Qalb ma’ qalb

Il-Ġimgħa, 11 ta’ Ġunju 2021: Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fis-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Knisja Marija Annunzjata, Balzan.

Omelija tal-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Il-qalb hi dik li minnha naraw il-persuna x’tip hi jew fiex tinsab.  Meta ġieli tisma’ fuq xi ħadd ‘qalbu sewda’, mhux għall-kulur iswed tal-qalb ikunu qed jgħidu, imma li bniedem dispjaċut; u meta ngħidu ‘qalbu tajba’, mhux għax il-qalb taħdem tajjeb ikunu qed jgħidu, imma għax hu bniedem kollu kemm hu ġeneruż.

Għalhekk, il-festa ta’ llum tal-qalb ta’ Ġesù tistedinna nagħrfu min hu Ġesù għalina. Il-moħħ ħafna drabi jmur fuq it-tagħlim ta’ Ġesu, li hu tant importanti; imma l-qalb narawha kemm fit-tagħlim ta’ Ġesù, kif ukoll, u b’mod iżjed qawwi, fl-azzjonijiet tiegħu, f’dak li jagħmel.

X’naraw fil-qalb ta’ Ġesù li kien jgħodd fiż-żmien li għex fostna u li jgħodd illum li hu ħaj?

Qalb mimlija mħabba

L-ewwel nett, il-qalb ta’ Ġesù hi qalb mimlija mħabba, li tħobb b’imħabba bla qjies. Hekk uriena Ġesù f’ħajtu. Kien kollu mħabba għan-nies ta’ madwaru, għal kulħadd, u għal kull persuna. Tolqtok b’mod speċjali din l-imħabba individwali ta’ Ġesù – qalb ma’ qalb – fil-kuntatti personali li kellu. Kull min iltaqa’ miegħu seta’ jintebaħ bil-qalb mimlija mħabba tiegħu.

Qalb li tingħafas quddiem it-tbatija

Il-qalb ta’ Ġesù kienet qalb li tingħafas quddiem it-tbatijaMeta jara n-nies ibatu, vittmi tal-inġustizzji ta’ l-oħrajn, kien jagħmel xi ħaġa biex jgħinhom, jerfagħhom mill-miżerja, jagħtihom lura d-dinjità. Kienet qalb b’imħabba speċjali lil dawk li l-oħrajn kienu jwarrbu, bħalma kontinwament għandna fi-rakkonti tal-Evanġelju.

Qalb li tfittex lill-imbiegħda

Ġesù  kellu qalb mimlija mħabba kbira wkoll lejn dawk li tbiegħdu mit-triq it-tajba. Għalhekk qalilna li jmur ifittex in-nagħġa l-mitlufa – iħalli d-disa’ u disgħin biex imur ifittex lin-nagħġa l-mitlufa.

Qalb li taħfer

Kienet qalb li taħfer. Ix-xena li naraw illum fl-Evanġelju hi x-xena ta’ Ġesù msallab, li mill-qalb minfuda tiegħu ħareġ demm u ilma. Hemm naraw dak li Ġesù jgħid fuq l-ikbar imħabba: “M’hemmx imħabba akbar milli wieħed jagħti ħajtu għal ħaddieħor”. Hemm fuq is-salib, Ġesù jaħfer lil dawk li kienu qegħdin joffenduh, ikasbruh, u jipparteċipaw fil-qtil tiegħu.

Qalbna tistrieħ fih

L-Aħbar it-Tajba għalina hi li l-qalb ta’ Ġesù hi mimlija mħabba u ħniena u maħfra magħna wkoll illum, ma’ kull wieħed u waħda minna. Hu dan li niċċelebraw b’mod partikulari fl-Ewkaristija, fejn Ġesù jingħata għalina biex jimla lil ħajjitna bl-imħabba tiegħu. Ġesù jersaq lejna bl-imħabba tiegħu u jistedinna aħna wkoll biex inħalluh iħobbna biex insibu fih il-mistrieħ tagħna. Kif jgħid Santu Wistin fit-talba sabiħa tiegħu: “Fik biss tinsab il-hena u l-mistrieħ tagħna. Int għamiltna għalik, O Alla, u qalbna ma ssibx mistrieħ jekk mhux fik”. Fih insibu l-paċi u l-ferħ li tant infittxu f’ħajjitna.

Dan jagħmlilna ħafna kuraġġ għal ħajja tagħna. Ilkoll ngħaddu minn żminijiet diffiċli fil-ħajja tagħna personali, fil-familja, fejn inħossu ansjetà, rabja, uġigħ. Għandna min jifhimna żgur, min jagħtina s-serħan żgur. Irridu nħalluh iħobbna.

Qalb tixbah lil tiegħu

Meta aħna nħallu lil Ġesù jħobbna, imbagħad hu jgħinna biex qalbna mhux biss timtela bl-imħabba tiegħu u ssib is-serħan, imma tkun qalb tixbah lil tiegħu – jiġifieri tkun qalb li tħobb lil kulħadd, li hi miftuħa għal dawk li s-soċjetà twarrab, li tingħafas quddiem it-tbatija, li taħfer, li toħloq ambjent sabiħ.

F’din is-solennità tal-lum, ejjew inqimu bi gratitudni lill-qalb kollha mħabba ta’ Ġesù u nitolbuh: agħmel li nħalluk tħobbna, biex fik insibu l-mistrieħ ta’ qalbna. Agħmel li qalbna tkun tixbah lil tiegħek.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading