Ġwanni Pawlu II fil-Kunċizzjoni

Print Friendly, PDF & Email

SOLENNITÀ TAL-IMMAKOLATA KONĊEZZJONI TA’ MARIJA.

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II. Bażilika ta’ Santa Marija Maggiore, 8 ta’ Diċembru 1980

1. “Salus populi romani!”

Niġi llum b’din it-tislima, meqjumin u għeżież ħuti, f’din il-Bażilika marjana ta’ Ruma.

Niġi hawn wara l-att sollenni ta’ qima, mogħti lill-Immakulata fi Pjazz di Spagna, fejn ir-Rumani ilhom snin u ġenerazzjonijiet jimmanifestaw imħabbithom u qimithom lejn dik li l-anġlu, fil-waqt tal-annunzjazzjoni, sellem “mimlija bil-grazzja” (Lq 1,28). Fit-test Grieg tal-Vanġelu ta’ San Luqa din it-tislima ddoqq:“ “kecharitoméne”, jiġifieri maħbuba b’mod partikolari minn Alla, kollha kemm hi minfuda b’imħabbtu, konsolidata kompletament fih: bħallikieku kienet kollha minnu ffurmata, mill-imħabba santissma ta’ Alla.

U propju għalhekk: “salus populi! / salus populi romani!”

Dan it-titlu ġustament jikkonsagra d-devozzjoni marjana ta’ Ruma. Dan jistà jmur lura għall-istess oriġni ta’ din il-Bażilika, għaliex diġa l-predeċessur tiegħi Sistu III fis-seklu V, fl-iskrizzjoni dedikatorja, hekk isejjaħ lill-Madonna: “Virgo Maria… nostra salus”. L-invokazzjoni tarrikkixxi ruħha fl-aqwa tal-Medjuevu, iffavorita mill-proċessjoni sollenni tal-15 ta’ Awissu, li kienet tgħaqqad id-devozzjoni lix-xbiha tas-Salvatur ikkonservata fil-Bażilika Lateranensi, ma’ dik tal-Madonna ta’ Santa Maria Maggiore. Allura l-poplu Ruman hekk kien jiċċelebra lill-Verġni waqt il-proċessjoni: “Verġni Marija, ħares b’mod favorevoli lil uliedek…/ Alma Marija, kun twajba mad-dmugħ ta’ min jitolbok. / Omm qaddisa ta’ Alla, ħu ħsieb il-poplu Ruman…”

Nieħu gost infaħħar ukoll li d-devozzjoni lejn il-Madonna f’din il-Bażilika kellha, fis-sekli medjoevali, karattru universali, għaliex kienet tgħaqqad mar-Rumani lir-reliġjużi Griegi, li kienu jgħixu Ruma u kienu jiċċelebrawha bil-lingwa tagħhom. Barra minna dan, din il-Bażilika intgħażlet mill-qaddisin Ċirillu u Metodju, li ġew Ruma fis-seklu IX u ntlaqgħu festożament mil-Papa Adrijanu II u mill-poplu kollu Ruman għaċ-ċelebrazzjonijiet bil-lingwa Slava tal-liturġija, li huma kienu stabbilew għall-evanġelizzazzjoni tal-popli Slavi. Il-kotba liturġiċi tagħhom bil-lingwa Slava, approvati mill-Papa, kienu mqiegħda fuq l-altar ta’ din il-Bażilika.

2. Meta ngħidu “salus populi, salus populi romani”, aħna konxji għal kollox li Marija iktar minn kulħadd sperimentat is-salvazzjoni, sperimentatha b’mod partikolari u eċċezzjonali.

Billi kienet hi l-omm tass-salvazzjoni, l-omm tal-bnedmin u tal-poplu, l-omm ta’ Ruma, dan huwa fi Kristu, għal Kristu, bl-opra ta’ Kristu:
“Salus populi romani in suo Salvatore!”

Hekk ukoll jgħallem il-Konċilju Vatikan II fil-kostituzzjoni “Lumen Gentium”: “Wieħed biss huwa l-medjatur tagħna skont il-kliem lill-Appostli: “Mhemmx għajr Alla wieħed, wieħed biss ukoll huwa l-medjatur bejn Alla u l-bnedmin, il-bniedem Kristu Ġesù, li għal kulħadd ta lilu nnifsu bħala riskatt” (1Tm 2,5-6).Il-funzjoni materna ta’ Marija lejn il-bnedmin bl-ebda mod ma ċċajpar jew tnaqqas din l-unika medjazzjoni ta’ Kristu, imma turi l-effiċjenza tagħha. Ladarba kull influss benefiċjarju tal-Beata Verġni lejn il-bnedmin ma jitnissilx minn bżonn, imma mill-approvazzjoni ta’ Alla, u joħroġ mis-sovrabbundanza tal-merti ta’ Kristu, jissejjes fuq il-medjazzjoni tiegħu, minnha assolutament tiddependi u tieħu l-effikaċja kollha tagħha; ma tfixkel linqas minimament il-kuntatt dirett tal-kredenti ma’ Kristu, anzi tiffaċilitah” (Lumen Gentium, 60).

3. Dan turih b’mod partikolari s-sollennità tallum tal-Immakulata Konċezzjoni.

Dan huwa l-jum li fih nistqarru li Marija – magħżula b’mod parikolari u eternament minn Alla fil-pjan amoruż tiegħu ta’ salvazzjoni – sperimentat ukoll b’mod partikalari s-salvazzjoni: b’mod eċċezzjonali kienet mifdija bl-opra ta’ dak, li lilu, bħala omm verġni, kellha tittrażmettilu l-ħajja umana.

Dwar dan jitkellmu wkoll is-siltiet tal-qari tal-liturġija tallum. San Pawl fl-ittra lill-Efesin jikteb: “Ikun imbierek Alla. Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna b’kull barka spiritwali fis-smewwiet, fi Kristu. Fih għażilna sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisin u immakulati fil-preżenza tiegħu fil-karità” (Ef 1,3-4).

 Dan il-kliem b’mod partikolari u eċċezzjonali jirreferi għal Marija. Hija nfatti, iktar mill-bnedmin kollha – u iktar mill-anġli – “kienet magħżula fi Kristu qabel il- ħolqien tad-dinja”, għaliex b’mod uniku u rrepetibbli kienet magħżula għal Kristu, kienet għalih iddestinata biex tkun omm.

Imbagħad l-Appostlu, waqt li jiżviluppa l-istess idea tal-ittra tiegħu lill-Efesin, jikteb: “…Waqt li ppredestinana (Alla) biex inkunu wliedu addottivi bl-opra ta’ Ġesù Kristu, skont l-approvazzjoni tar-rieda tiegħu.

U dan n-tifħir u glorja tal-grazzja tiegħu, li tana f’Ibnu l-għażiż” (Ef 1,5).

U dan il-kliem ukoll – għaliex jirreferi għall-insara kollha – jirreferi wkoll għal Marija b’mod eċċezzjonali. Hija – propju hi bħala omm – kisbet fl-ogħla grad “adozzjoni divina: magħżula biex tkun bint addottiva fl-Iben ta’ Alla etern, appuntu għaliex huwa kellu jsir fl-ekonomija tas-salvazzjoni Ibnu veru, mwieled minnha, u għalhekk Bin il-bniedem: hija – kif aħna spiss inkantaw – bint maħbuba ta’ Alla  Missier!

4. U fl-aħħarnett l-Appostlu jikteb:  “Fih (jiġifieri fi Kristu) sirna wkoll werrieta, billi konna predestinati skont il-pjan ta’ dak li jopera kollox b’mod effikaċi, konformi mar-rieda tiegħu, sabiex aħna nkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna, li, sa minn qabel konna nittamaw fi Kristu” (Ef 1,11-12).

Ħadd fid-dinja iktar għoli, iktar assolut u iktar radikali “ma ttama” fi Kristu iktar mill-propja ommu, Marija.

U wkoll ħadd iktar minnha “ma kien magħmul werriet fih”, fi Kristu! Ħadd fl-istorja tad-dinja ma kiuen Kristu-ċentriku u iktar figura ta’ Kristu minnha. U ħadd ma kien iktar simili tiegħu, mhux biss bix-xebħ naturali tal-omm mal-iben, imma bix-xebħ tal-Ispirtu u tal-qdusija.

U għalhekk ħadd iktar minnha ma eżista “simili mal-pjan tar-rieda ta’ Alla”, ħadd iktar minnha f’din id-dinja ma eżista “għat-tifħir tal-glorja tiegħu” – għaliex ħadd ma eżista fi Kristu u minn Kristu iktar minnha, li  grazzi lilha Kristu twieled fid-dinja.

Hawn hu t-tifħir tal-Immakulata, li l-liturġija tallum ixxandar bil-kliem tal-ittra lill-Efesin.

U dan il-għana kollu tat-tejoloġija ta’ Pawlu jistà jinstab miġbur ukoll f’dawn il-kelmtejn ta’ Luqa: “Mimlija bil-grazzja” (“kecharitoméne”).

5. L-Immakulata Konċezzjoni hija misteru partikolari tal-fidi – u hija wkoll sollennità partikolari. Din hija l-festa tal-Avvent per eċċellenza. Din il-festa – u wkoll dan il-misteru – iġegħlna naħsbu dwar il-“bidu” tal-bniedem fuq l-art, dwar l-innoċenza primiġenja u mbagħad dwar il-grazzja mitlufa u dwar id-dnub tan-nisel.

Għalhekk illum naqraw l-ewwel is-silta mill-ktieb tal-Ġenesi, li tagħti dehra ta’ dan il-“bidu”.

U meta, propju f’dan it-test, naqraw dwar il-mara,  li n-nisel tagħha “se jisħaq ras is-serp” (cf. Ġen 3,15), naraw f’din il-mara, flimkien mat-tradizzjoni, Marija, ippreżentata appuntu immakulata bl-opra ta’ Bin Alla, li lilu kellha tagħti n-natura umana.

U aħna ma nimmeraviljawx ruħna li fil-bidu tal-istorja tal-bniedem, mifhumha bħala storja tas-salvazzjoni, tiġi mnaqqxa Marija, jekk – kif qrajna f’San Pawl – qabel il-ħolqien tad-dinja kull nisrani ġie magħżul fi Kristu u għal Kristu: tant iktar dan jgħodd għaliha!

6. L-Immakulata hija mela opra partikolari. Eċċezzjonali u unika ta’ Alla: “mimlija bil-grazzja…”.

Meta fiż-żmien stabbilit mit-Trinità Qaddisa, ġie għandha l-anġlu u qalilha: “La tibżax…Ara, inti tnissel Iben, u twelldu għad-dawl u ssemmih Ġesù, Huwa jkun kbir u jissejjaħ Bin l-Ogħla” (Lq 1,30-32) –  dik biss li kienet  “mimlija bil-grazzja” setgħet twieġeb bil-mod li wieġbet dakinhar Marija: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont dak li għidtli int” (Lq 1,38).

U Marija wieġbet propju b’dan il-mod.

Illum f’din il-festa tal-Avvent, infaħħru għal dan lill-Mulej.

U niżżu ħajr lilu għal dan.

Niżżu ħajr għaliex Marija hija “mimlija bil-grazzja!

Niżżu ħajr għall-Immakulata Konċezzjoni tagħha.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: