Omelija ta’ Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa ta’ San Leonardo

VISTA PASTORALI LILL-PARROĊĊA TA’ SAN LEONARDU DA PORTO MAURIZIO

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Il-Ħadd, 30 ta’ Novembru 1980

Għeżież ħuti u wliedi.

1. Meta nisimgħu l-kliem tal-Vanġelu tallum skont Mattew, quddiem għajnejna jiġu b’mod spomtanju f’moħħna l-ġrajjiet li matul il-ġimgħa li għaddiet regħdu l-Italja kollha: it-terremot kbir li laqgħat ir-reġġjuni tal-Kampanja u tal-Basilicata minn Potenza sa Avellino, sax-xatt, sal-ajruporti ta’ Napli u ta’ Salerno.

F’salt wieħed, fil-għaxija tal-Ħadd li għadda wasal l-ewwel skoss qawwi li qered id-djar tal-bnedmin u s-Santwarji tal-Mulej waqt li ħasad il-ħajja ta’ eluf ta’ abitanti, adulti u tfal. It-Tlieta li għadda jien żort xi wħud mil-lokalitajiet milquta mit-terremot. Mort fl-isptar maġemb is-sodod tal-feruti l-iktar gravi: irjus feruti, riglejn u idejn miksura, isdra mifqugħa. Barra minn dan il-klima ġenerali tal-biżà. L-abitanti, quddiem il-perikolu ta’ skossi ġodda li jistgħu jeħdulhom il-ħajja u s-saħħa, jabbandunaw djarhom u jikkampjaw fit-toroq u fl-għelieqi.

Waqt li aħna lkoll, bi spirtu ta’ solidarjetà umana, irridu niġu ngħinu lil dawn ħutna u konnazzjonali, milquta mid-disgrazzja, fl-istess ħin dawn il-ġrajjiet iġibulna quddiem għajnejna, b’qawwa komparattiva partikolari, il-kwadru terribbli li kull sena huwa deskritt fil-vanġeli ta’ dan l-ewwel Ħadd tal-Avvent: aħbarijiet ta’ qerda u ta’ mewt, fl-istennija eskatoloġika tal-“miġja ta’ Bin il-bniedem” (Mt 24,39).

2. L-istorja tal-bnedmin u tan-nazzjonijiet, l-istorja tal-umanità kollha tfornixxi provi biżżejjed biex tenfasizza li fiż-żminijiet kollha immultiplikaw ruħhom disgrazzji u katastrofi, diżastri naturali, bħal terremoti, jew dawk ikkawżati mill-bniedem, bħal gwerer, rivoluzzjonijiet, massakri, omiċidji u ġenoċidji.

Barra minn dan kull wieħed u waħda minna nafu li l-eżistenza terrena tagħna twassal għall-mewt, billi jum wieħed tasal għat-tmiem tagħha. Id-dinja viżibbli, bil-ġid u l-għana kollu li taħbi fiha, fl-aħħar minn l-aħħar mhix kapaċi tagħtina ħaġ’oħra għajr il-mewt: it-tmiem tal-ħajja.

Tali verità, minkejja li hija mfakkra ukoll fil-liturġija tallum, l-ewwel Ħadd tal-Avvent, mhijiex madankollu l-verità speċifika mħabbra f’dan il-jum festiv, u fil-perijodu kollu tal-Avvent. Din mhijiex il-kelma ewlenija tal-Vanġelu.

Liema hi mela l-kelma ewlenija? Ftit ilu qrajniha: il-miġja ta’ Bin il-bniedem. Il-kelma ewlenija tal-Vanġelu mhijiex “it-tluq”, “in-nuqqas”, imma “il-miġja” u “l-preżenza”. Linqas ma hija “l-mewt”, imma “l-ħajja”. Il-Vanġelu huwa l-bxara t-tajba, għaliex jippronunzja l-verità dwar il-ħajja fil-kuntest tal-mewt, Il-miġja ta’ Bin il-bniedem hija l-bidu ta’ din il-ħajja. U dwar tali bidu jkellimna appuntu l-Avvent, li jwieġeb għad-domanda: kif għandu jgħix il-bniedem fid-dinja bil-prospettiva tal-mewt? Il-bniedem li lilu, f’tebqa t’għajn, tistà titteħidlu l-ħajja, kif għandu jgħix f’din id-dinja, biex jiltaqà ma’ Bin il-bniedem li l-miġja tiegħu hija l-bidu tal-ħajja l-ġdida, tal-ħajja iktar qawwija mill-mewt?

3. Propju fuq dan nixtieq nirrifletti flimkien magħkom, għezież parruċċani tal-komunità ta’ Acilia, iddedikata lil San Leonardu da Porto Maurizio: il-parroċċa li llum ingħatali li nżur.

Infatti, bħala Isqof ta’ Ruma u suċċessur ta’ San Pietru, jiena l-Isqof tagħkom; u d-dmir ewlieni tal-Isqfijiet, mirut mill-Appostli, huwa li jżuru l-komunitajiet insara individwali u jżommu magħhom rabta ħajja.

Nixtieq mela, fl-okkażjoni ta’ din iż-żjara tallum, insellem b’mod kordjali lilkom ilkoll, li tikkostitwixxu l-parroċċa ta’ San Leonardu bit-12,000 ruħ tagħha u it-3000 familja. Insellem b’imħabba lill-Kardinal vigarju u l-Isqof awżiljarju, Monsinjur Clemente Riva, li jippartiċipaw fit-tħassib tiegħi għall-ġid ta’ din il-parroċċa, afdata lill-patrijiet Franġiskani minuri tal-provinċja Rumana. Lilhom nindirizza l-ħsieb rikonoxxenti tiegħi għall-opra żelanti tagħhom ta’ apostolat, għal żmien twil eżerċitata b’regolarità u sagrifiċċju, waqt li niftakar b’mod partikolari l-meritevoli kappillan, Patri Guido Anagni, li ilu għoxrin sena jassistikom spiritwalment, b’impenn ta’ kuljum maqsum mal-kollaboraturi tiegħu, u kollu sabiex ikunu ffurmati nsara konvinti u responsabbli. Ir-rieda tajba kordjali tiegħi tinfirex fuq is-sorijiet battistini ġenerużi u għeżież, li jiżvolġu opra insostitwibbli, lill-gruppi individwali tal-lajkat, li ma jiqfux jistudjaw u jivvjaġġaw it-toroq spiss diffiċli ta’ kollaborazzjoni responsabbli u mdawla. Lit-tfal u lill-anzjani, lill-morda, liż-żgħażagħ u lill-adulti, lill-ħaddiema u lill-impjegati, lil kulħadd niftaħ qalbi biex insemmà s-sehem tiegħi f’kull problema  u tbatija tagħhom, u biex ngħid fuq kollox li jiena hawn f’nofskom, sabiex nikkonfermakom fl-istennija ħajja ta’ Kristu salvatur, li huwa sodizza fil-fidi u ferħ fit-tama.

4. U hekk hu, niltaqgħu ilkoll fl-ewwel Ħadd tal-Avvent. Liema hi din il-verità li tippenetrana u ttina l-ħajja llum? Liema messaġġ tħabbrilna l-Knisja Mqaddsa, ommna? “Mhux, kif diġa għidt, messaġġ ta’ biżà u ta’ mewt, imma huwa l-messaġġ tat-tama u tas-sejħa.

Nieħdu bħala eżempju t-tieni qari: hawn hu dak li l-Appostlu Pawlu jgħid lir-Rumani ta’ dak iż-żmien, imma li għandna nqisuhom sewwa aħna r-Rumani tallum: “Intom tafu f’liema żmien qegħdin. Waslet is-siegħa li intom tqumu min-ngħas; għax is-salvazzjoni tagħna hi eqreb minn meta bdejna nemmnu. Il-lejl għoddu għadda, u qorob il-jum” (Rm 13,11-12).

Fir-realtà, b’mod differenti minn kif nistgħu inkunu mġegħla naħsbu, is-salvazzjoni hija eqreb u mhux iktar imbegħda. Infatti, waqt li ngħixu f’epoka ta’ sekularizzazzjoni, aħna xhieda ta’ nġibiet ta’ ndifferenza reliġjuża u wkoll ta’ programmi u ideoloġiji ateji u saħansitra anti-tejistiċi. B’dan il-mod nisttgħu nkunu mġiegħla naħsbu li s-sinjali umani igiddbu l-messaġġ tal-liturġija tallum.

Hija iżda – minkejja li tirreferi wkoll għal dawn is-“sinjali umani” – ixxandar bdanakollu l-verità divina u tħabbar bil-quddiem il-pjan divin li qatt ma jiġi nieqes, li ma jimbidilx ukoll jekk jistgħu jinbidlu l-bnedmin, il-programmi, il-proġetti umani. Dak il-pjan divin huwa l-pjan tal-fidwa tal-bniedem fi Kristu, li ladarba jiġi aċċettat jibqà, u konsegwentement jimmira għat-twettiq tiegħu.

Imma l-bniedem jistà jkun għal dan kollu trux u għama. Huwa jistà dejjem jidħol b’mod iktar profond fil-lejl għalkemm ikun qorob il-jum. Jistà jimmultiplika l-opri tad-dlam għalkemm Kristu joffrilu “l-arma tad-dawl”.

Mela, l-istedina pressanti tal-liturġija tallum hija dik tal-Appostlu: “Ilbsu lil Sidna Ġesù Kristu”(Rm 13,14). Din l-espressjoni hija f’ċertu sens id-definizzjoni tan-nisrani. Tkun nisrani jfisser “tilbes lil Kristu”. L-Avvent huwa s-sejħa l-ġdida biex nilbsu lil Ġesù Kristu.

Jerġà jgħid l-Appostlu: “Inġibu ruħna onestament, bħal fl-aqwa tal-jum: mhux f’nofs ikel żejjed u sokor, mhux qalb l-impurità u laxkezza, mhux f’kuntesti u ġelożiji… u la ssegwux il-ġisem fix-xewqat tiegħu” (Rm 13,13-14).

5. Xi jfisser iktar l-Avvent? L-Avvent huwa l-iskoperta ta’ aspirazzjoni kbira tal-bnedmin u tal-popli lejn dar il-Mulej. Mhux lejn il-mewt u l-qerda, imma lejn il-laqgħa miegħu.

U għalhekk fil-liturġija tallum nisimgħu din l-istedina: “Immorru ferħana għand il-Mulej”.

U l-istess salm responsorjali jirrivelalna, biex ngħidu hekk, ix-xbieha ta’ dik id-dar, ta’ dik il-belt, ta’ dik il-laqgħa:
“U issa riġlejna jieqfu / f’bibinek, Ġerusalem! / Hemm jitilgħu flimkien it-tribù / it-tribù tal-Mulej, / skont il-liġi ta’ Iżrael, / biex ifaħħru isem il-Mulej. /  Hemm jinsabu s-siġġijiet tal-ħaqq, / is-siġġijiet ta’ dar David. / Għal ħuti  u ħbiebi / jiena se ngħid: jalla tkun fuqek il-paċi! / Għal dar il-Mulej Alla tagħna, / se nitlob għalik il- ġid” (Sal 121 [122],1]).

Iva. Il-Mulej huwa Alla tal-paċi, u Alla tal-patt mal-bniedem. Meta fil-lejl ta’ Betlem il-fqajra rgħajja jerħulha bil-mixi lejn l-istalla fejn titwettaq l-ewwel miġja ta’ Bin il-bniedem, hemm iwassalhom il-kant tal-anġli “Glorja lil Alla fil-għoli tas-smewwiet / u paċi fl-art lill-bnedmin li huwa jħobb” (Lq 2,14).

6. Din il-viżjoni tal-paċi divina tappartieni lill-istennija messjanika kollha fil-patt il-qadim.

Nisimgħu llum il-kliem ta’ Iżaija:

“Huwa jkun imħallef fost il-ġnus / u jkun arbitru fost bosta popli. / Jiffurmaw ix-xwabel tagħhom f’raded, / il-lanez tagħhom fi mnieġel: /poplu ma jerfax iktar ix-xabla / kontra poplu ieħor, / ma jeżerċitawx ruħhom iktar fl-arti tal-gwerra. / Dar ta’ Ġakobb, ejja, / nimxu fid-dawl tal-Mulej” (Iż 2,4-5)

L-Avvent iwassal miegħu l-istedina għall-paċi ta’ Alla għall-bnedmin kollha. Huwa meħtieġ li aħna nibnu din il-paċi u kontinwament nibnuha fina stess u mal-oħrajn:  fil-familji, fir-rapporti mal-ġirien, fl-ambjenti tax-xogħol, fil-ħajja tas-soċjeta kollha kemm hi.

Aħdmu bi spirtu ta’ solidarjetà fraterna sabiex il-parroċċa tagħkom tikber dejjem iktar bħala komunità ta’ fidili, ta’ familji, ta’ gruppi – qed nirreferi b’mod partikolari għall-gruppi kollha organizzati tagħkom – f’komunjoni ta’ verità u ta’ mħabba. Il-komunità parrokkjali, infatti, tinbena fuq il-kelma ta’ Alla, trażmessa u ggarantita għar-rgħajja, hija mitmugħa mill-grazzja tas-sagramenti, hija sostnuta mit-talb, hija magħquda mir-rabta tal-karità fraterna. Kull membru tagħha jħossu ħaj, attiv, parteċipi, korresponsabbli, involut fi dmirijiet umani effettivi ta’ evanġelizzazzjoni umana. B’dan il-mod il-parroċċa tagħkom issir sinjal u strument tal-preżenza ta’ Kristu fil-kwartier, irradjazzjoni ta’ mħabbtu u tal-paċi tiegħu.

Biex naqdu tali paċi ta’ dimensjonijiet multipli, hemm bżonn li nisimgħu ukoll dan il-kliem tal-profeta:

“Ejjew, nitilgħu fuq il-muntanja tal-Mulej, / għat-tempju tal-Alla ta’ Ġakobb, / sabiex jindikalna triqatu / u nkunu nistgħu nimxu fil-mogħdijiet tiegħu. / Ladarba minn Sijon toħroġ il-liġi / u minn Ġerusalem il-kelma tal-Mulej” (Is 2,3).

Għall-komunità ekkleżjali tagħkom ukoll. L-Avvent huwa ż-żmien li fih għandhom jitgħallmu mill-ġdid il-liġi tal-Mulej u l-kliem tiegħu. Dan huwa ż-żmien ta’ katekeżi ntensifikata. Il-liġi u l-kelma tal-Mulej għandhom jippenetraw mill-ġdid il-qalb, għandhom isibu mill-ġdid l-konferma tagħhom fil-ħajja soċjali.

Dawn jaqdu l-ġid tal-bniedem! Dawn jibnu l-paċi!

Il-parroċċa tagħkom hija ddedikata lil San Leonardu da Porto Maurizio, franġiskan tal-kelma taħraq, li ħarat l-Italja biex iwissi u jikkonverti folol immensi, waqt li sejħilhom għall-penitenza u għall-ħniena, avolja hu kien jgħix f’għaqda ntima ma’ Alla. Lilu, tant maħbub mir-Rumani ta’ żmienu u diġa meqjum bħala qaddis sa mill-waqt tal-mewt tiegħu lil San Bonaventura fuq il-Palatino afda lill-parroċċa tagħkom, l-intenzjonijiet tagħkom ta’ ħajja nisranija, il-fedeltà tagħkom, fiż-żmien preżenti, lil Kristu Mulej.

7. Għeżież ħuti u wliedi: hawn aħna mela mill-ġdid fil-bidu tal-mixja. Beda mill-ġdid l-Avvent: iż-żmien tal-grazzja, iż-żmien tal-istennija, iż-żmien tal-miġja tal-Mulej, li tibqà għaddejja dejjem. U l-ħajja tal-bniedem tiżviluppa ruħha fl-imħabba tal-Mulej, minkejja l-esperjenzi dolorużi kollha tal-qerda u tal-mewt, lejn it-twettiq finali f’Alla..

Bin il-bniedem se jiġi!

Aħna nisimgħu dan il-kliem bit-tama, mhux bil-biżà, għalkemm huwa mimli b’serjetà profonda.

Għassu… u kunu lesti għaliex ma tafux f’liema jum se jiġi Bin il-bniedem.

Ejja, Mulej Ġesù!

Marana tha!

Miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb