi multipli ta’ pastorali moderna. Il-ħsieb tiegħi jmur għal dawk li huma mpenjati fid-diversi movimenti ekkleżjali, bħall-Azzjoni Kattolika, l-apstolat tat-talb, il-Legio Mariae, u wkoll għall-gruppi tal-iscouts u għal dak tal-voluntieri vinċenzjani, għall-assoċjazzjoni ġenituri tal-iskola Anna Micheli; linqas ma rrid ninsa l-inizjattivi bi sfond soċjali, bħaċ-ċentru sportive, ic-cirklu tal-boċċi, iċ-ċirklu kulturali.

Nixtieq fl-aħħarnett nirriserva kelma ta’ apprezzament partikolari kemm għal-lajċi li joffru l-kollaborazzjoni tagħhom fil-katekeżi pjenament ta’ inizjazzjoni, għal dan imħejjija minn kors bjennali li jiffuzjona fuq livell interparrokkjali, kemm għal dawk li jaħdmu fis-servizz promozzjoni tal-familja, billi jiżvolġu attività ta’ konsulenza u ta’ assistenza fil-konfront taż-żgħażagħ li se jiżżewġu u tal-koppji f’diffikultà.

Il-parroċċa, li din is-sena tiċċelebra l-għoxrin anniversarju mill-bidu uffiċċjali tal-attività pastorali. Għandha vitalità qawwija tagħha, li jogħġobni hawn ninnota u ninkuraġġixxi. Ħafna problemi ġew iffaċċjati fil-korsa ta’ dawn is-snin u bl-għajnuna tal-Verġni ta’ “La Salette”,  li l-Knisja hija msemmija għaliha, uħud minnhom  ukoll ġew solvuti b’mod feliċi. Oħrajn għadhom hemm, marbuta mal-ġrajjiet tal-familji spiss imħabbtin ma’ diffikultajiet interni u ambjentali; mas-sitwazzjoni taż-żgħażagħ, esposti għall-faxxinu  tad-droga u tal-permissiviżmu morali; mal-mentalità soċjali, ibbażata fuq mudelli ta’ ħsieb li ftit li xejn għandhom x’jaqsmu mal-Vanġelu. Irrid ngħid lil kulħadd: afdaw f’Marija “rikonċiljatriċi tal-midimbin”. Se tkun hi li tiksbilkom, bl-interċessjoni materna tagħha, litkunu tafu tassimilaw dejjem aħjar il-valuri tal-fidi, hekk li tkunu tistgħu timxu, sostnuti mit-tama, lejn bini ta’ komunità dejjem iktar b’mod profond ispirata mill-qawwa unifikanti tal-imħabba.

Dak li għidtilkom f’din it-tislima jkun xhieda, għeżież ħuti, tar-rabta li teżisti bejn il-parroċċa tagħkom u l-Isqof ta’ Ruma, li Kristu sejjaħ biex iwettaq il-ministeru tas-salvazzjoni f’nofskom. L-Immakulata Omm ta’ Kristu ta’ “La Salette” tbierek il-laqgħa tagħna.

3. Meta Ġwanni l-Battista, fl-inħawi tal-Ġordan, ħejja lis-semmiegħa tiegħu għall-miġja tal-Messija, billi amministralhom il-magħmudija tal-penitenza, kien jgħidilhom hekk: “Jiena mgħammidkom b’ilma għall-konverżjoni; imma dak li jiġi warajja huwa qawwi iktar minni u jien miniex dehen linqas li nnewwillu l-qorq: huwa jgħammidkom bl-Ispirtu Santu u bin nar…” (Mt 3,11).

B’dan il-mod, mela, il-missjoni ta’ Ġwanni, fl-inħawi tal-Ġordan, li tikkonsisti fil-predikazzjoni u fl-amministrazzjoni tal-magħmudija tal-konverżjoni, isservi bħala tħejjija għal Kristu, li se jgħammed fl-Ispirtu Santu.

Il-magħmudija ta’ Ġwanni m’għandhiex din il-qawwa. Din se tkun biss tal-magħmudija mwaqqfa minn Kristu, dik il-magħmudija bl-ilma u bl-Ispirtu Santu, li dwarha darba waħda il-Mulej Ġesù qal, waqt djalogu lejli, lil Nikodemu: “Jekk wieħed ma jitwelidx bl-ilma u bl-Ispirtu, ma jistax jidħol fis-saltna ta’ Alla” (Ġw 3,5). Dik il-magħmudija, billi hi sagrament, trid tittrażmetti lill-bnedmin il-frott kollu tar-redenzjoni mwettqa minn Kristu. Trid “tidfen” il-bniedem – bħal ma jesprimi San Pawl – fil-mewt tas-salib tiegħu, sabiex ikun jistà jerġà jqum minnha għall-ħajja l-ġdida: għal dik li Kristu jirrivela fil-qawmien mill-imwiet tiegħu (cf. Rm 6,3-11). Tali ħajja ġdida, divina u soprannaturali, hija fl-erwieħ umani d-don tal-Missier, li biha l-bnedmin isiru parteċipi fi Kristu bl-opra tal-Ispirtu Santu.

Għalhekk diġa Ġwanni l-Battista fl-inħawi tal-Ġordan, waqt li ħabbar il-miġja tal-Messija jgħid: “Huwa jgħammidkom fl-Ispirtu Santu u n-nar” (Mt 3,11). Dak in-“nar” irid jaħraq, jiblà l-ħażin tad-dnub – l-ewwel nett id-dnub tan-nisel – li jifred il-bniedem minn Alla u ma jħallihx jieħu sehem f’ħajtu: jiġifieri ma jħallix lill-bniedem jogħdos f’din il-ħajja, bħal ma f’ilma vivifikanti.

4. Dan il-Ħadd tal-Avvent ifakkar lill-koxjenza tagħna s-sinifikat messjaniku tal-magħmudija. Il-Messija li għandu jiġi huwa dak li se jgħammed fl-Ispirtu Santu u n-nar.

Hemm bżonn nagħmlu minn din it-tifkira t-tema ewlenija tal-laqgħa tagħna, tal-meditazzjoni komuni tagħna. Il-ħajja ta’ kull parroċċa, it-triq tal-parroċċa tagħkom, li ġġib isem il-Madonna ta’ “La Salette” hija mibnija fuq is-sies tal-magħmudija. Il-parroċċa hija dik il-komunità konkreta, il-komunità tal-Poplu ta’ Alla li fiha l-bnedmin il-ġodda, mwielda minn missirijiet u ommijiet terrestri, jitwieldu mill-ġdid minn ilma u minn Spirtu Santu (cf. Ġw 3,5), biex jirċievu l-ħajja ġdida li Kristu ġabilna u rregalalna bil-miġja tiegħu: il-ħajja mibdija bit-twelid fil-lejl ta’ Betlem u mwettqa bl-Għid ta’ mewt u qawmien mill-imwiet.

“Bis-sagrament tal-magħmudija – fakkar il-Konċilju Vatikan II – il-bniedem huwa tassew inkorporat fi Kristu msallab u gglorifikat u jiġi riġenerat biex jieħu sehem fil-ħajja divina, skont il-kliem tal-Appostlu: “Mdfunin flimkien miegħu fil-magħmudija, fil-magħmudija flimkien miegħu irxuxtajtu, permezz tal-fidi fil-qawwa ta’ Alla,, li reġà qajmu mill-mewt” (Col 2,12)” (Unitatis Redintegratio, 22).

Hekk mela l-ħajja reali tan-nisrani tibda permezz tal-magħmudija. U l-ħajja tal-parroċċa bħala komunità tal-Poplu ta’ Alla, tibda dejjem mill-ġdid permezz tal-magħmudija li, kull darba, tagħmel minn din il-komunità l-wirt messjaniku tal-Iben ta’ Alla. Kull wieħed u waħda minna ngibu fina l-filjolanza divina, mibdija fis-sagrament tal-magħmudija fil-fonti batteżimali tal-parroċċa, bħala don tal Missier, miksub grazzi għall-miġja tal-Iben ta’ Alla fil-ġisem uman. Dan iwettqu l-“kareattru”, biex inkunu preċiżi l-marka sagramentali tal-magħmudija.

5. Irridu mela, fil-ħajja ta’ kull parroċċa – u llum qiegħed naħseb fuq kollox dwar il-Parroċċa tagħkom ġo “Monteverde Nuovo” – inġeddu b’mod kostanti fina l-koxjenza tal-magħmudija.

B’liema mod?

L-ewwelnett billi nagħtu l-importanza xierqa lil kull magħmudija, li f’din il-parroċċa tiġi amministrata. Iċ-ċelebrazzjoni tagħha għandha tkun marbuta ma’ tħejjija xierqa. It-tħejjija, fil-każ tal-magħmudija tal-adulti, tirrigwarda qabel kollox lill-katekumenu nnifsu.

Iżda fil-każ tal-magħmudija tat-trabi – li hija l-ipotesi l-iktar frekwenti fl-ambjenti kattoliċi tagħna – it-tħejjija għandha tħaddan lill-ġenituri u lill-parrinijiet tal-katekumenu ċkejken, u wkoll – sa fejn hu possibbli – l-membri l-oħra tal-ambjent li fih hu għandu jitwieled għall-ħajja l-ġdida permezz tas-sagrament tal-magħmudija.

Dan is-sagrament ma jistax isir biss drawwa jew abitudni tradizzjonali. Nieqsa mis-sinifikat sħiħ li huwa essenzjali fil-ħajja tal-familja u tal-parroċċa.

Barra minn dan, is-sagrament tal-magħmudija, amministrat lil tarbija jew lil tifel li għad ma laħaqx l-età tar-raġuni, tinħtieġ l-obbligu tal-introdzzjoni, tal-inizjazzjoni tan-nisrani ċkejken, mill-waqt appuntu tal-ħajja koxjenti, għal dak li huwa sar parteċipi fil-magħmudija diġa riċevuta f’dak iż-żmien.

Dan l-obbligu imiss qabel kollox lill-ġenituri u lill-parrinijiet. Imiss ukoll lir-rgħajja tal-erwieħ.

Indirettament imiss lill-parroċċa kollha.

U jitwettaq permezz ta’ katekeżi sistematika marbuta mas-sehem fil-ħajja sagramentali, fiż-żminijiet u fil-metodi adegwati għall-età u għaċ-ċirkostanzi. Importanza enormi għal din il-katekeżi hija l-istess ħajja ta’ kuljum tal-familja u tal-ambjent kollu, li fih għandhom juru ruħhom kuljum il-veritajiet trażmessi.

6. Fit-tieni qari tallum, meħud mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, l-Appostlu jikteb fost ħwejjeġ oħra hekk: “Ilqgħu għalhekk lil xulxin bħal ma Kristu jilqà lilkom, għall-glorja ta’ Alla” (Rm 15,7). Din l-espressjoni u tali appell donnhom jesprimu b’mod perfett l-importanza tal-argument, li għalih iddedikajna l-meditazzjoni tagħna fl-okkażjoni taż-żjara tallum.

Difatti: Kristu jilqagħna, għall-glorja ta’ Alla – permezz tal-miġja tiegħu – u jilqagħna bla ma jaqtà għall-glorja ta’ Alla. U dan jidher għall-ewwel darba fis-sagrament tal-magħmudija. Nisrani huwa l-bniedem “milqugħ għall-glorja ta’ Alla” f’Ġesù Kristu. U b’tali sens huwa għandu jgħix biex jerħilha lejn l-għaqda ma’ Alla f’din il-glorja.

U meta l-Appostlu jikteb: sabiex (Kristu jilqà lilkom għall-glorja ta’ Alla), intom “Ilqgħu…lil xulxin”, jindika b’dan il-kliem l-interess li bih għandha tkun imdawra mill-komunità kollha l-opra tal-avvent divin u tal-Għid divin f’kull wieħed u waħda minna, billi nibdew mill-bidu tal-infanzja.

Il-parroċċia hija l-komunità tal-Poplu ta’ Alla, li għandha l-interess komuni li tagħmel iva li d-don messjaniku tal-magħmudija f’kull wieħed u waħda mill-membri ma jirrovinax ruħu, imma jġib il-frott dejjem iktar mimli tal-fidi, tat-tama u tal-karità, il-frott tal-ħajja “fi spirtu u verità” (Ġw 4,23).

Waqt din il-laqgħa tallum nawguralkom u nitlob li l-parroċċa tagħkom, iddedikata lil Omm Alla ta’ “La Salette”, tkun appuntu komunità tali u li tali ssir dejjem iktar pjenament.

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb