Ġesù, id‑Dixxipli ta’ Għemmaws u l‑Iskrittura

Print Friendly, PDF & Email

Ġesù, id‑Dixxipli ta’ Għemmaws u l‑Iskrittura. Luqa 24:13-21

Minn Patri Martin Micallef ofm cap

Dakinhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara (vv.13-14).

Bħall-kumplament tal-evanġelji kanoniċi, San Luqa ma jirrakkuntax il-ġrajja ta’ Kristu mill-imwiet. Minflok dan l-evanġelista jaqbad triq għal rasu b’rakkonti oħra marbutin mas-sejba tal-qabar vojt[1] u b’numru ta’ dehriet ta’ Kristu Rxoxt.[2] Dan kollu nsibuh rakkuntat fil-Kapitlu 24 ta’ San Luqa magħmul minn erba’ xeni ewlenin: (i) in-nisa u Pietru ħdejn il-qabar vojt;[3] (ii) il-laqgħa ta’ Ġesù mad-dixxipli ta’ Għemmaws;[4] (iii) id-dehra ta’ Kristu Rxoxt lid-dixxipli f’Ġerusalemm;[5] (iv) it-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù.[6] Il-qabar vojt u l-messaġġ tal-anġli jipprovdu biss stagħġib u nuqqas ta’ fidi. Permezz tar-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws jidher ċar li għal San Luqa, id-dehra ta’ Kristu Rxoxt weħidha ma kinitx biżżejjed għall-problema tad-dixxipli biex jifhmu li l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù kienu jiffurmaw parti mill-pjan ta’ Alla.[7]

F’dan l-istudju se nkunu nistgħu nanalizzaw u nimmeditaw fuq il-versi 13 sa 21 tal-Kapiltu 24 ta’ San Luqa, jiġifieri fuq l-ewwel versi tal-episodju tad-dixxipli ta’ Għemmaws. Se naqsmu dan l-istudju f’żewġ partijiet ewlenin. Fl-ewwel parti se nippreżentaw notamenti ta’ introduzzjoni għal dan ir-rakkont magħmul minn 22 vers. Hawnhekk se naraw il-kwistjonijiet li jqajmu dawk li jistudjaw dan ir-rakkont fir-rigward tal-għejjun u l-istoriċità ta’ dan ir-rakkont filwaqt li nissuġġerixxu struttura ta’ kif nistgħu naqsmu dan ir-rakkont li nsibuh biss fl-evanġelju skont San Luqa. Fit-tieni parti mbagħad se nagħmlu eseġeżi tal-versi 13 sa 21 tal-Kapitlu 24 ta’ San Luqa. Dan se nagħmluh permezz tal-għajnuna ta’ numru ta’ kummentarji u studji fuq Luqa-Atti mingħajr ma nippretendu li nkunu qegħdin neżawrixxu l-interpretazzjoni ta’ dan it-test. Filwaqt li se nagħmlu dan, inkunu nistgħu nħallu t-test jissorprendina billi nibqgħu miftuħin għal nozzjonijiet ġodda li joħorġu mill-istudju ta’ dan ir-rakkont straordinarju. L-għan ta’ dan l-istudju għalhekk hu biex bħala Knisja nkomplu bil-mixja tagħna ma’ Kristu Ġesù “li hu ħaj.”[8]

Ġabra fil-qosor tal-Evanġelju

Il-ġrajja taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws tiġbor fil-qosor u b’mod retrospettiv[9] l-istorja kollha tal-ministeru ta’ Ġesù permezz ta’ żewġ karattri – “tnejn minnhom”;[10] b’referenzi ġeografiċi – b’Ġerusalemm bħala referenza ewlenija;[11] b’kontinwità temporali – “dak l-istess jum”;[12] b’enfasi fuq it-tielet jum;[13] u bit-twettiq tal-profeziji.[14] L-evanġelista San Luqa rnexxielu hawnhekk jittrasmetti xi wħud mill-aqwa temi teoloġiċi tiegħu f’forma narrattiva sal-punt fejn id-dettalji kollha li jissemmew jiksbu valur sinifikattiv. B’dan il-mod, San Luqa ttraduċa t-twemmin ekkleżjali tal-qawmien ta’ Kristu Ġesù: il-preżenza inviżibbli ta’ Kristu Rxoxt nistgħu issa naslu għaliha permezz tal-Iskrittura u l-Ewkaristija. B’hekk il-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws saret “ġabra fil-qosor tal-evanġelju,”[15] konklużjoni li tixbah dak li jgħid Jean Guitton meta jikkonkludi li kieku kellna nneħħu l-evaneġlju kollu biex inżommu xena waħda biss minnu, konna nindikaw dik tad-dixxipli ta’ Għemmaws.[16]

Ir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws, meqjus bħala kapulavur teoloġiku u letterarju,[17] jikxef il-ħila tal-awtur fl-istil tal-kitba, fil-mod kif jibni l-episodju kemm mill-aspett narrattiv kif ukoll teoloġiku, l-attenzjoni li jagħti għar-reazzjoni u l-istat psikoloġiku tal-personaġġi li jissemmew. San Luqa jirnexxilu tassew hawnhekk jgħaqqad flimkien dawn l-elementi kollha għas-servizz ta’ riflessjoni ta’ fidi awtentika b’mod li din il-ġrajja tipprovdi lill-qarrejja l-fundament tal-fidi tagħhom. Dan pereżempju nkomplu narawh fil-mod kif dan l-evanġelista jżid fil-gradazzjoni kwalitattiva tax-xhieda tal-qawmien billi jibda bin-nisa[18] u ta’ Pietru;[19] imbagħad b’żewġ dixxipli,[20] wara bil-Ħdax-il dixxiplu[21] li huma x-xhieda uffiċjali tal-predikazzjoni appostolika.[22] Minbarra din il-manifestazzjoni ta’ Kristu Rxoxt issir aktar “tanġibbli”: din l-ewwel hi ppreżentata permezz ta’ sinjali, jiġifieri permezz tal-ġebla mgerbba u tal-faxex;[23] imbagħad tiġi mħabbra minn żewġ persuni bi lbies jiddi;[24] wara Kristu Rxoxt stess jimxi pass pass ma’ tnejn mid-dixxipli għalkemm jaslu biex jagħrfuh meta jisparixxi minn quddiemhom;[25] u fl-aħħar Kristu Rxoxt jidher lill-Ħdax u jiekol magħhom.[26]

B’dan il-mod straordinarju “San Luqa jiżviluppa katekeżi tal-Għid vera u proprja għall-qarrej.”[27] L-ilħna tal-vjaġġaturi ta’ Għemmaws jingħaqdu ma’ dawk tan-nisa, u jżidu max-xhieda ta’ Pietru: “Il-Mulej qam tassew!”[28] Id-dehriet ta’ Kristu Rxoxt kif insibuhom rakkuntati f’San Luqa għalhekk mhumiex biss il-konklużjoni għal dan l-evanġelju, imma wkoll il-punt tat-tluq tat-tħabbira tas-salvazzjoni.[29]

L-għejjun tal-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws

Numru ta’ biblisti għamlu attentati differenti sabiex jikklassifikaw b’mod formali id-dehriet ta’ Kristu Rxoxt. Charles H. Dodd,[30] pereżempju jiddistingwi żewġ tipi ta’ dehriet: dawk li huma jsejħilhom narrattivi qosra mibnija skont skema fissa u li jwasslu għal xi kliem ta’ Ġesù, u dawk li jsejħilhom narrattivi ta’ ċirkustanzi li ma jsegwu l-ebda skema u li għandhom x’jaqsmu ma’ dettalji u ċirkustanzi. Studjużi oħra mbagħad jiddistingwu bejn dehriet li saru f’Ġerusalemm[31] minn dawk li seħħew fil-Galilija.[32]

Nistgħu nqisu l-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws bħala parti minn dawk id-dehriet ta’ Kristu Rxoxt li jseħħu f’Ġerusalemm jew f’rabta ma’ din il-belt. Il-fatt li San Luqa biss jagħtina din il-ġrajja jġagħalna nistaqsu x’kienu l-għejjun li minnhom dan l-evanġelista kiseb dan ir-rakkont pjuttost twil? Fl-istudji tal-Evanġelji Sinottiċi, il-materjal li jissemma biss f’San Luqa, allura inkluż din il-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws, jissejjaħ materjal ta’ “L.”[33] Teżisti diskussjoni twila fost l-istudjużi tal-Iskrittura dwar il-kwistjoni tal-għejjun għal din il-ġrajja li nsibu f’San Luqa.

Għalkemm ma jidhirx li hemm qbil dwar dan, nistgħu niġbru l-argumenti li jiġu ppreżentati f’erbgħa: (i) San Luqa rriproduċa mill-ġdid l-istorja tad-dixxipli ta’ Għemmaws kif irċeviha b’tibdil żgħir fis-sustanza, imma b’tibdil sinifikanti fil-kliem; (ii) San Luqa rċieva mit-tradizzjoni verżjoni li tiffoka fuq l-interpretazzjoni tat-Testment il-Qadim minn Kristu Rxoxt, li magħha l-evanġelista żied il-motif ta’ Ġesù li jintagħraf fil-qsim tal-ħobż; (iii) l-interpretazzjoni tal-Iskrittura hi żieda ta’ San Luqa fuq l-istorja, u allura din il-pożizzjoni hi bil-maqlub ta’ dik ta’ qabilha; (iv) San Luqa ħa biss xi dettalji mit-tradizzjoni u allura din l-istorja hi prattikament ħolqien tiegħu.[34]

Joseph Fitzmyer jippreżenta sitt argumenti biex jipprova juri li wara l-episodju tad-dixxipli ta’ Għemmaws hemm xi għejjun li minnhom kien qed jieħu San Luqa. Fitzmyer iqis dawn l-elementi fl-istorja tad-dixxipli ta’ Għemmaws bħala indikazzjoni ta’ kif San Luqa kien irnexxielu jagħġen sewwa din il-ġrajja li hu kien kiseb mit-tradizzjoni (L), b’mod li saħansitra seta’ kkompona partijiet sħaħ minnha.[35] Minħabba li din il-ġrajja m’għandhiex paralleli fl-evanġelji l-oħra, allura ssir diffiċli biex tifred minn xulxin it-tradizzjoni u l-kontribut partikulari ta’ San Luqa f’din il-ġrajja.

Hu minnu li San Luqa hu l-uniku evanġelista li jirrakkonta l-ġrajja taż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws. Minkejja dan irridu nżidu li f’dak li baqa’ magħruf fl-istudji bibliċi bħala “t-tmiem twil” tal-Evanġelju skont San Mark, jinkludi referenza qasira għal dehra ta’ Kristu Rxoxt lil żewġ dixxipli fit-triq fil-kampanja u kif dawn irritornaw biex jinfurmaw lil sħabhom, imma dawn ma emmnuhomx.[36] L-istorja tad-dixxipli ta’ Għemmaws f’San Luqa bla dubju ta’ xejn tixbah lil din il-ġrajja frammentarja li nsibu fi tmiem tal-evanġelju skont San Mark, minkejja li f’San Luqa ż-żewġ dixxipli involuti f’din il-ġrajja ġew milqugħin mid-dixxipli l-oħra, kuntrarju għal dak li naqraw f’San Mark. Diffiċli ngħidu jekk San Luqa kienx qed jespandi fuq din il-ġrajja ta’ San Mark. Numru ta’ kummentarji iżda jżommu li min żied it-tmiem twil f’San Mark aktarx li ġabar fil-qosor l-istorja taż-żewġ dixxipli li nsibu f’San Luqa.[37] Dak li hu aktar ovvju hu li l-mod kif San Luqa jirrakkonta l-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws jirrifletti l-ħila letterarja tiegħu kif juru episodji oħra fiż-żewġ volumi miktuba minn dan l-evanġelista.

Numru ta’ studjużi tal-evanġelju imbagħad jinnutaw il-kuntatt li hemm f’dan l-aħħar kapitlu ta’ San Luqa mat-tradizzjoni tal-evanġelju skont San Ġwann.[38] San Ġwann jaf, anke jekk f’forma mqassra, l-aħbar tal-qawmien bħala fatt imħabbar mill-Iskrittura[39] li San Luqa mbagħad jiżviluppa f’dak li  xi wħud sejħu bħala “kerigmi bijografiċi.”[40]

L-istoriċità tal-ġrajja ta’ Għemmaws

Numru ta’ studjużi oħra jieqfu fuq il-mistoqsija ta’ kemm verament nistgħu nqisu il-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws bħala waħda storika. Hu diffiċli nwieġbu għal din il-mistoqsija għalkemm nistgħu ngħidu li l-oġġezzjonijiet imqajma għall-istoriċità ta’ dan ir-rakkont huma dgħajfa. L-opinjonijiet hawn ivarjaw minn dawk li jqisu dan l-episodju bħala “leġġenda” għal oħrajn li jżommu li dan l-episodju hu frott ix-xhieda storika ta’ Kleofa, wieħed miż-żewġ vjaġġaturi li jissemma fl-episodju.

Rudolf Bultmann, pereżempju, iqis dan l-episodju bħala wieħed ta’ karattru tipiku leġġendarju[41] fejn Kristu Rxoxt jew aħjar il-vjaġġatur li ma jintagħrafx hu motif meħud mill-letteratura Griega. Il-ħajja ta’ Apollinius pereżempju tagħmel użu minn motif tad-dehra mhux mistennija ta’ dan il-personaġġ lil ħbiebu wara li dawn kienu qisuh mejjet meta l-imperatur kien qatagħhielu għall-mewt.[42] Hemm ukoll it-tradizzjonijiet ta’ apotheosis li juru kif xi ħadd jisparixxi minn quddiem dawk li jkun fil-preżenza ta’ din il-persuna, bħal fil-każ ta’ Romulus, Aristeas minn Proconnesus, Cleomedes minn Astpaleia, Alcmene, Peregrinus Proteus.[43]

Diffiċli biex tiċħad ix-xebh li hemm bejn dawn it-tradizzjonijiet u l-istorja ta’ Għemmaws. Dan iżda ma jfissirx li għandna nitfgħu f’dubju t-tradizzjoni tal-Evanġelju u nqisu l-ġrajja ta’ Għemmaws bħala “leġġenda.” Arnold Ehrhardt jargumenta li meta nqisu d-dettalji ta’ dawn l-istejjer naslu biex nikkonkludu li dawn huma biss stejjer li huma dipendenti fuq l-evanġelju u mhux bil-maqlub.[44] McBride jżid li minkejja l-paralleliżmu ma’ dawn l-istejjer leġġendarji hu wieħed mill-aktar interessanti, dak li l-aktar jinteressana hu li nippruvaw nifhmu l-ġrajja ta’ Għemmaws fil-qafas teoloġiku tal-evanġelju ta’ San Luqa u kif dan l-evanġelista jiżviluppa d-dehriet ta’ Kristu Rxoxt.[45]

Xi studjużi oħra jinnutaw ukoll li l-format tal-istorja ta’ Għemmaws għandu parallel ma’ letteratura antika identifikata ma’ ġrajjiet rakkuntati fit-Testment il-Qadim. Hekk, pereżempju numru ta’ studjużi jiddentifikaw paralleliżmu bejn id-dehra tal-anġlu lil Ħagar f’Ġenesi 16:7f u f’Luqa 24;[46] il-wasla tat-tliet messaġġiera għand Abraham.[47] Fost l-elementi paralleli pereżempju bejn l-episodju ta’ Għemmaws u l-wasla tal-messaġġiera għand Abraham hemm: il-wasla għal għarrieda tal-personaġġi,[48] l-ospitalità offruta lilhom,[49] il-qsim ta’ opinjoni,[50]  il-kuntest tal-ikla,[51] il-konoxxenza superjuri tal-ospiti li jġibu messaġġ pożittiv,[52] u l-fatt li l-personaġġi jisparixxu għal għarrieda.[53] Paralleliżmu ieħor bejn il-ġrajja ta’ Għemmaws u dak li naqraw fit-Testment il-Qadim, hi l-ġrajja tad-dehra tal-anġlu tal-Mulej lill-ġenituri ta’ Sansun.[54]

Hu minnu li l-ġrajja ta’ San Luqa taqsam diversi punti ta’ kuntatt ma’ episodji fit-Testment il-Qadim li fihom naqraw dwar laqgħat divini, madanakollu l-ġrajja ta’ Għemmaws titbiegħed minnhom fl-interess li turi dwar it-tifsira tal-passjoni ta’ Ġesù.[55] L-għan ewlieni ta’ din l-istorja hu li jiggarantixxi l-fatt tal-qawmien ta’ Kristu,[56] b’enfasi fuq dan f’referenza għal dak li naqraw fit-Testment il-Qadim. Il-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws tirrifletti l-konvinzjoni Nisranija bikrija li kien biss permezz ta’ laqgħa ma’ Kristu Rxoxt li xi ħadd seta’ jasal biex jifhem it-tifsira tal-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù li kienu diġà mħabbrin fl-Iskrittura.[57]

Numru kbir ta’ biblisti li studjaw il-ġrajja ta’ Għemmaws jinnutaw ukoll li l-ġrajja tal-laqgħa ta’ Filippu mal-ewnuku Etijopiku f’Atti 8 hi ffurmata b’mod deliberattiv fuq il-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws.[58] Filwaqt li ma nistgħux niċħdu dan, nistqarru wkoll li hemm differenzi bejn dawn iż-żewġ episodji, pereżempju fir-rwol tal-Iskrittura li tikkostitwixxi tweġiba f’Luqa 24 filwaqt li tifforma mistoqsija f’Atti 8. Minbarra hekk, f’Luqa 24 insibu enfasi missjunarja f’kuntrast mal-ewnuku li ma jirritornax Ġerusalemm.

Studjużi oħrajn, imbagħad, jinnutaw paralleliżmu inqas evidenti bejn is-sejba tat-tfajjel Ġesù fit-Tempju[59] ma’ dak li naqraw f’Luqa 24. Fiż-żewġ każi għandna vjaġġ: l-ewwel vjaġġ hu rrakkuntat fit-tmiem tal-Evanġelju tal-infanzja, filwaqt li t-tieni vjaġġ jikkonkludi n-narrattiva tal-Evanġelju kollu. It-tnejn għandhom bħala eżitu l-missjoni: fl-ewwel każ, il-missjoni ta’ Ġesù, fit-tieni wieħed, il-missjoni tal-appostli. In-niket tal-ġenituri nistgħu nxebbhuh ukoll man-niket tad-dixxipli ta’ Għemmaws, filwaqt li fiż-żewġ każi għandna t-telfa ta’ Ġesù, u l-evokazzjoni għat-tielet jum flimkien mal-użu tal-espressjoni “kien meħtieġ” sabiex titfisser ir-rieda ta’ Alla.[60] Nolland jikkumenta fuq dan il-paralleliżmu bejn Lq 24 u Lq 1-2, u jżid li forsi jkun aħjar jekk sempliċiment ninnutaw kif bosta fatturi użati f’Lq 24 jiżguraw li l-qarrej iħares lura lejn l-ewwel parti tal-evanġelju, hekk kif ikun qed jaqra l-aħħar parti. F’dawn iż-żewġ sezzjonijiet tal-evanġelju skont San Luqa nsibu attenzjoni komuni fuq il-belt ta’ Ġerusalemm, ir-rwol tal-anġli, ir-reazzjonijiet umani, u t-tfittxija għal xejn għal Ġesù.[61]

Studjużi oħrajn bħal Jeanne d’Arc[62] imbagħad jistabbilixxu saħansitra paralleliżmu bejn il-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb u Luqa 24.[63] Dan il-paralleliżmu iżda aktar jixħet dawl fuq il-mod kif San Luqa kien iqis il-ħajja ta’ Ġesù li kellha tkun tirrifletti fil-ħajja tal-Knisja tal-bidu, milli kif għandna nifhmu l-ġrajja tad-Dixxiplii ta’ Għemmaws.[64]

L-istruttura tal-episodju ta’ Għemmaws

Numru ta’ kummentarji u studji oħra fuq l-Evanġelju skont San Luqa għamlu attentati differenti biex jippreżentaw l-istruttura li fuqha hi mibnija l-ġrajja tad-dixxipli ta’ Għemmaws f’Luqa 24. Hemm min traċċja struttura “kjażmika” jew “simetriji konċentriċi” għall-episodju ta’ Għemmaws.[65] Għalkemm dan ma jfissirx li bilfors San Luqa ried jibni dan ir-rakkont b’dan il-mod xjentifiku, l-istruttura li traċċjaw dawn l-istudjużi hi waħda mill-aktar interessanti. Ser nippreżentaw waħda minn dawn l-istrutturi suġġeriti b’ittri li jindikaw kif l-espressjonijiet tat-test jgħinuna nindividwalizzaw is-simetrija tar-rakkont. Se nsegwu l-istruttura kjażmika mogħtija minn Bruno Chenu[66] li kien qed isegwi xogħol ta’ biblisti oħra bħal Louis Dussaut,[67] Roland Meynet[68] u Jeanne d’Arc.[69]

G         KIENU SEJRIN (bil-Grieg: ēsan poreuoménoi) – barra minn Ġerusalemm (v.13)

H         JITĦADDTU (bil-Grieg: ħomiloun) – BEJNIETHOM (bil-Grieg: autoi) (v.14)

I           ** ĠESÙ NNIFSU (bil-Grieg: autòs Iesous) – baqa’ miexi MAGĦHOM (bil-Grieg:             syneporeύeto autois) (v.15)

                        ** U ĠARA (bil-Grieg: kai egéneto) (v.15)

J           GĦAJNEJHOM – kellhom xi jżommhom (bil-Grieg: ekratounto) – MA SETGĦUX JAGĦRFUH (bil-Grieg: me epignōnai autòn)(v.16)

K          vjolenza, diskussjoni u waqfa (bil-Grieg: estáthēsan) (v.17)

L          Impressjoni ta’ xi ħadd li ma jafx x’ġara (v.18).

            M        DAK LI ĠARA LIL ĠESÙ (bil-Grieg: autò(i) ta perì Iesou) (v.19)

            N         PROFETA (bil-Grieg: prophētēs) – FIL-KLIEM (bil-Grieg: lógō(i)) (v.19)

            O         TAWH/SALLBUH (bil-Grieg: parédōkan) (v.20)

            P          Delużjoni tad-dixxipli: AĦNA KONNA NITTAMAW (bil-Grieg: ēlpízomen (v.21)

Q         NISA (bil-Grieg: gynaikés) – XI WĦUD (bil-Grieg: tines) – TAGĦNA (bil-Grieg: ex ħemōn) – QABAR (bil-Grieg: mnēmeion) – MA SABUHX (bil-Grieg: me ħeurousai) – ĠEW JGĦIDU (bil-Grieg: ēlthon) – RAW (bil-Grieg: ħeōrakénai) (vv.22-23)

             QALULHOM LI HU ĦAJ (bil-Grieg: légousin autòn zēn)  (v.23)

Q’        MARRU (bil-Grieg: apēlthón) – XI WĦUD (bil-Grieg: tines) – TAGĦNA (bil-Grieg: tōn syn ħēmin)  – IL-QABAR (bil-Grieg: mnēmeion)
              – SABU (bil-Grieg: ħeuron) – NISA (bil-Grieg: gynaikes)
              – KIF KIENU QALU (bil-Grieg: eipon) – MA RAWHX (bil-Grieg: autòn ouk eidon (v.24)

P’         Id-delużjoni ta’ Ġesù: tqal biex temmnu … (Bil-Grieg: bradeis tē(i) kardía(i) tou pisteύein)  (v.25)

O’        ibati (Bil-Grieg: pathein) (v.26)

N’        PROFETI (Bil-Grieg: prophētōn) – IFISSRILHOM (Bil-Grieg: diermēneusen autois) (v.27)

M’       LI KIEN HEMM FUQU (Bil-Grieg: perì ħeautou) (v.27)

L’         l-impressjoni li kien se jibqa’ sejjer ’il bogħod (v.28)

K’         vjolenza (stedina) u waqfa (v.29)

J’          ** infetħulhom (bil-Grieg: diēnoíchthēsan) – GĦAJNEJHOM (bil-Grieg:  opthalmoi) – GĦARFUH (bil-Grieg: epégnōsan autòn) (v.31)
            ** U ĠARA … (bil-Grieg: kai egéneto) (v.30).

I’          HU NNIFSU (bil-Grieg: autòs) – GĦAB (bil-Grieg: áphantos) – MINN QUDDIEMHOM (bil-Grieg:  ap’ autōn) (v.31).

H’        BDEW JGĦIDU (bil-Grieg: eipan) – WIEĦED LILL-IEĦOR (bil-Grieg: pros allēlous) (v.32).

G’        REĠGĦU LURA (bil-Grieg: hypéstrepsan) – LEJN ĠERUSLEMM (bil-Grieg: eis Ierousalēm)(v.33).

L-Eeseġeżi Tat-Test

Nota Kronoloġika

L-istorja tad-dixxipli ta’ Għemmaws tibda fil-vers 13 b’nota tipika ta’ San Luqa “U araw” (bil-Grieg: kai idou).[70] Din in-nota tiġi tradotta fit-traduzzjoni tal-Għaqda Biblika Maltija, bil-kelma “ġara” għalkemm il-Bibbja Saydon tħalli dak li jikteb San Luqa “u ara.”L-espressjoni bil-Grieg kai idou hawnhekk tagħmel parti mill-istil ta’ San Luqa fuq l-imitazzjoni tas-LXX. L-istorja mbagħad tipprovdi nota kronoloġika: “Dakinhar stess …”[71] li permezz tagħha l-Evanġelista San Luqa jeħodna għall-istess jum meta nstab il-qabar vojt f’“l-ewwel jum tal-ġimgħa,”[72] in-nota li biha jiftaħ il-kapitlu 24.[73] San Luqa jgħaqqad din in-nota kronoloġika mal-ewwel vjaġġ li żewġ dixxipli kienu qed jagħmlu minn Ġerusalemm “lejn raħal jismu Għemmaws.”[74] Dan narawh ukoll fil-vv.22-24 fejn iż-żewġ dixxipli jiġbru fil-qosor f’dak li jirrappurtaw il-ġrajjiet rakkuntati fil-vv.1-12, hekk kif l-aħħar vers tar-rakkont, il-vers 35 jiġbor fil-qosor l-esperjenza personali ta’ dawn iż-żewġ dixxipli fit-transizzjoni tal-episodju li jsegwi. L-episodju jagħti indikazzjonijiet oħra tal-ħin jew żmien bħal fil-vers 33 fejn naqraw: “Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm.” B’dan il-mod, l-evanġelista jagħmel żgur li l-qarrej jifhem li l-ġrajjiet kollha f’dan l-aħħar kapitlu seħħew fi żmien 24 siegħa.

Kuntrast simetriku

Ir-rakkont nistgħu nifhmuh fi prospettiva ta’ binja ta’ kuntrast simetriku li jsegwi moviment doppju. Fl-ewwel parti li twassal  sal-vers 24 tiġbor fiha separazzjoni u diviżjoni: iż-żewġ dixxipli jitbiegħdu mhux biss minn Ġerusalemm, il-post fejn iseħħ il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt, imma wkoll minn sħabhom id-dixxipli. Dawn iż-żewġ dixxipli huma mifruda wkoll fihom infushom għall-fatt li mhux biss ma jagħrfux lil Ġesù li ltaqa’ magħhom fit-triq imma wkoll minħabba li ma fehmux il-ġrajjiet tas-salvazzjoni kif kellhom iseħħu. B’dan il-mod, dawn id-dixxipli huma ppreżentati bħala persuni mdejqa u diżappuntati.

Kollox jinqaleb ta’ taħt fuq mill-vers 25 fejn Ġesù jsir is-suġġett tal-azzjonijiet u jieħu kontroll tas-sitwazzjoni: hu Ġesù li jispjega dak li kien ġara lil “Ġesù ta’ Nazaret” fid-dawl tal-Iskrittura. Imbagħad, hu jassumi r-rwol tas-sid li jilqa’  lil dawn il-vjaġġaturi fid-dar bil-ġest tal-“qsim tal-ħobż.” Hekk “id-distanzi” jitħassru kollha: id-dixxipli jagħrfu lil Ġesù, il-qalb tad-dixxipli “imkebbsa” twassal biex dawn jirritornaw Ġerusalemm fil-komunità tad-dixxipli minn fejn kienu telqu.

L-episodju hu mibni fuq żewġ vjaġġi f’direzzjonijiet opposti: l-ewwel vjaġġ ħa liż-żewġ dixxipli minn Ġerusalemm għal Għemmaws u t-tieni vjaġġ jieħu l-istess dixxipli fid-direzzjoni opposta minn Għemmaws għal Ġerusalemm. Żgur li t-tema tal-vjaġġ hi waħda importanti fit-teoloġija ta’ San Luqa. Il-motif tal-vjaġġ diġà evidenti bi prominenza kbira fir-rakkonti tat-twelid u tal-infanzja ta’ Ġesù[75] jikseb dawl ġdid minn 9:51 fejn dan l-Evanġelista b’mod konxju jippreżentalna lil Ġesù fi triqtu lejn Ġerusalemm.[76] “Il-parabboli ta’ Ġesù wkoll spiss jiddeskrivu itinerarju: l-iben il-ħali; is-samaritan it-tajjeb … il-missjoni tal-appostli kellha tkun itinerarju minn Ġerusalemm għat-truf kollha tal-art, b’mod li ‘it-triq’ kellu jsir l-isem li bih jissejħu l-ewlenin insara. Għal San Luqa, id-dixxiplu ta’ Ġesù hu qabel xejn, ‘sieħeb tal-vjaġġ.’”[77]

It-tema tal-vjaġġ

It-tema tal-vjaġġ fir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws hi mmarkata b’serje ta’ verbi li juża l-Evanġelista u li lkoll juru moviment jew spostamenti:[78] “sejrin”;[79] “resaq lejhom”;[80]  “baqa’ miexi”;[81] “intom u miexja”;[82] “qorbu”;[83]  “fejn kienu sejrin”;[84] “jibqa’ sejjer”;[85] “fit-triq”;[86] “qamu u reġgħu lura”;[87] “fit-triq.”[88] Ma’ dawn inżidu wkoll il-verbi marbuta mal-vjaġġ fir-rappurtaġġ taż-żewġ dixxipli lill-vjaġġatur: “marru.”[89]

Forsi f’dan il-punt tal-istorja tajjeb nistaqsu għaliex dawn iż-żewġ dixxipli telqu lil Ġerusalemm. Joachim Jeremias iżomm li ż-żewġ dixxipli li jissemmew f’dan l-episodju ta’ Għemmaws aktarx li kienu qed jirritornaw id-dar wara li kienu ċċelebraw il-festa tal-Għid.[90] Il-fatt iżda li dawn iż-żewġ dixxipli kienu qed jitilqu minn Ġerusalemm ifisser li huma kienu qed imorru direttament kontra l-ordni ta’ Kristu Rxoxt lid-dixxipli biex ma jitilqux minn din il-Belt sakemm jirċievu l-Ispirtu.[91] It-tluq ta’ dawn iż-żewġ dixxipli mela jimmarka l-bidu ta’ qasma ’l bogħod mit-tama li kien tahom Ġesù.[92]

Il-lokalizazzjoni ta’ Għemmaws

Il-lokalizazzjoni tad-destinazzjoni Għemmaws tidher li mhix ivvintata minn San Luqa.[93] L-Evanġelista li jagħtina d-distanza ta’ dan il-vjaġġ jagħmel dan b’mod preċiż. Hu ma jiktibx li d-distanza bejn Ġersusalemm u Għemmaws kienet “madwar 60 stadju,” jew “xi” kif naqraw fit-traduzzjoni tal-Għaqda Biblika Maltija, iżda sempliċiment “sittin stadju,” (bil-Grieg: stadious heksēkonta).[94] Tlieta huma l-postijiet ewlenin suġġeriti għal “Għemmaws” li jsemmi San Luqa hawnhekk.

Ammaous, magħrufa diġà minn żmien il-Makkabin[95] u li tissemma wkoll minn Ġużeppi Flavju.[96] Fis-sena 223 WK, l-isem ta’ dan il-post inbidel għal Nicopolis.[97] L-isem modern ta’ dan ir-raħal hu ‘Amwas, l-isem Għarbi għall-forma Griega Emmaous, qrib Latrun.[98] Id-distanza twila ta’ dan il-post minn Ġerusalemm toħloq diffikultà sabiex nidentifikaw dan il-post bħala r-raħal li jsemmi San Luqa.

It-tieni post suġġerit hu Emmaous imsemmi minn Ġużeppi Flavju bħala post “30 stadju” bogħod minn Ġerusalemm.[99] Fi żminijiet aktar reċenti dan il-post beda jissejjaħ Kuloniyeh sakemm inqered fil-ġlied tal-1948.[100] Id-diffikultà hawnehkk hi d-distanza li prattikament hi biss in-nofs ta’ dik mogħtija minn San Luqa.[101] Benoit jissuġġerixxi li San Luqa b’mod żbaljat ta d-distanza għall-vjaġġ minn Ġerusalemm għal Għemmaws u lura.[102]

It-tielet, sa minn żmien il-Kruċjati l-villaġġ ta’ el-Qubeibeh, madwar 63 stadju minn Ġerusalemm fit-triq ta’ Lydda, ġie identifikat bħala Għemmaws li jsemmi San Luqa. Xi Għarab moderni, għalkemm mhux aktar kmieni mis-seklu 20, jirreferu għal dan il-villaġġ bħala ‘Amwas. Għalkemm dan il-post hu qrib is-60 stadju li jsemmi San Luqa, hu ma kienx magħruf fis-Seklu 1 WK.[103]

Minbarra d-diffikultà li hemm biex nagħżlu liema wieħed minn dawn it-tliet postijiet seta’ kien il-post li jsemmi San Luqa, hemm ukoll il-problema tad-distanza bejn Ġerusalemm u Għemmaws. Filwaqt li numru ta’ manuskritti jagħtu d-distanza ta’ “60 stadju,” manuskritti oħra u xi Missirijiet tal-Knisja bħal Ewsebju, Ġilormu, Sozomen jagħtu distanza differenti ta’ “mija u sittin stadju” (bil-Grieg: stadious ħekanton ħeksēkonta).[104] Jekk stadju jikkorrispondi għal 185  metru, 60 stadju jikkorrispondu għal madwar ħdax-il kilometru, filwaqt li 160 stadju jikkorrispondu għal madwar 30 kilometru.[105] Jista’ jkun li din id-distanza ta’ 160  stadju daħlet maż-żmien sabiex jiġi identifikat Nicopolis bħala l-Għemmaws ta’ San Luqa.[106] Jekk inhu hekk, il-qari varjant hu emenda ta’ korruzzjoni testwali primittiva.

Għalkemm m’għandniex il-possibbiltà li nkunu ċerti mill-post eżatt ta’ dan ir-raħal li lejh dawn iż-żewġ dixxipli kienu mexjin, meta nqisu l-problemi testwali u l-possibilitajiet ta’ identifikazzjoni, kif ukoll il-problema li kellu San Luqa dwar il-ġeografija tal-Palestina, ir-raġuni l-għala dan l-Evanġelista jsemmi dan il-post tidher biss li hi intenzjonata sabiex iżżomm il-ġrajja fil-viċinanza ta’ Ġerusalemm.[107] Hemm jiftaħ dan l-evanġelju, eżattament fit-Tempju ta’ Ġerusalemm u hemm jagħlaq fl-istess post. Il-belt il-qaddisa hi tassew l-epiċentru taż-żjara ta’ Alla, il-post li lejh Ġesù dawwar wiċċu f’mixja twila[108] u li wasslitu għall-“eżodu”[109] tiegħu. Mhuwiex possibli li profeta jmut barra Ġerusalemm.

Dan ifisser li l-post eżatt ta’ Għemmaws, li tant studjużi ppruvaw jiddentifikaw hu biss ta’ interess periferiku.[110] Fid-dawl ta’ dan, Bruno Chenu jikkonkludi li Għemmaws hu l-villaġġ li “ma jinstab imkien.”[111] Id-destinazzjoni vera ta’ dawn iż-żewġ dixxipli kienet tikkonsisti filli jiskopru mill-ġdid it-tifsira tal-punt tat-tluq tagħhom: Ġerusalemm. “Hekk kif il-vjaġġ ġeografiku jimxi minn Ġerusalemm għal Ġerusalemm, il-vjaġġ ġenwin jimxi mid-desolazzjoni għat-tama, mill-għamad għal dawl tal-għarfien, minn taħwid (għal wieħed li bih id-dixxipli) jifhmu, mill-mewt għall-ħajja. Fil-ġrajja ta’ Għemmaws id-destinazzjoni vera tad-dixxipli hi li jifhmu li l-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù jimmarkaw il-milja tat-tama.”[112]

Il-belt antika ta’ Ġerusalemm

Id-diskussjoni tad-dixxipli

Wara li San Luqa jinfurmana li dawn iż-żewġ dixxipli kienu fi triqthom lejn Għemmaws hu jżid li fit-triq kienu qed “jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara.”[113]  Il-verb bil-Grieg li juża l-evanġelista hawnhekk għal “jitħaddtu” hu ħomileō li jerġa’ jużah fil-vers ta’ wara, il-vers 15.[114] L-użu tal-imperfett għall-verb “jitħaddtu” hawnhekk  jindika li din id-diskussjoni kienet waħda fit-tul u kontinwa. Fit-triq, id-dixxipli kienu qed jitħaddtu “fuq kulma (bil-Grieg: peri pantōn)[115] kien ġara (bil-Grieg: symbebēkótōn).”[116] Il-kontenut tad-diskussjoni bejn iż-żewġ dixxipli hu speċifikat fil-versi 19 sa 24 meta huma jispjegaw lill-vjaġġatur dak li kien għadda minn Ġesù ta’ Nazaret fil-passjoni, il-mewt u s-sejba tal-qabar vojt.

(U ġara) li huma u jitħaddtu u jitkixfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh (vv.15-16).

Nieqsa mit-traduzzjoni tal-Għaqda Biblika Maltija hi l-ewwel frażi li biha fit-test Grieg San Luqa jiftaħ il-vers 15: kai egeneto – bil-Malti “U ġara.”[117] Imbagħad l-Evanġelista juża żewġ verbi biex jiddeskrivi l-konverżazzjoni ta’ bejn dawn iż-żewġ dixxipli (bil-Grieg: ħomilein autous kai syzētein) li l-Għaqda Biblika Maltija ttraduċithom hekk: “jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom” filwaqt li l-Bibbja Saydon tittraduċi: “jitħaddtu u jistħarrġu bejniethom.” Huma diversi t-traduzzjonijiet tat-tieni verb bil-Grieg syzētein li San Luqa diġà użah f’22:23 fir-rakkont tal-Aħħar Ċena meta wara li Ġesù ħabbar it-tradiment ta’ wieħed mid-dixxipli, dawn “bdew jistaqsu lil xulxin min minnhom kien se jagħmel dan.”

Il-vjaġġatur

Hu f’dan il-punt tan-narrattiva fejn San Luqa jintroduċi personaġġ ġdid fl-istorja. “Ġesù nnifsu” (bil-Grieg: autòs Iesous).[118] L-użu tal-kelma “innifsu” tenfasizza l-mod enfatiku li bih l-evanġelista jintroduċi lil Kristu Rxoxt li resaq lejn dawn iż-żewġ dixxipli “u baqa’ miexi magħhom.”[119] L-evanġelista jagħtina l-impressjoni li bħaż-żewġ dixxipli, dan il-vjaġġatur kien qed jitbiegħed minn Ġerusalemm fi triqtu lejn xi mkien ieħor wara l-festa tal-Għid, kif jissuġġerixxi l-vers 28 meta dan il-vjaġġatur “għamel tabirruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ’il bogħod.”

Il-qarrej iżda jaf dak li dawn iż-żewġ dixxipli ma jafux: il-personaġġ ġdid li daħal fix-xena mhuwiex sempliċiment vjaġġatur, imma Ġesù nnifsu! B’dan il-mod, l-evanġelista joħloq tensjoni “drammatika” li tissolva fl-aħħar tal-episodju meta dawn iż-żewġ dixxipli jagħrfu l-identità vera ta’ dan il-vjaġġatur li “resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.”[120]

Iż-żjara ta’ Alla f’Ibnu Ġesù

Ninnutaw hawnhekk l-użu ta’ żewġ verbi importanti li s-suġġett tagħhom hu Ġesù nnifsu: “resaq” (bil-Grieg: engísas) u “baqa’ miexi” (bil-Grieg: syneporeύeto autois). Il-verb “resaq lejhom” hu familjari għal San Luqa.[121] Dan l-evanġelista juża dan l-istess verb biex jesprimi moviment gradwali li wassal għall-mewt u l-qawmien ta’ Ġesù. Dan narawh mill-fatt li dan l-istess verb hu ripetut għal tliet darbiet fl-aħħar fażi tal-vjaġġ ta’ Ġesù f’Ġerusalemm.[122]

L-istorja tar-rivelazzjoni spiss hi ppreżenata bħala serje ta’ żjarat min-naħa tal-Mulej lejn il-poplu tiegħu fi żminijiet partikulari. Id-distanza u s-separazzjoni kbira bejn Alla u l-bniedem tingħeleb permezz tal-użu tal-lingwaġġ konvenzjonali użat għal dawn iż-żjarat li jesprimi t-tifsira ta’ kull żjara ta’ Alla lill-bniedem. B’dan il-mod, kull żjara ta’ Alla kif deskritta fil-paġni tal-Kotba Mqaddsa, nistgħu nqisuha bħala sinjal viżibbli tal-pjan divin li bih il-Mulej Alla juri l-imħabba u l-ġustizzja tiegħu, u allura bħala għan aħħari tas-salvazzjoni għall-bniedem.

San Luqa jaddotta dan il-kunċett taż-żjara ta’ Alla kif inhu espress fit-Testment il-Qadim sabiex jitkellem fuq kif is-salvazzjoni ta’ Alla li issa kienet preżenti fost il-bnedmin permezz tal-persuna ta’ Ġesù.[123] L-idea kollha tas-salvazzjoni tipprovdi ċ-ċavetta għat-teoloġija ta’ Luqa-Atti.[124] Diġà fir-rakkonti tat-twelid ta’ Ġesù, San Luqa jitkellem miż-żjara ta’ Alla bħala ż-żmien ta’ salvazzjoni. Hekk ikanta Żakkarija fit-twelid ta’ ibnu Ġwanni: “Imbierek il-Mulej, Alla ta’ Iżrael, għaliex ġie jżur (bil-Grieg: epesképsato) u jifdi (bil-Grieg: lytrōsin) l-poplu tiegħu.”[125] Din l-istqarrija San Luqa jirrepetiha f’19:10 meta fid-dar ta’ Żakkew, Ġesù jiġbor fil-qosor il-missjoni tiegħu b’dan il-mod: “Għax Bin il-bniedem ġie jfittex u jsalva l-mitluf.” L-istess evanġelista jurina wkoll kif fil-ħafna mirakli li kien qed jagħmel Ġesù, in-nies għarfu ż-żjara ta’ Alla fosthom: “‘Profeta kbir qam fostna,’ u ‘Alla żar (bil-Grieg: epesképsato) il-poplu tiegħu.’”[126]

San Luqa jurina wkoll li din is-salvazzjoni li Ġesù ġab miegħu hi ħafna drabi marbuta ma’ ikliet jew ġesti ta’ ospitailtà, sinjal tat-twettiq messjaniku tal-missjoni ta’ Ġesù,[127] kif ukoll antiċipazzjoni tal-ikla messjanika meta popli mill-erbat irjieħ tad-dinja “jiġu mil-Lvant u mill-Punent, mit-Tramuntana u min-Nofsinhar u joqogħdu għall-mejda fis-Saltna ta’ Alla.”[128] Hu b’dan l-isfond f’moħħna li rridu nippruvaw naqraw id-dettall li San Luqa jinserixxi f’Lq 24:15 bħala parti mill-episodju tad-dixxipli ta’ Għemmaws meta naqraw li “Ġesu nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.”

Il-Mulej jew forsi aħjar Kristu Rxoxt, kien qed iżur lil dawn iż-żewġ dixxipli f’din il-mixja ta’ diżappunt tagħhom biex jagħtihom “is-salvazzjoni” tiegħu fl-aħbar li hu kien tassew ħaj. Għalkemm iżda Ġesù issa kien preżenti u miexi ma’ dawn id-dixxipli, hu kien għadu mhuwiex preżenti għalihom bħala “il-Mulej,” imma biss bħala “vjaġġatur” u “barrani”[129] li ngħaqad magħhom fil-vjaġġ tagħhom “u baqa’ miexi magħhom.”[130]

L-użu ta’ dan it-tieni verb fil-vers 15 “baqa’ miexi magħhom” (bil-Grieg: syneporeueto autois) hu l-istess wieħed li San Luqa juża f’7:11 fil-bidu tal-episodju tal-armla ta’ Najn fejn naqraw: “Imbagħad mar f’belt jisimha Najn, u marru miegħu (bil-Grieg: syneporeuonto) d-dixxipli tiegħu u kotra kbira ta’ nies.” Hu f’din il-mixja maż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws li Ġesù, bil-mod il-mod, jirrivela lilu nnifsu b’mod li San Luqa jurina li “aħna komunità li ninsabu f’mixja.”[131]

L-għajnejn magħluqin

Numru ta’ kummentarju jaqblu li r-raġuni l-għala ż-żewġ dixxipli ma għarfux lil Ġesù hi waħda divina. L-użu grammatikali tal-verb fil-passiv użat fil-v.16 għall-għajnejn tad-dixxipli li “kellhom xi jżommhom (bil-Grieg: ekratounto),” fil-Grieg bibliku jesprimi azzjoni magħmula mill-Mulej Alla stess. F’dan il-każ mela, kien il-Mulej Alla nnifsu li ried li dawn id-dixxipli ma jagħrfux l-identità ta’ dan il-vjaġġatur li ltaqa’ magħhom fit-triq.[132] Xi kummentarji oħra iżda ma jeskludux li din l-azzjoni kienet ġejja mix-xitan.[133] Ikollna nistennew sal-ġest tal-qsim tal-ħobż biex l-għajnejn miżmuma ta’ dawn iż-żewġ dixxipli jinfetħu u jagħrfu lil Kristu Rxoxt. Għalissa iżda f’din il-fażi tal-istorja, naqraw li ż-żewġ dixxipli “ma setgħux jagħrfuh (bil-Grieg: mē epignōnai).”[134] 

Il-fatt li d-dixxipli ma setgħux jagħrfu lil Ġesù m’għandux iwassalna biex naħsbu li Ġesù deher f’xi “forma oħra” kif naqraw fit-tmiem tal-Evanġelju skont San Mark: “Wara dan, wera ruħu taħt sura oħra (bil-Grieg: en ħetera(i) morphē(i))lil tnejn minnhom huma u sejrin bil-mixi lejn ir-raba’.”[135] Filwaqt li ngħidu dan, irridu nfakkru f’dak li għedna meta tkellimna fuq il-motif li jgħaqqad il-mod kif San Luqa jirrakkonta l-ġrajja ta’ Għemmaws ma’ stejjer Griegi-Rumani ta’ allat li jidhru f’forma umana li ma jintagħrfux mill-ewwel. Dan il-motif ta’ Kristu Rxoxt li ma jintagħrafx mill-ewwel mill-persuni li lilhom jidher hu ripetut f’episodji oħra li nsibu fl-evanġelju skont San Ġwann. Marija ta’ Magdala fixklet lil Kristu Rxoxt mal-“ġardinar” sakemm dan sejħilha b’isimha u mbagħad għarfitu bħala l-Imgħallem li hi kienet qed tfittex b’tant ħerqa.[136] Hekk ukoll is-seba’ dixxipli li marru jistadu, “ma kinux jafu li kien Ġesù”[137] ir-raġel li raw ħdejn il-baħar ta’ Tiberija.

San Luqa bħall-evanġelista San Ġwann joħloq sitwazzjoni ta’ suspensegħall-qarrej: meta u kif id-dixxipli se jaslu biex jagħrfu l-identità vera ta’ dan il-vjaġġatur? F’dan kollu xi studjużi jiġbdu l-attenzjoni għar-referenza tal-ftuħ tal-għajnejn ta’ Adam u Eva bħala l-ewwel espressjoni użata wara l-waqgħa tagħhom fid-dnub.[138] Min-naħa l-oħra, il-ftuħ ta’ għajnejn id-dixxipli ta’ Għemmaws se tkun ukoll l-ewwel espressjoni li l-Evanġelista San Luqa juża bħala ġest li jirrifletti l-grazzja ta’ Alla għall-bniedem “fl-ewwel jum tal-ġimgħa.”[139] Mhux biss, imma l-ħobż bħala ikel fuq il-mejda fid-dar ta’ Għemmaws, fejn issa kien hemm id-dixxipli fil-preżenza ta’ Kristu Rxoxt, hu l-maqlub tal-ikel tal-frott tas-siġra li waqqa’ fid-dnub lil Adam u Eva.[140]

U hu qalilhom: ‘X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?’ U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom v.17.

Il-ħarsa ta’ niket

Hu l-vjaġġatur/Kristu Rxoxt li jiftaħ id-diskussjoni ma’ dawn iż-żewġ dixxipli tiegħu billi jistaqsihom fuq hiex kienu qed jitkellmu. Litteralment it-traduzzjoni tat-test Grieg tínes ħoi lógoi ħoutoi hija: “X’inhuma dawn il-kliem?” It-tweġiba għal din il-mistoqsija kellha tikkonċentra fuq l-istess persuna ta’ Ġesù li dawn iż-żewġ dixxipli ma setgħux jagħrfu. B’dan il-mod, f’din il-mistoqsija li jagħmlilhom Ġesù, San Luqa jorbot il-ġrajjiet li kienu għadhom kemm ġraw mat-tema tal-vjaġġ.

Imma qabel ma San Luqa jirrapporta t-tweġiba ta’ dawn iż-żewġ dixxipli, hu jagħtina l-qagħda tagħhom ta’ niket. L-espressjoni bil-Grieg: skythropoi hija tradotta bil-Malti: “b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom.”[141] Il-ħarsa ta’ wiċċhom kienet tikxef dak li kien hemm f’qalbhom kif naqraw aktar tard fil-v.25 meta Ġesù jgħidilhom: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti!” Dawn iż-żewġ dixxipli kien jonqoshom il-ferħ li kebbes qalb id-dixxipli l-oħra kif naqraw fin-nota li biha jagħlaq l-Evanġelju skont San Luqa: “U mimlijin b’ferħ kbir reġgħu lura lejn Ġerusalemm, u qagħdu l-ħin kollu fit-tempju jbierku lil Alla.”[142] La l-aħbar tal-qabar vojt u lanqas il-kliem tan-nisa li wasslulhom il-messaġġ tal-anġli ma biddel f’ferħ u t-tama n-niket li ħakem lil dawn id-dixxipli.

Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” (v.18).

Kleofa u d-dixxiplu l-ieħor/l-oħra

Nistgħu ngħidu li ż-żewġ dixxipli li jissemmew f’dan l-episodju huma parti minn grupp akbar ta’ dixxipli li jissemmew fil-v.9 meta n-nisa marru jagħtu l-aħbar tal-qabar vojt “lill-Ħdax u lill-oħrajn kollha,” imma dawn m’emmnux dak li qalu n-nisa. Dan nistgħu naslu għalih minħabba li Kleofa mhuwiex wieħed mill-Ħdax-il-Appostlu li jissemmew fil- v.10,[143] u għall-fatt li fil-v.33 iż-żewġ dixxipli marru lura Ġerusalemm għand “il-Ħdax.” Il-fatt li San Luqa jippreżenta biss “żewġ” dixxipli ma jidhirx li hu dettall aċċidentali. San Luqa spiss juża n-numru tnejn fil-każ tax-xhieda: ħdejn il-qabar ta’ Ġesù nsibu “żewġ irġiel” li jħabbru l-qawmien ta’ Kristu.[144] Hekk ukoll jiġri fil-waqt tat-tlugħ is-sema ta’ Ġesù.[145] Fil-waqt tat-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù nsibu żewġ xhieda oħra: lil Mosè u Elija.[146] Meta Ġesù bagħat lit-72 dixxiplu, bagħathom tnejn tnejn,[147] skont dak li kienet titlob il-liġi Lhudija fir-rigward tax-xhieda.

L-ikonografija nisranija donnu li dejjem qieset lil dawn it-tnejn bħala dixxipli rġiel. Il-grammatika tat-test iżda filwaqt li tuża l-maskil fil-plural matul ir-rakkont kollu, tista’ tindika referenza għal raġel u mara, possibbiltà ta’ raġel u martu, li jista’ jkun kienu sejrin fid-dar taghhom. Brendan Byrne, iżda jagħmel argument kontra li d-dixxiplu anonimu kien mara meta jikteb: “Aktar tard (v.18) insiru nafu li l-isem ta’ wieħed minnhom – Kleofa: l-ieħor jibqa’ mhux identifikat. Li dan hu wkoll dixxiplu raġel hu impliċitu fil-kuntrast ma’ ‘xi nisa’ fil-v.22. Dawn iż-żewġ dixxipli jappartjenu lil dan il-grupp kbir ta’ dixxipli rġiel li baqgħu jirrifjutaw li jemmnu r-rapport tan-nisa (ara v.11). Ġesù jċanfarhom (v.25) minħabba dan. Jekk id-dixxiplu bla isem kienet mara, il-kuntrast bejn it-tweġiba tal-mara u dik tal-irġiel kien jintilef. Jiena naħseb li Luqa ried joħroġ dan il-kuntrast – favur in-nisa … dawn tal-aħħar joħorġu bħala persuni aktar kredibbli mill-irġiel fir-rakkonti tal-qawmien li jagħtina San Luqa.”[148]

Il-fatt li fl-evanġelju Kleofa jissemma hawn biss, iġagħalna nistaqsu jekk dan huwiex dak li martu hi msemmija fir-rakkont tal-passjoni tar-Raba’ Evanġelju: “Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala.”[149] Kummentarji oħra iżda jżommu li Kloefa li jissemma fir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws m’għandu xejn x’jaqsam ma’ Kleofa li jissemma fi Ġw 19:25, minħabba li l-isem ta’ dan tal-aħħar hu fil-forma Griega ta’ isem Semitiku.[150] Jista’ jkun iżda li Kleofa jissemma b’ismu f’Lq 24 minħabba li dan il-personaġġ kien magħruf biżżejjed fil-knisja ta’ San Luqa.[151]

Fir-rigward tad-dixxiplu bla isem, kienu bosta dawk li ppruvaw jiddentifikawh. Hawn min ippropona li d-dixxiplu bla isem li kien miexi ma’ Kleofa hu l-mara ta’ Kleofa jew iben Kleofa.[152] Sa minn żmien Oriġine[153] saru diversi attentati sabiex jiddentifikaw il-kumpann ta’ Kleofa bħala Pietru.[154] Dan iżda ma jidhirx li hu l-każ minħabba li fil-v.34 naqraw  kif id-dixxipli l-oħra jgħidu lil dawn iż-żewġ dixxipli: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun.” Fi tradizzjoni oħra aktar tardiva sar attentat biex id-dixxiplu bla isem jissemma bl-isem ta’ Emmaous.[155] Ewsebju minn Ċesarija imbagħad jagħmel referenza għal tradizzjoni li tgħid li Kleofa kien ħu Ġuzeppi u allura iz-ziju ta’ Ġesù.[156] Dan id-dixxiplu bla isem iżda aktar jidher li qed jirrappreżenta lil kull wieħed u waħda minna.[157] Id-diżappunti tiegħu jirriflettu d-diżappunti tagħna bħala dixxipli ta’ Ġesù kull darba li bħalu naħsbu li Ġesù miet, u allura m’għadux aktar.[158]

Forsi aktar milli noqgħodu nispekulaw dwar l-identità ta’ dawn iż-żewġ dixxipli, ikun aktar jaqblilna jekk nagħrfu kif San Luqa jridna niffukaw aktar fuq l-identità tal-vjaġġatur. Hi din l-identità li Kleofa jipprova jagħraf meta kollu stagħġib jindirizza lill-vjaġġatur bil-mistoqsija: “Inti waħdek il-barrani (bil-Grieg: paroikeis – litteralment: il-viżitatur) f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”[159] L-ironijia f’din il-mistoqsija hi waħda qawwija: dawn iż-żewġ dixxipli jakkużaw lill-vjaġġatur/Kristu Rxoxt li hu ma kienx jaf x’ġara lil Ġesù, meta fil-fatt kienu huma li ma jafux min kien dak li kien qed jistaqsihom. Kleofa ried jinforma lil Ġesù dwar Ġesù meta fil-fatt l-uniku wieħed f’din il-ġrajja li kien “jaf” x’ġara hu dan il-vjaġġatur stess![160] Ma kienx jaf Kleofa li f’dak il-ħin kien qed iseħħ kliem Ġesù stess meta qal: “Fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jiena f’nofshom.”[161]

Prospettivi differenti tal-ġrajja ta’ Ġesù

Xi ħaġa oħra li rridu ninnutaw hu l-mod tassew sottili li bih l-evanġelista jippreżentalna żewġ perspettivi differenti minn xulxin dwar il-ġrajjiet li kienu għadhom kemm seħħew: min-naħa hemm il-perspettiva tad-dixxipli u min-naħa l-oħra hemm dik ta’ Ġesù. Kleofa jkellem lill-vjaġġatur dwar dak li “ġara hemmhekk f’dawn il-jiem.”[162] F’kelma oħra, Kleofa jagħti l-interpretazzjoni tiegħu dwar dak li ġara lil Ġesù mill-perspettiva tiegħu. Dan narawh mill-versi 19 sa 24. Min-naħa l-oħra, il-perspettiva tad-dixxipli fuq dak li ġara lil Ġesù tħejjina għall-perspettiva ta’ Ġesù fuq l-istess ġrajjiet li tvarja ħafna minn dik ta’ dawn iż-żewġ dixxipli.

‘X’ġara?’ staqsiehom Ġesù. Qalulu: ‘Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu. Kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh’ (vv.19-20).

Il-Kristoloġija taż-żewġ dixxipli

Jekk dawn iż-żewġ dixxipli kienu tilfu t-tama, żgur iżda li ma kinux tilfu l-memorja ta’ dak li kien ġara. Dan narawh mill-mod kif huma jirrakkuntaw lill-vjaġġatur dak li kien “ġara lil Ġesù ta’ Nazaret” permezz ta’ tliet elementi li jiddefinixxu il-Kristoloġija tagħhom: (i) it-titlu ta’ “Ġesù ta’ Nazaret”; (ii) l-identità u l-ħidma ta’ dak li kien iġib it-titlu ta’ “profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem”; (iii) iż-żewġ xhieda għal min iġib it-titlu “quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu.” Iż-żewġ dixxipli mela jwieġbu lill-vjaġġatur/Kristu Rxoxt bi kliem li jidher li kien jirrifletti l-ewwel kérygma dwar “dak li ġara” lil Ġesù ta’ Nazaret.

San Luqa juża t-titlu ta’ “Ġesù ta’ Nazaret” pjuttost bħala terminu tekniku.[163] Dan it-titlu jintuża f’rabta mal-attività tal-mirakli ta’ Ġesù: fil-konfront ta’ Ġesù ma’ spirtu ħażin f’4:34 u fl-episodju tal-agħma ta’ Ġeriko f’18:37. B’xi mod, nistgħu ninkludu wkoll is-sejħa profetika proklamata fis-sinagoga ta’ Nazaret f’4:16-30[164] li tikkonċentra wkoll fuq l-aspett ta’ fejqan f’rabta ma’ dan it-titlu. L-istess idea nsibuha wkoll fl-Atti fejn it-titlu “Ġesù ta’ Nazaret” jintuża sitt darbiet, b’mod li dan it-titlu jesprimi l-karattru messjaniku tal-ministeru ta’ Ġesù.[165]

Il-Profeta

It-tieni titlu li Kleofa jagħti lil Ġesù hu dak ta’ “profeta.” Din l-affermazzjoni hi waħda korretta għal San Luqa imma mhux biżżejjed. Dan l-evanġelista diġà applika t-titlu ta’ profeta għal Ġesù f’numru ta’ episodji.[166] Ġesù iżda hu xi ħadd aktar minn profeta. Fil-bidu tal-ministeru tiegħu San Luqa jimmarka l-missjoni profetika ta’ Ġesù bħala waħda mogħnija mill-qawwa tal-Ispirtu[167] u f’oppożizzjoni għax-xitan.[168] Sa minn kmieni ħafna fin-narrattiva tiegħu, San Luqa jurina għalhekk il-qawwa tal-ministeru ta’ Ġesù “fl-għemil u l-kliem.” Dan il-fatt ma jnaqqas xejn mill-opożizzjoni li Ġesù kellu jaffaċċja, b’mod li huwa stess jiġbor fil-qosor ir-reazzjonijiet kontrih bħala Profeta meta jistqarr: “Tassew ngħidilkom, ebda profeta ma jilqgħuh tajjeb f’pajjiżu.”[169] Aktar tard imbagħad, hu jkompli jispjega li din hi xi ħaġa “neċessarja” għall-profeta: “Madanakollu llum u għada u pitgħada jeħtieġli nissokta t-triq tiegħi, għax ma għandux ikun li profeta jinqered barra minn Ġerusalemm. Ġerusalemm! Ġerusalemm! Int li toqtol il-profeti u tħaġġar il-messaġġiera li jibgħatlek Alla; kemm ridt niġbor lil uliedek bħalma l-qroqqa tiġbor il-flieles tagħha taħt ġwenħajha, u int ma ridtx!”[170]

L-istqarrija ta’ Kleofa tiġbor flimkien il-mod kif dawn id-dixxiplu qiesu lil Ġesù ta’ Nazaret bħala profeta qawwi f’għemilu u kliemu. Dan il-kliem tad-dixxipli ta’ Għemmaws dwar Ġesù li għalihom issa kien mejjet ifakkarna fil-wegħda li kien għamel Mosè f’Dewt 18:15f li għad iqum profeta bħalu qawwi. San Luqa jurina li din il-wegħda seħħet f’Ġesù,[171] b’mod li dan l-istess evanġelista jqis lil Ġesù bħala dak li fih seħħew ukoll it-tamiet messjaniċi għal Iżrael.[172]

Għalhekk, qabel il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, li permezz tiegħu Ġesù wera kemm tassew kien qawwi f’għemilu u kliemu quddiem il-bnedmin, San Luqa jqajjem il-mistoqsija dwar l-identità profetika ta’ Ġesù. Dan jagħmlu permezz ta’ dak li Erodi jistaqsi dwar Ġesù: “Lil Ġwanni qtajtlu rasu; mela min hu dan li fuqu qiegħed nisma’ dan kollu?”[173] Wara dan il-miraklu mbagħad, San Luqa jippreżentalna l-episodju li fih Ġesù jistaqsi lid-dixxipli min jgħidu n-nies li hu. Għal din il-mistoqsija d-dixxipli jwieġbu li Ġesù kien “wieħed mill-profeti tal-imgħoddi.”[174] Din it-tweġiba hi segwita milll-istqarrija ta’ Pietru: “Inti l-Messija ta’ Alla.”[175] Immedjatament wara nsibu l-ewwel tħabbira tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù,[176] u t-Trasfigurazzjoni ta’ Ġesù.[177] Wara dan f’9:37-43 San Luqa jagħtina miraklu ieħor ta’ Ġesù li bih ikompli jurina kif Ġesù kien tassew qawwi f’għemilu u kliemu. Dan il-miraklu hu segwit mit-tieni tħabbira tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù li jagħlaq bin-nota: “Iżda huma ma fehmuhx dan il-kliem.”[178]

Din l-iskema li tistabilixxi lil Ġesù bħala profeta qawwi f’għemilu u kliemu, imma li fl-istess ħin kellu jiġi miċħud, hi parallela mad-diskors ta’ Stiefnu fl-Atti meta dan jitkellem fuq il-ħajja ta’ Mosè li kien “qawwi fi kliemu u għemilu.”[179] Kemm Mosè kif ukoll Ġesù huma żewġ profeti kbar f’għemilhom u kliemhom. Mhux biss, għaliex dawn it-tnejn kellhom ibatu u jiġu miċħuda. Mhux ta’ b’xejn li fl-ispjega tal-Iskrittura, Kristu Rxoxt jibda minn Mosè u l-profeti kollha.[180] “Mosè, bħala l-prototip tal-profeta miċħud, hu ċ-ċavetta għall-misteru tal-passjoni li dalwaqt kellu jiġi mikxuf.”[181] San Luqa mela, jirnexxilu juri lil Ġesù bħala l-profeta/Messija qawwi f’għemilu u fi kliemu, destinat li jiġi miċħud u mogħti għall-mewt, xi ħaġa li d-dixxipli ma setgħux jifhmu.

Din l-inkompressjoni tad-dixxipli hi riflessa f’dak li Kleofa jgħid lill-vjaġġatur fi triq lejn Għemmaws. Fi kliem Kleofa, San Luqa jurina li Ġesù mhux biss kien profeta setgħan f’għemilu u kliemu “quddiem il-poplu kollu” imma wkoll quddiem “Alla.” Dan narawh minn diversi reazzjonijiet li l-evanġelista jinkludi wara xi miraklu li jkun wettaq Ġesù.[182] F’dan kollu toħroġ ċara d-diffikultà tad-dixxipli dwar kif jista’ jkun li Ġesù wera ruħu daqshekk qawwi f’għemilu u kliemu imma madankollu spiċċa maqtul. Dan il-punt joħroġ b’mod tassew sottili mill-użu tal-verb fil-forma grammatikali tal-passat “Kien” – “li kien profeta setgħan ….” Jekk xi darba Ġesù “kien” qawwi f’għemilu u kliemu, issa m’għadux iżjed! Hi din id-diffkultà li twassal għall-kollass tat-tama ta’ dawn id-dixxipli.

Nota ta’ anti-semitiżmu?

Numru ta’ kummentarji jinnutaw il-formulazzjoni attenta li biha San Luqa jirrapporta l-kliem ta’ Kleofa dwar il-mewt ta’ Ġesù fil-vers 20.[183] F’dan il-kliem ma jissemmiex Pilatu u r-Rumani bħala dawk responsabbli għall-mewt ta’ Ġesù. Minflok, ir-responsabbiltà għall-mewt ta’ Ġesù hawnhekk taqa’ fuq il-“qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna.” L-affermazzjoni ta’ dan il-vers tikkorrispondi mal-kumplament tan-narrattiva ta’ San Luqa li tagħmel distinzjoni bejn “il-poplu” li hu favur Ġesù u l-awtoritajiet reliġjużi Lhud li mhux biss fixklu lil Ġesù imma b’xi mod jintwerew bħala dawk responsabbli mill-mewt ta’ Ġesù.[184]

Din il-ħaġa wasslet lil numru ta’ studjużi sabiex isaħħu l-pożizzjoni tagħhom li l-kitba ta’ San Luqa taqa’ fil-kategorija ta’ anti-Semitiżmu.[185] Mhuwiex il-post fejn nidħlu f’din id-diskussjoni twila li tifred l-istudjużi tal-kitbiet ta’ San Luqa. Minflok iżda ninnutaw l-użu tal-verb “tawh f’idejn” fil-vers 20 – bil-Grieg: parédōkan – li fih ħjiel li kienu r-Rumani li finalment kienu responsabbli tal-mewt ta’ Ġesù.[186]

Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tliet ijiem minn dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx! (vv.21-24).

Salvatur

Il-kliem tad-dixxipli jesprimi d-diżappunt tagħhom. Dan il-kliem jidwi dak li naqraw f’Ġer 14:8 fejn il-Mulej innifsu hu msejjaħ “tama ta’ Iżrael, salvatur tiegħu fi żmien il-bżonn.” Kleofa mhux biss jesprimi t-twemmin tiegħu f’Ġesù bħala profeta qawwi f’għemilu u kliemu, imma wkoll bħala dak li kellu “jifdi (bil-Grieg: lytrousthai) lil Iżrael.” Dan kien dak li kienu “jittamaw” (bil-Grieg: ēlpízomen) dawn id-dixxipli. Din it-tama fil-“fidwa” ta’ Iżrael minn Ġesù, San Luqa jħabbarha sa minn kmieni ħafna fin-narrattiva tiegħu.[187] Fit-Testment il-Qadim, il-Mulej Alla hu diġà muri kemm il-darba bħala salvatur jew il-Ħellies ta’ Iżrael.[188] Din it-tama iżda kienet sfat fix-xejn hekk kif issa dawn id-dixxipli jistqarru li kienu diġà “għaddew tlett ijiem minn dawn il-ġrajja!” jiġifieri mill-mewt ta’ Ġesù. Filwaqt li ngħidu dan, irridu nagħrfu li ż-żewġ dixxipli ma jagħtux ġudizzju negattiv fil-konfront ta’ Ġesù li kien xi impustur. F’kelma oħra, għal dawn iż-żewġ dixxipli l-kruċifissjoni ma ħassritx il-ministeru ta’ Ġesù fuq l-art fejn hu kien approvat kemm minn Alla kif ukoll mill-bnedmin.

F’dan kollu naraw kif fl-ewwel parti tal-interpretazzjoni tagħhom dwar l-istorja ta’ Ġesù, id-dixxipli ta’ Għemmaws  jagħtu ġabra fil-qosor tal-ħajja ta’ Ġesù, tal-mewt tiegħu u tat-tama tagħhom bi skema maqsuma fi tliet partijiet:

(i) l-istampa ta’ Ġesù bħala profeta qawwi f’għemilu u kliemu; (ii) il-fatt li Ġesù ġie miċħud u maqtul; (iii) it-tama tagħhom ta’ salvazzjoni li spiċċat fix-xejn. Fil-konversazzjoni fit-triq id-dixxipli jerġgħu jirrakkuntaw l-istorja ta’ Ġesù mill-perspettiva tagħhom. B’dan il-mod, in-narratur jissuġġerixxi lill-qarrejja x’kienet tfisser l-istorja ta’ Ġesù għal dawn id-dixxipli f’dan l-istadju tal-mixja tagħhom bħala dixxipli. Il-mod kif id-dixxipli fehmu l-ġrajja ta’ Ġesù tiċċara aktar bil-mistoqsija ta’ Ġesù u b’hekk il-mod kif id-dixxipli fehmu l-ġrajja ta’ Ġesù jiġi evalwat u kkorreġut fil-vv.25-27.[189] Il-mod kif dawn id-dixxipli jirrakkuntaw dak li għadda minnu Ġesù hu ġabra fil-qosor ta’ dak li San Luqa diġà kiteb f’24:1-12: l-esperjenza tan-nisa ħdejn il-qabar meta ma sabux il-ġisem ta’ Ġesù; iż-żewġ anġli li jħabbru li Ġesù hu ħaj; ir-rappurtaġġ tan-nisa lid-dixxipli; ir-reazzjoni tal-istagħġib meta nstab li l-qabar kien tassew vojt; u l-fatt li ħadd ma ra lil Ġesù.

M’hemmx dubju li l-lingwaġġ u l-istil tal-versi 21b-24 huma dawk ta’ San Luqa, u permezz tar-repetizzjoni  taż-żmien, il-post u l-persunaġġi, San Luqa jerġa’ jsaħħaħ ir-rabta bejn l-episodju ta’ Għemmaws u s-sejba tal-qabar vojt. Aktar minn hekk, mill-mod kif San Luqa jiżviluppa l-argument tiegħu nistgħu naraw kif hu jgħaqqad flimkien f’ġabra fil-qosor il-ministeru u l-mewt ta’ Ġesù (vv.19b-21) ma’ dak li seħħ s’issa fl-ewwel jum tal-ġimgħa (vv.21b-24). Imma f’dan kollu rridu ninnutaw ukoll il-paradoss fil-mod kif id-dixxipli ta’ Għemmaws jirrakkuntaw il-ġrajja ta’ Ġesù. F’dan ir-rakkont tad-dixxipli hemm nieqes jew moħbi il-proklamazzjoni li Kristu Ġesù hu ħaj hekk li San Luqa jurina kif dawn id-dixxipli huma tant qrib imma ’l bogħod fl-istess ħin: huma għandhom l-informazzjoni tal-Għid imma mhux il-fidi tal-Għid.

L-istorja tagħhom tagħlaq fil-v.24 b’deskrizzjoni ta’ x’kienet tassew il-problema tagħhom: “Imma lilu ma rawhx.” Dan il-kliem jissuġġerixxi li li tara lil Kristu Rxoxt tagħmel differenza kbira. Ġesù jaf li li “tara” jeħtieġ issa li jiġi akkumpanjat mill-mod kif nifhmu l-mod li bih il-Mulej Alla kien qed jaħdem il-pjan tiegħu permezz ta’ Messija li kellu jiġi miċħud u gglorifikat kif naqraw fl-Iskrittura.

L-istorja ta’ Ġesù fl-Iskrittura

Dawn iż-żewġ dixxipli ma setgħux jagħmlu progress billi sempliċiment jirrakkuntaw il-ġrajjiet li kienu għadu kemm ġraw. Meta d-dixxipli kienu qed jirrakkuntaw lill-vjaġġatur l-istorja ta’ Ġesù huma fil-fatt kienu qed jirrakkuntaw l-istess ġrajja tagħhom. Bħala dixxipli, dawn iż-żewġ vjaġġaturi sabu l-identità tagħhom f’Ġesù: minħabba f’dak li Ġesù kien għamel u qal, minħabba f’dak li kien, huma raw lilhom infushom bħala “dixxipli” tiegħu. It-tama tagħhom kienet investiment fil-ħelsien li dan il-profeta kellu jġib f’Iżrael.

L-istorja tagħhom għalhekk ma kinitx tittratta l-mewt ta’ Ġesù daqskemm il-mewt tar-relazzjoni tagħhom miegħu. Dik ir-relazzjoni li kienet tathom tama issa kienet spiċċat u mietet; hekk ukoll id-dixxipulat tagħhom. Minħabba f’hekk, iż-żewġ dixxipli jidher li ħassew li issa ma kellhomx għalfejn jibqgħu aktar f’Ġerusalemm. F’dan kollu iżda naraw ukoll li dak li veramant dawn iż-żewġ dixxipli kien jonqoshom kien li jagħrfu li dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret kien it-twettiq ta’ dak li huma stess kienu jittamaw: il-ħelsien ta’ Iżrael. Dan iżda seħħ b’mod differenti minn kif ħasbu huma. Is-salvazzjoni ta’ Ġesù kienet tikkonsisti f’salvazzjoni/ħelsien (bil-Grieg: áphesis)[190] mid-dnub u mhux minn xi ħakma imperjali.

B’mod ġenjuż, San Luqa allura jirrakkonta d-destin ta’ Ġesù radikalment b’mod oppost mill-mod kif irrakkontawh dawn iż-żewġ dixxipli fil-konversazzjoni tagħhom mal-vjaġġatur. Min-naħa San Luqa jagħtina t-tifsira tal-mewt ta’ Ġesù mill-perspettiva tal-qassisin il-kbar u l-kapijiet fil-v.20, tad-dixxipli fil-v.21. Min-naħa l-oħra, San Luqa jagħtina l-aħbar tal-qawmien mill-perspettiva tan-nisa fil-vv.22-23b, tal-anġli fil-v.23b, tal-Iskrittura fil-vv.25-26, u fl-aħħar ta’ Ġesù nnifsu fil-v.27. Dawk tal-ewwel raw it-tmiem ta’ mistħija tal-profeta, filwaqt li l-oħrajn raw il-glorifikazzjoni ta’ Kristu.[191]

Meta nqisu dan kollu allura naslu biex ngħidu li l-proċess kontinwu ta’ kif nifhmu kliem u ġrajjiet mill-passat permezz ta’ għajnuniet minn esperjenzi ġodda hu wieħed li San Luqa juża sabiex jgħaqqad flimkien it-tliet ġrajjiet tad-dehriet ta’ Kristu Rxoxt li jagħtina fil-kapitlu 24. F’kull waħda minn dawn il-ġrajjiet, San Luqa juri b’mod drammatiku kif ma nistgħux nifhmu l-qawmien ta’ Ġesù fl-assenza/nuqqas ta’ interpretazzjoni li turina t-tifsira redentiva tal-mewt tiegħu. Ir-referenza għall-qabar vojt fil-vv.4 u 12 u għad-dehriet ta’ Kristu Rxoxt fil-vv.16.37 weħidhom ma jwasslu lil ħadd biex jemmen fil-qawmien ta’ Ġesù; dawn kellhom bżonn l-akkumpanjament tal-Kelma ta’ Alla biex tinterpretahom.

Għal dan l-evaneġlista mela, iċ-ċavetta sabiex tfisser il-mewt ta’ Ġesù tinsab fl-Iskrittura.[192] Fuq kollox, ir-revalzzjoni għal San Luqa ma sseħħx permezz ta’ xi intervent ta’ xi anġli – għalkemm din mhijiex eskluża[193] – imma permezz ta’ proċess ermenewtiku ta’ kif tifhem l-għan tal-pjan ta’ Alla f’rabta mal-ħajja ta’ Ġesù li issa nistgħu nifhmuh biss fid-dawl tal-Iskrittura. Qabel ma dawn id-dixxipli jitneħħilhom il-velu tal-għamad minn quddiem għajnejhom, kien jeħtiġilhom li jiġu mgħallma. Ġesù għalhekk juri ruħu lil dawn iż-żewġ dixxipli mhux sempliċiment bħala l-profeta, imma bħala l-Messija li kellu jbati skont dak li kienu kitbu fuqu Mosè u l-Profeti kollha.

Ġesù ta’ San Luqa jikkatekizza lid-dixxipli filwaqt li jkebbsilhom qalbhom fit-triq bl-interpretazzjoni tal-Iskrittura.[194]  Kristu Rxoxt stess isir l-eseġeta[195] li jfisser dak li naqraw fid-daħla tal-Evanġelju skont San Luqa meta dan l-evanġelista jfisser l-għan tiegħu li jikteb fuq “il-ġrajja li seħħew fostna.”[196] B’dan il-mod, ir-rakkont tad-dixxipli ta’ Għemmaws isir il-bażi tal-kérgyma appostolika hekk kif issa għandna l-interpretazzjoni “nisranija” mogħtija minn fomm Ġesù stess tat-Testment il-Qadim, motif li jitkompla fl-Atti tal-Appostli. Fiċ-ċentru ta’ dan hemm l-aħbar li Ġesù “hu ħaj.”[197] Il-vers 23 mela hu l-punt ewlieni ta’ dan ir-rakkont kollu tad-dixxipli ta’ Għemmaws.

Konklużjoni

L-episodju tad-dixxipli ta’ Għemmaws nistgħu nqisuh bħala wieħed ċentrali tat-tliet kwadri li jiffurmaw il-kapitlu 24 tal-Evanġelju skont San Luqa: it-tħabbira tal-qawmien lin-nisa, il-mixja lejn Għemmaws u d-dehra ta’ Kristu Rxoxt lid-dixxipli miġbura flimkien. Dawn it-tliet episodji għandhom bħala punt ċentrali riferiment għat-twettiq tal-Kelma ta’ Alla: fl-ewwel każ, l-irġiel libsin l-abjad ifakkru lin-nisa fil-kliem li kien qal Ġesù;[198] filwaqt li fiż-żewġ każi l-oħra hu Ġesù nnifsu li jfisser it-twettiq tal-Iskrittura f’Mosè u l-Profeti,[199] u f’Mosè, il-Profeti u s-Salmi rispettivament.[200] San Luqa jurina li ma jistax ikun hemm bidu ta’ mixja tad-dixxipulat mingħajr laqgħa awtentika ma’ Kristu fl-Iskrittura, jiġifieri mingħajr ma nifhmu sew l-ġrajja u t-tifsira tal-ministeru ta’ Ġesù kif imfissra fl-Iskrittura.


[1]   L-erba’ evanġelji kanoniċi jirrappurtaw is-sejba tal-qabar vojt minn xi nisa, b’varjazzjonijiet bejniethom, filwaqt li l-Evanġelju skont San Ġwann jagħtina wkoll żjara lejn il-qabar minn Pietru u d-Dixxiplu l-maħbub. Jekk imbagħad Lq 24:12 hi orġinali, allura San Luqa wkoll jagħtina ż-żjara ta’ Pietru lejn il-qabar vojt. Kull wieħed mill-evanġelji li jinkludi d-dehriet ta’ Kristu Rxoxt jagħtina laqgħat ‘informali’ ma’ Kristu Rxoxt qabel ma’ dan jiltaqa’ mal-Ħdax. Id-differenzi bejn il-ġrajjiet rispettivi tal-evanġelji f’dan ir-rigward jirriflettu tradizzjonijiet differenti u xi drabi strateġiji redazzjonali addottati minn kull evanġelista. Fuq dan il-punt ara John Nolland, Luke 18:35-24:53. Word Biblical Commentary, 35c (Dallas, TX: Word Books, 1993), 1180.

[2]   Kull evanġista wriena li l-aħbar it-tajba li Ġesù qam mill-mewt hi mogħtija fl-evanġelju permezz ta’ żewġ tradizzjonijiet differenti ta’ oriġini indipendenti minn xulxin: il-qabar vojt u d-dehriet ta’ Kristu Rxoxt. San Mark iżda ma jagħtinix ix-xeni tad-dehriet ta’ Kristu Rxoxt, anke jekk kien jaf bihom (ara Mk 16:7). Hawnhekk ma nistgħux ninkludu Mk 9:16, 9-20 li ħafna mill-istudjużi jżommu li nkiteb wara. Ara pereżempju, William R. Farmer, The Last Twelve Verses of Mark (Society of New Testament Studies Monograph Series 25; Cambridge: Cambridge University Press, 1974).

[3]   Ara Lq 24:1-12. Fost l-erba’ evanġelji kanoniċi hu San Luqa biss li jagħmel referenza għad-dehra ta’ Kristu Rxoxt lil Pietru. Dan ma jagħmlux f’forma ta’ rakkont imma pjuttost bħala parti mir-rappurtaġġ f’Lq 24:34, nota li allura tikkonferma t-tradizzjoni antika li nsibu f’1 Kor 15:5.

[4]   Ara Lq 24:13-35.

[5]   Ara Lq 24: 36-49.

[6]   Ara Lq 24: 50-53.

[7]   Fuq dan il-punt ara Robert C. Tannehill, The Narrative Unity of Luke-Acts: A Literary Interpretation. Volume One, the Gospel according to Luke (Philadelphia: Fortress, 1986), 279.

[8]   Lq 24:23. Matul dan l-istudju se nkunu qed nużaw it-test tar-Raba’ Edizzjoni (2011) tal-Bibbja bil-Malti tal-Għaqda Biblika Maltija, sakemm mhux muri mod ieħor.

[9]   Ara Lq 24:19-24.

[10] Lq 24:13.

[11] Lq 24: 13, 33.

[12] Lq 24:13.

[13] Lq 24:13, 21.

[14] Lq 24: 6-7, 25-26, 44-46.

[15] Denis McBride, Emmaus: The Gracious Visit of God according to Luke (Dublin: Dominican Publications, 1997), ix.

[16] Ara Jean Guitton, Jésus (Paris: Grasset, 1956), 433.

[17] Hekk isejjaħ dan ir-rakkontBruno Chenu, I discepoli di Emmaus, trans. Fausto Savoldi(Brescia: Queriniana, 2005), 36.

[18] Ara Lq 24:1-11.

[19] Ara Lq 24:12.

[20] Ara Lq 24:13-35.

[21] Ara Lq 24:36-49.

[22] Ara Gérard Rossé, Il Vangelo di Luca: Commento esegetico e teologico (Roma: Città Nuova, 42006)1000.

[23] Ara Lq 24:2.12.

[24] Ara Lq 24:4.

[25] Ara Lq 24:31.

[26] Ara Lq 24:41-43.

[27] Ara Rossé, Il Vangelo di Luca, 1001.

[28] Goel B. Green, The Gospel of Luke. The New International Commentary on the New Testament (Grand Rapids, MI: Eerdmans, 1997), 841.

[29] Fl-istruzzjoni kerigmatika ta’ Ġesù lid-dixxipli f’Lq 24:44-49 hemm formulat in-nukleu tat-temi li nsibu fid-diskorsi tal-Atti. Ara Atti 2:22-36; 3:13-26; 4:8-12; 5:29-32; 10:36-43; 13:17-41.

[30] Charles H. Dodd, “The Appearances of the Risen Christ: An Essay in Form-Criticism of the Gospels,” fi Studies in the Gospels: Essays in Memory of R.H. Lightfoot, ed. Dennis E. Nineham (Oxford: Blackwell, 1957), 9-25.

[31] Nolland, Luke 18:35-24:53, 1180-1181 jirrimarka li d-dehriet ta’ Kristu Rxoxt f’Ġerusalemm huma mibnija fuq struttura mmarkata minn “preżenza għal għarrieda” ta’ Ġesù, minn motif ta’ għarfien (recognition) u b’missjoni fdata lill-persuna/i. Din l-istruttura nsibuha mhux biss f’Lq 24:34-53 u Ġw 20:19-20 imma wkoll f’Mt 28:9-10 par. Ġw 20:16-17; 21:1-19. F’din l-istruttura ħafna drabi tiġi inkluża wkoll xi ikla, xi ħaġa li faċilment tissuġġerixxi li l-oriġini tal-ġrajja tkun marbuta ma’ kuntest Ewkaristiku.

[32] Xi studjużi bħal Charles F.D. Moule, “The Post-Resurrection Appearances in the Light of Festival Pilgrimages,” New Testament Studies 4 (1957-58): 58-61, jipprova jarmonizza d-dehriet ta’ Kristu Rxoxt fil-Galilija ma’ dawk li jseħħu f’Ġerusalemm. Hu jagħmel dan billi jissuġġerixxi li l-ewwel dehriet seħħew fil-Galilija b’oħrajn li seħħew wara f’Ġerusalemm. Imma m’għandna l-ebda prova għal dan. Forsi l-aħjar hu li nikkonsidraw dawn iż-żewġ tipi ta’ dehriet mal-aspett simboliku/teoloġiku li takkwista l-Galilija u Ġerusalemm fl-evanġelju skont San Mattew u ta’ San Luqa rispettivament.

[33] Għall-problema Sinottika u l-għejjun “L” għal San Luqa ara Robert H. Stein, The Synoptic Problem: An Introduction (Grand Rapids, MI:  Baker Book House, 1987).

[34] Fuq dawn l-erba’ pożizzjonijiet ara Nolland, Luke 18:35-24:53, 1198.

[35] Ara Joseph A. Fitzmyer, The Gospel According to Luke X-XXIV. The Anchor Bible, 28A (New York-London: Doubleday, 1985), 1555. Studjużi oħra li jikkonkludu li San Luqa żied u żejjen it-tradizzjoni ta’ din il-ġrajja jinkludu Richard J. Dillon, From Eye-Witnesses to Ministers of the Word: Tradition and Composition in Luke 24. Analecta Biblica,82 (Rome: Biblical Institute, 1978), 69-155; I. Howard Marshall, “The Resurrection of Jesus in Luke,” Tyndale Bulletin 24 (1973): 55-98.

[36] Ara Mk 16:12-13.

[37] Fuq dan il-punt ara Michael Mullins, The Gospel of Luke: A Commentary (Dublin, The Columbia Press, 2010), 511.

[38] Ara l-argumenti li jġib Rossé, Il Vangelo di Luca, 999-1000. Ara wkoll John E. Alsup, The Post-Resurrection Appearance: Stories of the Gospel Tradition (Stuttgart: Calver-Verlag, 1975), 190f. Hekk pereżempju l-fatt li Kristu Rxoxt idum biex jingħaraf minn dawk li jkun qed jidhrilhom (ara Ġw 21:7-12); it-tema tal-ikel (ara Ġw 21:12-13; ara wkoll Lq 24:41-43; Atti 10:41); l-idea li Ġesù jisparixxi ma nsibuha mkien aktar; l-interpretazzjoni tal-Iskrittura f’Lq 24:44-48 irridu nqabbluha wkoll mal-motif tad-dehriet ta’ Kristu Rxoxt fl-evaneġelju skont San Ġwann ta’ kif id-dixxipli kellhom jifhmu u jinterpretaw l-Iskrittura (ara Ġw 2:17-22; 12:14-16; 20:9 ara wkoll 14:26).

[39] Ara Ġw 20:9.

[40] Ara Jean-Marie Guillaume, Luc interprète des anciennes traditions sur la Résurrection de Jésus (Paris: Gabalda, 1979), 26-30. Ara Lq 24:25-27, 44-47.

[41] Ara Rudolf Bultmann, History of the Synoptic Tradition (Oxford: Blackwell, 1968), 286.

[42] Ara Life of Apollinius 7.41-8.13.

[43] Ara Daniel A. Smith, Revisiting the Empty Tomb: The Early History of Easter (Minneapolis: Fortress, 2010), speċjalment 47-61.

[44] Arnold Ehrhardt, “The disciples of Emmaus,” New Testament Studies 19 (1964): 195-201. Ara wkoll l-argumenti ta’ Fitzmyer, The Gospel according to Luke X-XXIV, 1556.

[45] Ara McBride, Emmaus, 121.

[46] Ara Chenu, I discepoli di Emmaus, 41.

[47] Ara Ġen 18:1-25.

[48] Ara Lq 24:15a; Ġen 18:1-2a.

[49] Ara Lq 24:15, 29; Ġen 18:2b-5.

[50] Ara Lq 24:17-27; Ġen 18:9-14.

[51] Ara Lq 24:30; Ġen 18:7.

[52] Lq 24:27; Ġen 18:10.14.

[53] Lq 24:31; Ġen 18:33.

[54] Ara Imħ 13:1-22. Ara Guillaume, Luc interprète des anciennes traditions sur la résurrection de Jésus,  84. Ara wkoll Alsup, The Post-Resurrection Appearance Stories of the Gospel Tradition.

[55] Fuq dan il-punt ara Lucien Legrand, “Christ in the Fellow Traveller: The Emmaus Story in Lk 24:13-35, Indian Theological Studies 19 (1982): 33-34.

[56] Ara Atti 1:3.

[57] Ara Nolland, Luke 18:35-24:53, 1200.

[58] Ara pereżempju, James M. Gibbs, “Luke 24:13-33 and Acts 8:26-39: The Emmaus Incident and the Eunuch’s Baptism as Parallel Stories,” Bangalore Theological Forum 7 (1975): 17-30; Cord H. Lindijer, “Two Creative Encounters in the Work of Luke: Luke xxiv 13-35 and Acts viii 26-40,” in Miscellanea Neotestamentica: Studia ad NT praesertim pertinentia a sociis sodalicii Batavi, cuius nomen Studiosorum Nti Conventus, anno 1976 quintum lustrum complentis suscepta, ed. T. Baarda et al. Novum Testamentum Supplements 48 (Leiden: Brill, 1978), 2:77-85. Ara wkoll Chenu, I discepoli di Emmaus, 38-39 fejn b’mod mill-aktar metikoluż jagħti l-paralleliżmu bejn dawn iż-żewġ episodji.

[59] Ara Lq 2:41-50.

[60] Ara Lucien Legrand, “Deux voyages. Luc 2,41-50; 24,13-33,” fi À cause de l’Évangile,ed. R.Refoulé. Lectio Divina, 123 (Paris: Éditions du Cerf, 1985), 417 fejn jagħti enfasi wkoll lill-korrispondenza strutturali bejn iż-żewġ rakkonti, anke jekk huma diversi.

[61] Ara Nolland, Luke 18:35-24:53, 1178-1179.

[62] Jeanne d’Arc, Les pèlerins d’Emmaüs (Paris: Éditions du Cerf, 1977), 196f.

[63] Ara Lq 10:25-37.

[64] Fuq dan il-punt ara Nolland, Luke 18:35-24:53, 1200.

[65] Ara ibid.1199. Ara wkoll Rossé, Il Vangelo di Luca, 1019.

[66] Chenu, I discepoli di Emmaus, 42-43.

[67] Ara Louis Dussaut, “Le Triptyque des Apparitions en Luc 24,” Revue Biblique 94 (1987): 161-213.

[68] Ara Roland Meynet, Jésus passe (Paris: Éditions du Cerf, 1999).

[69] Ara d’Arc, Les pèlerins d’Emmaüs.

[70] Ara Lq 1:20.31.36; 2:25; 5:12.18; 7:12 eċċ.

[71] Lq 24:13.

[72] Lq 24:1.

[73] L-argument ta’ xi wħud bħal Edward E. Ellis, The Gospel of Luke (London: New Century Bible21974), 276, li jidentifikaw dan bħala “t-tmien jum,” il-bidu ta’ ħolqien ġdid hu biss attentat dubjuż sabiex jiġi spjegat dan ir-rakkont fid-dawl ta’ ħsieb Nisrani tardiv u m’għandu l-ebda bażi reali fit-test. Fit-Tradizzjoni Sinottika u dik ta’ San Ġwann din in-nota temporali ssir: “L-ewwel jum tal-ġimgħa,” jiġifieri l-jum tal-Ħadd.

[74] Lq 24:13.

[75] Ara Edward Sri, Rethinking Mary in the New Testament (San Francisco: Ignatius, 2006).

[76] Ara Luca Bassetti, Il viaggio della parola e del discepolo nel Vangelo di Luca (Trapani: Il pozzo di Giacobbe,  2012).

[77] Chenu, I discepoli di Emmaus, 46.

[78] Fuq dawn il-verbi f’rabta mal-vjaġġ f’Lq 24:13-35 ara Bernard P. Robinson, “The Place of the Emmaus Story in Luke-Acts,” New Testament Studies 30 (1984): 481-82; Robert J. Karris, “Luke 24:13-35,” Interpretation 41 (1987):  57-58;  Arthur Just Jr, The Ongoing Feast: Table Fellowship and Eschatology at Emmaus (Pueblo, Collegeville, MN: Liturgical, 1993)58; Dillon, From Eyewitnesses to Ministers of the Word, 89-90;

[79] Lq 24:13.

[80] Lq 24:15.

[81] Lq 24:15.

[82] Lq 24:17.

[83] Lq 24:28.

[84] Lq 24:28.

[85] Lq 24:28.

[86] Lq 24:32.

[87] Lq 24:33.

[88] Lq 24:35.

[89] Lq 24:22.24.

[90] Ara Joachim Jeremias, The Eucharistic Words of Jesus (London: SCM, 21966), 72, no.2.

[91] Ara Lq 24:49.

[92] Fuq dan il-punt ara Robert H. Smith, Easter Gospels: The Resurrection of Jesus According to the Four Evangelists (Minneapolis: Augsburg,1983),113.

[93] Ara Rossé, Il Vangelo di Luca, 1020.

[94] Dwar id-distanza mkejla hawnhekk bi stadji, ara wkoll Ġw 6:19; 11:18; Apok 14:20; 21:16.

[95] Ara 1 Makk 3:40, 57; 4:3.

[96] Jewish Wars 2.4,3 § 63; 2.5,1 § 71, jew Emmaous Ant. 17.10,7 § 282; 17.10,9 § 291.

[97] Ewsebju jiddentifika dan il-post bħala r-raħal li minnu kien ġej Kleofa. Hekk ukoll San Ġilormu u l-kittieb tas-Seklu 5, Sozomen. Għal aktar dettalji ara Fitzmyer, The Gospel According to Luke X-XXIV, 1560.

[98] Ara Fitzmyer, The Gospel According to Luke X-XXIV, 1560.

[99] Ara Jewish Wars 7.6,6 § 217.

[100] Għal aktar dettalji ara Fitzmyer, The Gospel according to Luke X-XXIV, 1562.

[101] Fost l-istudjużi li jissuġerixxu dan il-post bħala r-raħal li jsemmi San Luqa insibu lil John M. Creed, The Gospel according to Luke (London: Macmillan & Co., 1930)295.

[102] Ara Pierre Benoit, Passion and Resurrection (New York: Herder and Herder, 1969),271-274.

[103] Fost l-istudjużi li jżommu din l-identifikazzjoni hemm Prosper-Marie Viaud, Qoubeibeh Emmaus évangélique: Etude archéologique de son église et da la maison qu’elle enclave (Jerusalem: Saint-Sauveur, 1930); Antonin De Guglielmo, “Emmaus,” Catholic Biblical Quartely 3 (1941): 293-301.

[104] Ara Alberto Vaccari, “L’Emmaus di S. Luca: Punti sugli i,” Antonianum 25 (1950): 493-500.

[105] Ara Chenu, I discopoli di Emmaus, 45.

[106] Ara Gustaf H. Dalman, Sacred Sites and Ways (London: SPCK, 1935), 226-31; Louis-Hugues Vincent u Félix-Marie Abel, Emmaus: Sa basilique et son histoire (Paris: Leroux, 1932).

[107] Ara I. Howard Marshall, The Gospel of Luke. The New International Greek Testament Commentary (Grand Rapids, MI: Paternoster, 1978), 892 fejn jikkwota x-xogħol ta’ Gerhard Lohfink, Die Himmelfahrt Jesu (München, 1971), 207f, 264f.

[108] Ara Lq 9:51.

[109] Ara Lq 9:31.

[110] Fid-dawl ta’ dan ninnutaw li l-uniku post ieħor fejn dan l-evanġelista jindika d-distanza hu meta jagħtina x-xena tat-tlugħ is-sema ta’ Ġesù f’Atti 1:12 fejn naqraw: “Imbagħad reġgħu lura lejn Ġerusalemm mill-għolja msejħa taż-Żebbuġ, li hi ’l bogħod mill-belt daqs il-mixja tas-Sibt.” Mill-ġdid hawnhekk ninnutaw li r-referenza għad-distanza tingħata sabiex tinżamm iċ-ċentralità tal-belt ta’ Ġerusalemm.

[111] Chenu, I discepoli di Emmaus, 45.

[112] McBride, Emmaus, ix.

[113] Lq 24:14.

[114] Ara wkoll Atti 20: 11; 24:26.

[115] Ara wkoll Lq 3:19.

[116] Għall-użu tal-kelma bil-Grieg sumbaino ara wkollAtti 3:10; 20:19; 21:35. Fitzmyer, The Gospel According to Luke X-XVIV, 1562 jiġbed l-attenzjoni għad-differenza bejn din l-espressjoni newtra u peplērophorēmena użataf’Lq 1:1.

[117] Hekk ukoll il-Bibbja Saydon tħalli barra din il-frażi fil-vers 15.

[118] Ara wkoll Lq 20:42.

[119] Lq 24:15.

[120] Lq 25:15.

[121] Il-verb engísas jintuża 18-il darba fl-evanġelju skont San Luqa, sitt darbiet fl-Atti tal-Appostli, filwaqt li nsibuh użat seba’ darbiet f’San Mattew, tliet darbiet f’San Mark u qatt f’San Ġwann. Ara Chenu, I discepoli di Emmaus, 46.

[122] Ara Lq 19:29.37.41.

[123] Hans Conzelmann, The Theology of Saint Luke (London: Faber and Faber, 1969), 187 iżomm li t-tifsira tal-ħajja ta’ Ġesù toħroġ mill-ġrajja ta’ salvazzjoni.

[124] Fost il-ħafna studji li jittrattaw l-importanza tal-kunċett ta’ salvazzjoni fil-kitbiet ta’ San Luqa ara François Bovon, Luke: The Theologian, Fity-five Years of Research (1950-2005) (Waco, TX: Baylor University Press, 2006), 273-328.

[125] Lq 1:68.

[126] Lq 7:16. Għall-kunċett taż-żjara ta’ Alla fil-paġni tat-Testment il-Qadim u kif dawn ġew addottati minn San Luqa ara McBride, Emmaus.

[127] Ara Is 25:6;  55:1; 65:11.

[128] Lq 13:29.

[129] Ara Lq 24:18.

[130] Lq 24:15.

[131] Chenu, I discepoli di Emmaus, 46.

[132] Ara Rossé, Il vangelo di Luca, 1022; Fitzmyer, The Gospel According to Luke X-XXIV, 1563.

[133] Ara Nolland, Luke 18:35-24:53, 1201, fejn jikkwota wkoll Lq 18:34 – “Iżda minn dan kollu ma fehmu xejn; kien diskors li baqa’ mistur għalihom, u ma fehmu xejn milli qal.” Ara wkoll Lq 9:45.

[134] Għall-użu ta’ dan il-verb f’San Luqa ara wkoll Lq: Lk 24, 16.31; Atti 3, 10; 12:14.

[135] Mk 16:12.

[136] Ara Ġw 20:13-15. Ara Martin Micallef, The Importance of ‘Zeteo’ in the Gospel of John: Excerpt from Thesis presented for the Degree of Doctor of Sacred Theology (Malta: Univesity of Malta, 2010).

[137] Ġw 21:4.

[138] Ara Ġen 3:7.

[139] Lq 24:1.13.

[140] Fuq dan il-punt ara Chenu, I discepoli di Emmaus, 47, fejn hu jfakkar ukoll li l-Atti tal-Appostli jagħlaq bin-nota fejn San Pawl jikkwota lil Iżaija: “Tħarsu kemm tħarsu ma tarawx” (Atti 28:26).

[141] L-istess espressjoni tintuża f’Mt 6:16.

[142] Lq 24:52.

[143] Fitzmyer, The Gospel according to Luke X-XXIV, 1560, ma jeskludix li d-dixxiplu l-ieħor bla isem hu wieħed mill-Ħdax.

[144] Ara Lq 24:4.

[145] Ara Atti 1:10.

[146] Ara Lq 9:30-32.

[147] Ara Lq 10:1. Ara wkoll Lq 7:18; 19:29.

[148] Brendan Byrne, The Hospitality of God: A Reading of Luke’s Gospel (Collegeville, MN: Liturgical Press, 1989), 187, n.2.

[149] Ġw 19:25. Ara John E. Adams, “The Emmaus Story, Lk. Xxiv. 13-25: A Suggestion,” Expository Times 17 (1905-1906): 333-335; C. Eevelyn Charlesworth, “The Unnamed Companion of Cleopas,” Expository Times 34 (1922-1923): 233-234.

[150] L-isem Kleofa hawnhekk hu l-abbrevjazzjoni tal-isem Kleopatra fil-forma maskili. Ara Fitzymer, The Gospel according to Luke X-XVI, 1563.

[151] Ara Marshall, The Gospel of Luke, 894. Ara wkoll Fitzmyer, The Gospel According to Luke X-XVI, 1564.

[152] Ara Bruce M. Metzger, A Textual Commentary on the Greek New Testament (London: United Bible Societies, 1971), 185; Karl Bornhäuser, The Death and Resurrection of Jesus Christ (Bangalore: 1958), 221f. Benoit, The Passion and Resurrection, 275 jiffavorixxi lil Filippu d-djaknu bħala l-għajn ta’ din l-istorja imma m’hemmx prova għal dan.

[153] Contra Cels. 2.62,68 (GCS 2, 184, 190).

[154] Ara Roland D. Sawyer, “Was Peter the Companion of Cleopas on Easter Afternoon,” Expository Times 61 (1949-1950): 191-193; Joseph H. Crehan, “St Peter’s Journey to Emmaus,” Catholic Biblical Quarterly 15 (1953) 418-26; Rupert Annand, “He Was Seen of Cephas,” A Suggestion about the First Resurrection Appearance to Peter,” Scotish Journal of Theology 11 (1958): 180-187.

[155] Alexander Souter, “Emmaus’ Mistaken for a Person,” Expository Times 13 (1901-1902): 429-330.

[156] Ecc. Hist. 3.11.

[157] Fuq il-funzjoni ta’ karattri anonimi fl-Evanġelju ara David R. Beck, The Discipleship Paradigm: Readers and Anonymous Characters in the Fourth Gospel. Biblical Interpretation Series, 27 (Leiden: Brill, 1997).

[158] Fuq dan il-punt ara Martin Micallef, “Il-futur tal-Ħajja Ikkonsagrata (Lq 24:29-33),” fi Lejn il-Mixja ta’ Għemmaws (Malta: KSMR, 2017), 51-72.

[159] Lq 24:18.

[160] Ara l-aspett ironiku ta’ dan il-vers, ara Geoffrey F. Nuttall, The Moment of Recognition: Luke as Story-Teller (London: The University of London Athlone Press, 1978)9.

[161] Mt 18:20.

[162] Lq 24:18. Ara wkoll Lq 24:14.

[163] Dan it-titlu jintuża tliet darbiet f’San Luqa. Ara Lq 4:34; 18:37; 24:19. Hawnhekk San Luqa juża l-kelma Nazarēnòs, minflok it-terminu li juża s-soltu Nazōraios.

[164] Ara Paul J. Achtemeier, “Lucan Perspective on the Miracles of Jesus: A Preliminary Sketch,” Journal of Biblical Literature 94 (1975): 550-550.

[165] Ara Atti 2:22; 3:6; 4:10; 6:14; 10:38; 22:8; 26:9.

[166] Ara Lq 4:24; 7:16.39; 13:33.

[167] Ara Lq 3:22; 4:1.

[168] Ara Lq 4:2.

[169] Lq 4:24.

[170] Lq 13:33-34.

[171] Ara Atti 3:22.26; 7:37. Ara wkoll Steve Walton, “Jesus, Present and/or Absent? The Presence and Presentation of Jesus as a Character in the Books of Acts,” fi Characters and Characterization in Luke-Acts. Library of New Testament Studies 548, ed. Frank Dicken, and Julia Snyder (London: T&T Clark, 2018), 130- 131.

[172] Ara Lq 2:11.26; 24:26.46.

[173] Lq 9:9.

[174] Lq 9:19.

[175] Lq 9:20.

[176] Ara Lq 9:22.

[177] Ara Lq 9:28-36.

[178] Lq 9:45.

[179] Atti 7:22. Għall-użu tal-frażi “għemilu u kliemu” jew “kliemu u għemilu” ara Atti 1:1; Rum 15:18; 2 Kor 10:11; Kol 3:17; 2 Tess 2:17; 1 Ġw 3:18.

[180] Ara Lq 24:26-27.

[181] Dillon, From Eye-Witnesses to Ministers of the Word,132.

[182] Ara Lq 7:16. 29; 18:43; 19:48; 21:38. Għal deskrizzjoni qasira tal-ħajja ta’ Ġesù ara Atti 2:22; 10:37-38. Fir-rigward tal-espressjoni “quddiem Alla” San Luqa jenfasizza l-parteċipazzjoni ta’ Ġesù fil-proġett ta’ salvazzjoni mogħtija minn Alla. Ara d-diskors ta’ Pietru fid-dar ta’ Kornelju f’Atti 10:38.

[183] Ara Nolland, Luke 18:35-24:53, 1202.

[184] Ara Lq 23:13. Ara wkoll Rossé, Il Vangelo di Luca, 1024. It-terminu “kapijiet” bil-Grieg: árchontes fil-v.20hu użat għall-mexxejja Lhud f’Ġerusalemm f’Luqa-Atti imma ma nsibuhx f’San Mattew u San Mark. L-istqarrija f’Lq 24:20 tantiċipa l-akkuża tar-responsabbilità tal-mewt ta’ Ġesù magħmula kontra l-mexxejja Lhud f’Ġerusalemm fid-diskors tal-Atti. Minkejja dan iżda skont dawn l-istess diskorsi, il-poplu ta’ Ġerusalemm pparteċipa wkoll fil-mewt ta’ Ġesù. Ara Atti 3:13-15, 17; 13:27-29.

[185] Ara l-istudju ta’ Douglas R.A. Hare, “The Rejection of the Jews in the Synoptic Gospels and Acts,” fi Anti-Semitism and the Foundations of Christianity, ed. Alan Davies (New York: Paulist, 1979); Jacob Jervell, Luke and the People of God: A New Look at Luke-Acts (Minneapolis: Fortress, 1972); Jack T. Sanders, The Jews in Luke-Acts (London: SCM, 1987).

[186] Ara Marshall, The Gospel of Luke, 895. Ara wkoll Lq 23:24-33.

[187] Ara Lq 1:68; 2:38; 21:28.

[188] Ara Isa 41:14; 43:14; 44:24.

[189] Ara Tannehill, The Narrative Unity of Luke-Acts: 1:279-280.

[190] Ara Lq 4:18. Ara wkoll Lq 24:47.

[191] Ara Ronald Meynet, Il Vangelo secondo Luca: Analisi retorica (Bologna: EDB, 2003),890.

[192] Ara Lq 24:25-27.32.

[193] Ara Lq 24:23.

[194] San Luqa ma jagħtix xi testi partikulari mil-Liġi jew mill-Profeti,u allura jkun inutli li nipppruvaw infittxu għal xi silta partikulari mit-Testment il-Qadim li għaliha Ġesù kien qed jirreferi.

[195] Għal dan it-terminu f’rabta ma’ Ġesù, ara Ġw 1:18.

[196] Lq 1:1.

[197] Lq 24:23.

[198] Ara Lq 24:6-7.

[199] Ara Lq 24:27.

[200] Ara Lq 24:44.


Biblijografija

Achtemeier, Paul J. “Lucan Perspective on the Miracles of Jesus: A Preliminary Sketch,” Journal of Biblical Literature 94 (1975): 550-550.

Adams, John E. “The Emmaus Story, Lk. Xxiv. 13-25: A Suggestion,” Expository Times 17 (1905-1906): 333-335.

Alsup, John E. The Post-Resurrection Appearance: Stories of the Gospel Tradition (Stuttgart: Calver-Verlag, 1975).

Annand, Rupert. “He Was Seen of Cephas,” A Suggestion about the First Resurrection Appearance to Peter,” Scotish Journal of Theology 11 (1958): 180-187.

Bassetti, Luca. Il viaggio della parola e del discepolo nel Vangelo di Luca (Trapani: Il pozzo di Giacobbe,  2012).

Beck, David R. The Discipleship Paradigm: Readers and Anonymous Characters in the Fourth Gospel. Biblical Interpretation Series, 27 (Leiden: Brill, 1997).

Benoit, Pierre. Passion and Resurrection (New York: Herder and Herder, 1969).

Bornhäuser, Karl. The Death and Resurrection of Jesus Christ (Bangalore: 1958).

Bovon, François. Luke: The Theologian, Fity-five Years of Research (1950-2005) (Waco, TX: Baylor University Press, 2006).

Bultmann, Rudolf. History of the Synoptic Tradition (Oxford: Blackwell, 1968).

Byrne, Brendan. The Hospitality of God: A Reading of Luke’s Gospel (Collegeville, MN: Liturgical Press, 1989).

Charlesworth, C. Eevelyn. “The Unnamed Companion of Cleopas,” Expository Times 34 (1922-1923): 233-234.

Chenu, Bruno. I discepoli di Emmaus, trans. Fausto Savoldi(Brescia: Queriniana, 2005).

Conzelmann, Hans. The Theology of Saint Luke (London: Faber and Faber, 1969).

Creed, John M. The Gospel according to Luke (London: Macmillan & Co., 1930).

Crehan, Joseph H. “St Peter’s Journey to Emmaus,” Catholic Biblical Quarterly 15 (1953) 418-26.

Dalman, Gustaf H. Sacred Sites and Ways (London: SPCK, 1935).

Dillon, Richard J. From Eye-Witnesses to Ministers of the Word: Tradition and Composition in Luke 24. Analecta Biblica,82 (Rome: Biblical Institute, 1978).

Dodd, Charles H. “The Appearances of the Risen Christ: An Essay in Form-Criticism of the Gospels,” fi Studies in the Gospels: Essays in Memory of R.H. Lightfoot, ed. Dennis E. Nineham (Oxford: Blackwell, 1957), 9-25.

Dussaut, Louis. “Le Triptyque des Apparitions en Luc 24,” Revue Biblique 94 (1987): 161-213.

Ehrhardt, Arnold. “The disciples of Emmaus,” New Testament Studies 19 (1964): 195-201. Lucien Legrand, “Christ in the Fellow Traveller: The Emmaus Story in Lk 24:13-35, Indian Theological Studies 19 (1982): 33-34.

Ellis, Edward E. The Gospel of Luke (London: New Century Bible21974).

Farmer, William R. The Last Twelve Verses of Mark (Society of New Testament Studies Monograph Series 25; Cambridge: Cambridge University Press, 1974).

Fitzmyer, Joseph A. The Gospel According to Luke X-XXIV. The Anchor Bible, 28A (New York-London: Doubleday, 1985).

Gibbs, James M. “Luke 24:13-33 and Acts 8:26-39: The Emmaus Incident and the Eunuch’s Baptism as Parallel Stories,” Bangalore Theological Forum 7 (1975): 17-30.

Green, Goel B. The Gospel of Luke. The New International Commentary on the New Testament (Grand Rapids, MI: Eerdmans, 1997).

Guglielmo De, Antonin. “Emmaus,” Catholic Biblical Quartely 3 (1941): 293-301.

Guillaume, Jean-Marie. Luc interprète des anciennes traditions sur la Résurrection de Jésus (Paris: Gabalda, 1979).

Guitton, Jean. Jésus (Paris: Grasset, 1956).

Hare, Douglas R.A. “The Rejection of the Jews in the Synoptic Gospels and Acts,” fi Anti-Semitism and the Foundations of Christianity, ed. Alan Davies (New York: Paulist, 1979).

Jeremias, Joachim. The Eucharistic Words of Jesus (London: SCM, 21966).

Jervell, Jacob. Luke and the People of God: A New Look at Luke-Acts (Minneapolis: Fortress, 1972); Jack T. Sanders, The Jews in Luke-Acts (London: SCM, 1987).

Just Jr, Arthur. The Ongoing Feast: Table Fellowship and Eschatology at Emmaus (Pueblo, Collegeville, MN: Liturgical, 1993).

Karris, Robert J. “Luke 24:13-35,” Interpretation 41 (1987):  57-58.

Legrand, Lucien. “Deux voyages. Luc 2,41-50; 24,13-33,” fi À cause de l’Évangile,ed. R.Refoulé. Lectio Divina, 123 (Paris: Éditions du Cerf, 1985), 417 fejn jagħti enfasi wkoll lill-korrispondenza strutturali bejn iż-żewġ rakkonti, anke jekk huma diversi.

Lindijer, Cord H. “Two Creative Encounters in the Work of Luke: Luke xxiv 13-35 and Acts viii 26-40,” in Miscellanea Neotestamentica: Studia ad NT praesertim pertinentia a sociis sodalicii Batavi, cuius nomen Studiosorum Nti Conventus, anno 1976 quintum lustrum complentis suscepta, ed. T. Baarda et al. Novum Testamentum Supplements 48 (Leiden: Brill, 1978), 2:77-85.

Marshall, I. Howard “The Resurrection of Jesus in Luke,” Tyndale Bulletin 24 (1973): 55-98.

Marshall, I. The Gospel of Luke. The New International Greek Testament Commentary (Grand Rapids, MI: Paternoster, 1978).

McBride, Denis. Emmaus: The Gracious Visit of God according to Luke (Dublin: Dominican Publications, 1997).

Metzger, Bruce M. A Textual Commentary on the Greek New Testament (London: United Bible Societies, 1971).

Meynet, Roland. Jésus passe (Paris: Éditions du Cerf, 1999).

Meynet, Roland. Il Vangelo secondo Luca: Analisi retorica (Bologna: EDB, 2003).

Micallef, Martin. “Il-futur tal-Ħajja Ikkonsagrata (Lq 24:29-33),” fi Lejn il-Mixja ta’ Għemmaws (Malta: KSMR, 2017), 51-72.

Micallef, Martin. The Importance of ‘Zeteo’ in the Gospel of John: Excerpt from Thesis presented for the Degree of Doctor of Sacred Theology (Malta: Univesity of Malta, 2010).

Moule, Charles F.D. “The Post-Resurrection Appearances in the Light of Festival Pilgrimages,” New Testament Studies 4 (1957-58): 58-61.

Mullins, Michael, The Gospel of Luke: A Commentary (Dublin, The Columbia Press, 2010).

Nolland, John. Luke 18:35-24:53. Word Biblical Commentary, 35c (Dallas, TX: Word Books, 1993).

Nuttall, Geoffrey F. The Moment of Recognition: Luke as Story-Teller (London: The University of London Athlone Press, 1978).

Robinson, Bernard P. “The Place of the Emmaus Story in Luke-Acts,” New Testament Studies 30 (1984): 481-82.

Rossé, Gérard. Il Vangelo di Luca: Commento esegetico e teologico (Roma: Città Nuova, 42006).

Sawyer, Roland D. “Was Peter the Companion of Cleopas on Easter Afternoon,” Expository Times 61 (1949-1950): 191-193.

Smith, Daniel A. Revisiting the Empty Tomb: The Early History of Easter (Minneapolis: Fortress, 2010).

Smith, Robert H. Easter Gospels: The Resurrection of Jesus According to the Four Evangelists (Minneapolis: Augsburg,1983).

Souter, Alexander. “Emmaus’ Mistaken for a Person,” Expository Times 13 (1901-1902): 429-330.

Sri, Edward. Rethinking Mary in the New Testament (San Francisco: Ignatius, 2006).

Stein, Robert H. The Synoptic Problem: An Introduction (Grand Rapids, MI:  Baker Book House, 1987).

Tannehill, Robert C. The Narrative Unity of Luke-Acts: A Literary Interpretation. Volume One, the Gospel according to Luke (Philadelphia: Fortress, 1986).

Vaccari, Alberto. “L’Emmaus di S. Luca: Punti sugli i,” Antonianum 25 (1950): 493-500.

Viaud, Prosper-Marie. Qoubeibeh Emmaus évangélique: Etude archéologique de son église et da la maison qu’elle enclave (Jerusalem: Saint-Sauveur, 1930).

Vincent, Louis-Hugues, u Félix-Marie Abel, Emmaus: Sa basilique et son histoire (Paris: Leroux, 1932).

Walton, Steve. “Jesus, Present and/or Absent? The Presence and Presentation of Jesus as a Character in the Books of Acts,” fi Characters and Characterization in Luke-Acts. Library of New Testament Studies 548, ed. Frank Dicken, and Julia Snyder (London: T&T Clark, 2018), 130- 131.

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.