Wasslu lill-poplu tagħna biex jemmen, jittama u jħobb

Is-Sibt, 8 ta’ Mejju 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tal-Quddiesa tal-ordinazzjoni presbiterali ta’ Dun Roderick Baldacchino, Dun Joshua Cortis, Dun Jean Claude Schembri, u Patri Mark Scicluna. Bażilika Minuri ta’ Kristu Re, Raħal Ġdid.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Fhimna tajjeb li Alla sejħilna biex immorru nxandru l-Evanġelju”. Għeżież djakni, din il-kelma tkun dejjem fuq fommkom u fil-qalb tagħkom. Bħalma jgħid Ġesù, Ifhmu sewwa li Alla hu li jagħżilkom: “Mhux intom għażiltu lili imma jien għażilt lilkom” (Ġw 15:16). Din is-sejħa hija sejħa biex tmorru u xxandru l-Evanġelju, l-Aħbar it-Tajba. Qisu li dejjem tiftakru li l-missjoni tagħkom: twasslu kullimkien l-Aħbar it-Tajba, l-Evanġelju. Nitlobkom, f’isem il-Knisja, biex tagħmlu ħilitkom kollha u intom stess tkunu aħbar tajba għaliex x’jiswa li jkollok messaġġ għażiż imma min jiltaqa’ miegħek jibqa’ b’togħma qarsa? Itolbu li kull min jiltaqa’ magħkom ikollu dik it-togħma tajba ta’ min iltaqa’ mal-Evanġelju, mal-Aħbar it-Tajba.

Fil-qari mill-ktieb tal-Atti tal-Appostli, ktieb tant għażiż għalina l-Maltin u l-Għawdxin, illum kellna ħjiel tat-taħbit ta’ dawk li kienu magħżula mill-Mulej u mibgħuta bħala appostli. Is-silta tibda b’għażla li jagħmel l-Appostlu Missierna Pawlu. Kien hemm dixxiplu jismu Timotju; kellu fama tajba. Pawlu ried jieħdu miegħu, isieħbu miegħu fil-missjoni tiegħu. Intom, ulied San Pawl, iqisukom bħal Timotju magħżula bl-interċessjoni tal-Appostlu Missierna biex tissieħbu mal-missjoni tiegħu li fostna ġie bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u bil-qawwa tal-fejqan.

Hawn tant ġrieħi fid-dinja, fis-soċjetà! Kunu intom li kull fejn taraw ġerħa twasslu d-duwa, il-balzmu tal-ħniena u tal-faraġ. Illum il-Mulej jagħtikom il-qawwa li tfejqu bis-sagramenti tal-qrar u bid-dilka tal-morda li fil-Knisja huwa riservat għas-saċerdozju. Intom imsejħin biex twasslu dan il-fejqan spiritwali lill-poplu tagħna. Ħafna drabi niltaqgħu ma’ ġerħat li wħud minna jkunu wasslu għand il-poplu ta’ Alla. Itolbu l-grazzja li qatt ma tfieru ’l ħadd imma li tkunu duwa u faraġ.

Tgħidli: ‘Imma t-tabib kultant irid ifieri biex ifejjaq’. Il-kelma tagħkom tkun dik li ssaffi, li taqta’ l-ħażin biex jikber it-tajjeb. Imma itolbu lil Alla u l-ħniena tiegħu biex qatt ma tkunu kawża ta’ ġerħat li ma jfiqux ħlief bil-ħniena kbira ta’ Alla. Wassluha din il-ħniena u itolbu lill-Mulej biex jeħliskom minn kull tiġrib.

Qatt tgħallmu b’suppervja jew b’qalb iebsa; kunu mgħallmin li b’umiltà taqsmu dak li l-Ispirtu fawrilkom f’qalbkom.

Fit-tieni ittra ta’ Pawlu lil Timotju, Pawlu jispjega lil dan id-dixxiplu żagħżugħ li l-missjoni li ġie msejjaħ għaliha hija wkoll li jaqsam miegħu t-tbatija tal-Evanġelju. Imma jagħmillu kuraġġ u jgħidlu, “Afda fil-qawwa ta’ Alla li salvana u sejħilna b’sejħa qaddisa mhux għax qies l-għemejjel tagħna,” mhux għax aħna bravi jew għax aħna qaddissin, “mhux għax qies l-għemejjel tagħna imma skont il-pjan tiegħu stess, skont il-grazzja tiegħu” (2 Tim1:8-9). Mela taqtax qalbek bid-dgħufija tiegħek, bi dnubietek jew bid-dnubiet tal-poplu għażiż li l-Mulej jafdalek f’idejh. Għallem lil kulħadd kemm għandna bżonn nafdaw fil-qawwa ta’ Alla, għax hu ma jħarisx lejn l-uċuħ imma jħares lejn kull wieħed u waħda minna b’ħarsa ta’ ħniena. U dik il-ħarsa ta’ ħniena tagħtina l-ħajja, tkun dawl għalina.

San Pawl, hu u jikteb lid-dixxiplu għażiż tiegħu Timotju, jgħidlu li hu kien magħmul minn Ġesù mill-Ispirtu qaddis tiegħu: “predikatur, appostlu, mgħallem” (2 Tim1:11). ‘Predikatur’, ħabbar, ta’ kulma l-bniedem jagħmlu tassew ferħan, ħabbar li s-saltna ta’ Alla waslet u qiegħda f’nofsna. ‘Appostlu’ għaliex permezz tal-ubbidjenza lejn l-Ispirtu, huwa mibgħut bħalma se tkunu intom mibgħuta f’tant oqsma permezz tal-isqof tagħkom, fil-każ tiegħek, Patri Mark, fejn jibgħatuk is-superjuri leġittimi tiegħek. Ftakru li intom mgħallmin; wieħed ikun mgħallem għax jitgħallem u għandu l-umiltà li jgħallem. Qatt tgħallmu b’suppervja jew b’qalb iebsa; kunu mgħallmin li b’umiltà taqsmu dak li l-Ispirtu fawrilkom f’qalbkom.

“B’daqshekk ma nistħix,” jgħid l-Appostlu Missierna u jgħid hekk għaliex jinsab f’mument ta’ tbatija imdawwar bil-ktajjen. “Jiena naf f’min emmint” (2 Tim1:12). Din hija frażi għażiża ħafna għalikom, ftakruha dejjem, f’kull mument ta’ ħajjitkom. “Jiena naf f’min emmint,” emmint f’Ġesù li ħabbni u ta’ ħajtu għalija. Imma jiena nistedinkom biex dan l-għarfien ma jkunx biss li tagħraf min hu Ġesù imma li tagħraf lil Ġesù , “taf f’min emmint”. Tafu? Għandek tkun taf sewwa, kif ifakkar Pawlu lid-dixxiplu tiegħu Timotju, li dak li ġie afdat f’idejk hija l-Ewkaristija Mqaddsa, il-Kelma ta’ Alla, il-poplu qaddis ta’ Alla. Dan hu li se jkun afdat f’idejkom illum. Hu se jieħu ħsiebu. “Naf sewwa li hu jista’ jħares it-teżor li kien fdat f’idejja” (2 Tim1:12). Għax hekk se ngħidilkom wara li ssiru saċerdoti: ilqa’ l-offerta tal-poplu qaddis ta’ Alla, dik li se ssir il-ġisem u d-demm ta’ Ġesù ; fassal ħajtek fuq dak li se jkollok f’idejk.

L-Ispirtu s-Santu, li kien jiggwida lid-dixxipli, jgħidilhom li jilluminahom fejn irid iwassalhom, ikun hu li jurikom it-triq f’ħajjitkom. Tibżgħux mid-diffikultajiet! Fis-silta li qrajna llum mill-Evanġelju skont San Ġwann kapitlu 15, Ġesù jaqsam qalbu mad-dixxipli u jgħidlhom: “Jekk id-dinja tobgħodkom, kunu afu li lili bagħditni qabel ma bagħdet lilkom” (Ġw15:18). Kważi kważi qed jgħidilhom: ‘X’tippretendu? Li intom teħduha franka?” Aħna nsegwu dak li tarbija ġie imħabbar bħala sinjal li jmeruh (Lq2:35). Imma r-risposta tiegħu għat-tmerija, għall-mibegħda u għall-ħruxija, kienet biss imħabba, maħfra u faraġ.

Nitolbu ħafna għalikom waqt li nirringrazzjaw lill-ġenituri tagħkom u lill-Knisja fil-parroċċi għeżież tagħkom, fl-Ordni tal-Aħwa Kappuċċini, li wasslukom hawn illum, nitolbu biex il-Mulej iħariskom dejjem, ikun hu li waqt li jaħfrilkom dnubietkom, jagħtikom il-qawwa tkunu fejqan għall-poplu tiegħu. Intom li tafu f’min emmintu, wasslu lill-poplu tagħna biex jemmen, jittama u jħobb.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Atti 16:1-10
Salm: 99 (100):1-2,3,5
Qari II: 2 Tim 1:8-14
Evanġelju: Ġw 15:18-21

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply