Għażiż Ġorġ

Hekk kif qomt għal jum ieħor ta’ ħidma, fl-għalqa tal-Mulej, li int kont tant tħobb, nhar it-Tlieta 2 ta’ Marzu 2021, meta bdejt naqra l-gazzetta online, ksaħt. Għax qrajt li ħallejtna.

Tassew li l-Mulej tak ħajja mill-aktar twila u sabiħa! 94 sena ta’ ħajja mhux ċajta! Mhumiex bil-gzuz dawk li jgħixuhom! Imma jien, ta’ ħabib kbir tiegħek, li min jaf kemm konna nitħaddtu f’Mater Dei, meta kont narak iddur fil-kurituri tagħna, b’dawk il-bsaten, għelejt għalik. Għax tabilħaqq nitnikket bit-telfa tiegħek. Bħalma naf biċ-ċert li ħafna Maltin u Għawdxin qed iħossu dak li qed inħoss jien minħabba t-telfa tiegħek.

Għażiż Ġorġ, tiftakar x’kont tgħidli għodu għodu, meta konna nimxi pass pass flimkien fil-kurituri ta’ Mater Dei? Żomm moħħok frisk bħalma kien ta’ San Franġisk! U ngħidx ħabib! Għax il-freskezza tabilħaqq m’hemmx isbaħ minnha! Fejn ħa ssibha għażiż Ġorġ jekk mhux fil-Mulej? U kemm kont tħobbu lil San Franġisk? Nifhimha ħabib! Għax min hu umli jara lil min hu umli! Jagħrfu! U jieħu gost joqgħod f’riġlejh jisimgħu!

Imbagħad, għażiż Ġorġ, kont tħobb tgħidli: Ibqa’ sod u ibqa’ soda għax li tħobb l’Alla l-isbaħ moda. Veru ħabib! Moda isbaħ minn din żgur li m’hawnx taħt ix-xemx! Għax hija moda li ma teqdiem qatt u qatt! Hija moda għax dejjem tibqa’ attrajenti! U l-bżonn tagħha dejjem qed jikber! Nifhem, kif kien jħobb jgħid tajjeb it-teologu kbir Fr Bernard Häring, li din l-imħabba trid trabbi s-saqajn! Trid titgħallem tikteb u taqra. Trid timxi ma’ kullimkien. U, jekk jogħġbok, ma tridx tkun ittektek ħalli ma tagħmilx storbju lanqas. Inkella jkollna l-problemi! Imma l-imħabba trid turi ruħha fl-affarijiet iż-żgħar. U, fuq kollox, f’dak l-ilsien!

Oh Ġorġ! Hawnhekk ftaħtli kapitlu kapitulun! Kemm kont tħobb tgħidli: kelma ħelwa u edukata tiffrankalek battikata! Veru Ġorġ! Kemm battikati nieħdu hux għax mhux dejjem nużaw dik il-kelma ħelwa u edukata! Ħeqq, il-ħlewwa fl-imġieba qatt ma tikkawża d-dijabete! Dejjem safejn naf jien. Għalhekk hu mportanti li naqra ħlewwa nużawha. Għax imbagħad, jekk din ma nużawhiex, nieħdu battikata minħabba f’xi tbaqbiqa. Għax dak li jkun, meta jħossu offiż u offiża, żgur li mhux ħa joqgħod ċiċċi beqqi jew qisu ġbara. U, minn naħa l-oħra, il-battikata nerġgħu nodħuha doppja sakemm xi darba naslu li nerġgħu nitħabbu mill-ġdid. U dan kollu, jaħasra, biex ma nigdimx dik il-biċċa laħam li għandi f’ħalqi. Iva meta se nitgħallem!

Ġorġ, xi mħabba kellek għall-Madonna! Kemm kont tħobbha! Kemm kont tgħidilhom lin-nies it-talba tat-tmienja kemm fl-isptar u anki lix-xuffiera tal-karozzi tal-linja u fix-xarabank stess! Kemm għannejtilha għanjiet sbieħ lil għażiża Ommok tas-Sema li tant ħabbitek u għożżitek daqskemm emmint fiha! Għadni niftakar meta konna Mater Dei, filgħodu, u, wara li sellimna lil xulxin, ġbittni lejk u għannejtli din it-taqbila kważi kważi f’widnejja: Madonna ta’ Pompej eħlisni bin-nhar u billlejl. Għadni niftakar it-tbissima tassew ħelwa li kellek fuq wiċċek meta għedtli: Taf li għamluha fuq il-komputer?

U x’ma jagħmlux ma jagħmlux Ġorġ ħi fuq il-komputer! Bilfors li jtellgħu dak li l-Mulej kien itik għalina fuq Facebook ħalli kulħadd iduq minn din il-benna ħanina! Daqskemm hawn għatx għal Kristu f’nies bħalek li, bis-sempliċità u l-umiltà jwasslu l-messaġġ ta’ Ġesù fostna! Kemm nies qasmu miegħi t-taqbiliet imqaddsa li kont tgħannilhom! Fejn ma qaluhomlix? Fl-Isptar Mater Dei jew inkella fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo? Il-Marsa, il-korsa taż-żwiemel, jew inkella fil-barijiet jew fir-restoranti? Bilfors Ġorġ li n-nies juruni! Għax hawn għatx klubi għal Kristu, kif imwassal imma minn nies bħalek, umli, li jitħalltu magħhom!

Ħa nfakkrek issa f’taqbila oħra li kont qabbiltli għażiż ħija u ħabib: Daħkan għandu jkun il-Franġiskan. Din iddoqq l-iskotti sieħbi! Għax veru, il-Franġiskan għandu jkun daħkan. Imma l-Franġiskan, biex ikun daħkan, irid ikun lest li jaqla’ fl-istonku tiegħu minn dawk ta’ madwaru. Irid ikun lest li jaqla’ fuq rasu u jkanta vittorja. U mhux li ma tistax tkellmu li ma jibilgħekx. Inkella li ma tistax tkellmu daqskemm għandu ħitan madwaru ta’ difiża tant li Joe Biden jgħir għalih! Il-Franġiskan irid ikun bħas-serp tafx imma mhux ikun serp! Għax hemm ikun hemm problema problemun! Il-Franġiskan, biex ikun daħkan, irid ikun ta’ kulħadd u mhux ta’ xi klikka li tagħmlu paxxut għax tagħmel li jgħidilhom hu. Mela, għażiż Ġorġ, dik it-tbissima tal-Franġiskan xi prezz għoli għandha xi tħallas ħi!

La qed nitħaddtu fuq l-imbierka ta’ tbissima ma nistax ma nsemmix taqbila oħra. Issa hawn ħa nkun fil-verità miegħek: ma nafx jekk din hijiex tiegħek inkella hix waħda minn dawk li qed itini l-Ispirtu s-Santu. U iva! Jekk inhu dan mhux ħa nagħmillek xi kawża tafx fuq xi copyright! Int ħabib kont, għadek u tibqa’! Din it-taqbila tgħid hekk: Bit-tbissima lil Alla nagħtih qima. Għax qalb ferħana hi dik mimlija għana. Hekk għadu l-Mulej kif għallimni iss’issa!

Sabiħa t-tbissima Ġorġ! Għax hi l-fanal tal-Mulej! U jien qatt mhu ħa ninsa għażiż it-tbissima smewwija tiegħek! Dik it-tbissima tat-tfal iż-żgħar. Dik it-tbissima li tinfed il-qlub. Dik it-tbissima ta’ xi ħadd li mhux biss jemmen fil-ħniena tal-Mulej imma wkoll li għandu fiduċja fil-bniedem ukoll. Bis-sempliċità tiegħek, għażiż Ġorġ, għallimtni kemm mhux biss li m’għandi niġġudika lil ħadd imma wkoll kemm għandi nkun viċin ta’ kulħadd. Għax kull persuna għandha qalb. Kull persuna hi maħluqa biex tħobb u biex tkun maħbuba. U kull persuna tinfeda meta issib min japprezzaha u jurieha fiduċja! Kif jagħmel eżatt magħna l-Mulej li, għalkemm jaf li nidinbu kif ġie ġie, xorta waħda jibqa’ jurina fiduċja!

Għażiż Ġorġ, għannej tal-Mulej, strieħ fiH kemm issa u f’kemm għaż-żmien li ġej! Amen!

Patri Mario Attard OFM Cap