Infittxu t-Teżor moħbi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa 18 ta’ Ġunju 2021: Omelija fil-Quddiesa tal-Ordinazzjoni Djakonali ta’ Gabriel Vella mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma. Katidral tal-Assunta, Victoria.

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Kieku kelli nistaqsi: X’inhu għaddej minn moħħna bħalissa? X’inhu jinkwetak l-iktar dawn il-ġranet? X’mhux iħallik torqod? X’mhux iħallik tiekol bi kwietek? Jekk taf, inti sibt jew qed issib it-teżor li bħalissa qiegħed jinkwetak u li qiegħed fiċ-ċentru ta’ qalbek.

Il-Lhud meta jagħmlu l-ikla tal-Għid, is-Seder, ikollhom tliet ħobżiet ażżmi. Normalment kull familja tara kif tagħmel biex ikollha dawn it-tliet ftajjar, tliet ħobżiet. Tpoġġihom fuq xulxin fuq il-mejda tas-Seder, fuq il-mejda tal-ikla tal-Għid; imbagħad il-Missier jaqbad dik tan-nofs, jaqsamha minn nofsha, igeżwirha f’maktur u jaħbiha fid-dar, u jsejħilha: “Afikoman”; it-tfal isejħulha teżor, treasure hunt. It-tfal jippruvaw isibuha u jqallbu d-dar kollha kemm hi biex isibu din l-‘afikoman’, dan it-teżor. Meta jsibuh, il-Missier jagħtihom premju talli jkunu sabu t-teżor.

X’inhu t-teżor tagħna? Fl-Evanġelju tal-lum (Mt 6:19-23) Ġesù jkellimna dwar it-teżor. X’inhu l-‘afikoman’ tagħna; fi kliem ieħor, x’inhu dak li m’għandniex u nixtiequ li jkollna? X’inhu dak li mingħalina, jekk ikollna, jimlielna ’l qalbna? Din tgħodd għalina s-saċerdoti, u tgħodd għall-Insara kollha. X’inhu dak li jiena naħseb li bħalissa jista’ jimlieli ’l qalbi? Għax fl-aħħar mill-aħħar, ilkoll kemm aħna nitħabtu, ngħixu u nagħmlu kulma nistgħu biex il-qalb tagħna b’mod jew ieħor inħossuha mimlija.

Hekk jagħmel Ġesù fl-Evanġelju meta lil dak iż-żagħżugħ għani, li kellu ħafna, li kellu kollox, jgħidlu: “Ħaġa waħda tonqsok” (Mk 10:21). Għaliex qalhielu dik Ġesù? Għax kien profeta Ġesù? Għax kien jaf x’hemm moħbi fil-qalb tal-bniedem, fil-moħħ ta’ dan iż-żagħżugħ? Għax dak iż-żagħżugħ kienet tidher f’għajnejh li tonqsu xi ħaġa, bħalma tidher f’għajnejja, f’għajnejk, f’għajnejn kull wieħed u kull waħda minna. Tonqosna xi ħaġa: jonqosna t-teżor. U din ix-xi ħaġa nfittxuha u nippruvaw nakkwistawha b’kull mod; u nippruvaw ħaġa waħda wara l-oħra fil-ħajja tagħna, fl-esperjenza tal-istorja tagħna.

Meta nkunu żgħar, it-teżor tagħna jkun li jkollna professjoni, li jkollna tfajla jew ġuvni li jħobbuna, li jkollna l-familja tagħna, li jkollna l-ulied tagħna. U kif nakkwistaw teżor wieħed wara l-ieħor,  donnu kull teżor li nakkwistaw jisfaxxa, jispiċċa ma jissodisfaniex mija fil-mija. Hekk ġralu dan iż-żagħżugħ għani tal-Evanġelju. Ġesù jgħidlu: “Mur bigħ li għandek” (Mk 10:21), ‘għalxejn tipprova tkompli timla u takkwista: din it-triq, din il-ġirja hi żbaljata’. Hekk ried jgħidlu Ġesù lil dan iż-żagħżugħ: din il-ġirja tal-akkwist, din il-perċezzjoni li l-akkwist ser jimlielek qalbek, hija triq żbaljata, li mhu ħa twasslek imkien. Imma dan iż-żagħżugħ kien konvint li iktar ma jkollu, iktar ma jakkwista, iktar ser jimla lil qalbu. Għax hekk ħaseb, kien jgħix f’din l-illużjoni. Kif jista’ jiġri lilna fil-ħajja tagħna. Iktar ma nakkwistaw ġid, prestiġju, popolarità, ikun xi jkun, iktar aħna ser inkunu mingħalina kuntenti.          

San Mark fl-Evanġelju jgħidilna li dan iż-żagħżugħ “qarras wiċċu u telaq b’qalbu sewda” (10:22) d-dar. Għaliex? Għax ir-risposta ta’ Ġesù minn naħa m’għoġbitux, imma min-naħa l-oħra kien jaf li m’għandux raġun, li kienet tonqsu xi ħaġa u baqgħet nieqsa. U jista’ jkun li meta kien id-dar, jaħseb u jirrifletti waħdu, dan iż-żagħżugħ jiftakar f’żewġ parrabboli oħra tal-Evanġelju, meta Ġesù kien qiegħed jitkellem man-nies – fl-Evanġelju ta’ San Mattew – u jgħidilhom parrabbola. Kien hemm raġel li sab teżor moħbi f’għalqa, u dan ir-raġel mar ra kif għamel biex jixtri din l-għalqa ħalli jkun jista’ jakkwista dan it-teżor (ara Mt 13:44). U kien hemm raġel ieħor li kien ifittex perla, ġawhra prezzjuża ħafna, u l-Evanġleju jgħidilna li dan ra kif għamel, “mar biegħ kulma kellu u xtara lilha” (15:46). Kemm kienet importanti dik il-ġawhra, kemm kien importanti dan it-teżor?

Dan hu dak li jagħmel lill-Kristjan fil-ħajja. Dan hu dak li jagħmel dak li jilqa’ u jaċċetta s-sejħa li jagħmillu l-Mulej fil-ħajja. Jipprova jindirizza ħajtu kollha kemm hi fit-tfittixa ta’ dan it-teżor, li hu Ġesù. “Ibigħ kulma jkollu u jixtri din l-għalqa” (14:44), biex jakkwista t-teżor. “Mar biegħ kulma kellu u xtara” (15:46) dik il-ġawhra l-iktar prezzjuża. Lest li jitlef il-ġawhar l-oħra. L-ieħor huwa ġawhar ukoll, imma lest jitilfu għal din il-ġawhra l-iktar prezzjuża. Għax jista’ jkun forsi li din hi t-triq li timla tassew il-qalb, din hi t-triq li tagħti tassew l-hena tal-qalb.

Dan hu dak li qegħdin niċċelebraw illejla. M’aħniex niċċelebraw lil xi ħadd li sabu t-teżor, li għandu qalbu mfawra kollha kemm hi, mija fil-mija. Imma qed niċċelebraw lil xi ħadd li għażel triq preċiża, partikolari. U miegħu aħna lkoll kemm aħna, ma ninsewx li għażilna triq differenti minn dik li takkwista, tiġbor, iġġemma’, li jkollok kull tip ta’ ġid. Imma għażilna triq oħra, din li qiegħed jagħżel illejla Gabriel, it-triq li indikalna Ġesù, l-Imgħallem tagħna; it-triq li tgħinna nfittxu l-ferħ tagħna, l-hena tagħna, filli ninnamraw dejjem iktar mal-persuna ta’ Ġesù, filli hu verament isir iċ-ċentru tal-personalità tagħna u tal-azzjonijiet tagħna, iċ-ċentru tal-għemil u tad-deċiżjonijiet tagħna.

Dan huwa dak li qed jitlob l-Evanġelju tal-lum minna lkoll. Dan hu dak li San Pawl jirrakkonta fit-Tieni Qari tal-lum (2 Kor 11:18,21b-30). Ma kienx miġnun jew iblah San Pawl. Kieku aħna konna ngħidu: Xi jridu dan kollu? “Ħames darbiet qlajt mingħand il-Lhud l-erbgħin daqqa neqsin waħda… tliet darbiet rajt l-għarqa, għaddejt lejl u jum f’nofs ta’ baħar” (11:24-25). “It-taħbit tal-ġejjin u sejrin tan-nies, l-inkwiet tal-knejjes” (11:28). It-taħbit… xi jridu dan kollu? Kieku aħna nistaqsu u ngħidu: Dan kollu għalfejn? X’kien qiegħed ifittex San Pawl? Għaliex din il-ħeġġa kollha ta’ Pawlu? Għax iltaqa’ mal-persuna ta’ Ġesù! U meta ltaqa’ mal-persuna ta’ Ġesù, kif jgħidilna fl-Ittra lill-Filippin, “kollox sar knis”, kollox sar żibel, jgħid San Pawl, “biex nirbaħ lil Kristu” (3:8). Li nsir naf iktar lil Ġesù. Jgħidha ċar San Pawl: “M’iniex ngħid li jiena ġa ksibtu” (3:12). Ara ma mmorrux b’moħħna li aħna diġà akkwistajnieh. Imma nitħabat u nistinka li nimxi iktar ’il quddiem biex nasal għal dan, biex nakkwista dan. Din hi t-triq li Ġesù jindika, mhux lilna, imma lil kull Nisrani. Aħna rridu nkunu fuq quddiem nett; aħna rridu nkunu dawk li jiftħu t-triq, dawk li juru t-triq: it-triq tal-hena, tal-paċi vera, tal-hena tal-qalb veru. Jekk Ġesù jkun verament it-teżor tal-ħajja tagħna, allura jiġrilna aħna wkoll bħal Pawlu: “Ngħix, imma mhux iżjed jien, iżda jgħix fija Kristu” (Gal 3:20). Jgħidha mijiet ta’ drabi din San Pawl, f’diversi modi, fl-ittri tiegħu, f’din ir-relazzjoni intima mal-persuna ta’ Ġesù. Allura din it-triq, dan l-iskop li aħna rridu nilħqu fil-ħajja tagħna, jindikalna ċar il-mezzi, x’jeħtieġ nagħmlu f’ħajjitna biex naslu għal dan. San Pawl jgħidilna li jrid jitħabat biex jakkwista dan: “Nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi” (Fil 3:13).

Aħna wkoll irridu nitħabtu biex naslu għal dan, biex nakkwsitaw dan, billi l-ewwel u qabel kollox ngħixu din ir-relazzjoni intima mal-persuna ta’ Ġesù, b’mod speċjali aħna, imma mhux għalina biss, imma lkoll kemm aħna: dak li aħna fi kliem ieħor ngħidulu t-talb. Imma għalina t-talb ħafna drabi jispiċċa xi ħaġa mekkanika, xi ħaġa ritwali li, aktar milli biex dħalt f’relazzjoni, aktar milli biex iltqajt ma’ Ġesù, għamiltha biex tkun lestejt minn xi ħaġa, biex takkwista merti ta’ xi ħaġa, biex isserraħ rasek li għamiltha. X’differenza meta t-talb isir djalogu, relazzjoni! X’differenza meta t-talb tagħna jsir qalb li tinfetaħ ma’ Qalb! 

It-triq li jitlob minna Ġesù biex naslu li hu jkun l-hena u ċ-ċentru tat-teżor tagħna hi wkoll is-smigħ tal-Kelma tiegħu: dik li inti [Gabriel] illum ser twiegħed mhux biss li xxandar, imma wkoll li tisma’, li titgħallem, li temmen. Is-smigħ tal-Kelma huwa fundamentali, kruċjali, mhux għalina biss, imma għal kull min irid jgħix il-ħajja vera. Aħna ngħixu bil-Kelma li nisimgħu, aħna ngħixu l-ħajja ta’ Alla jekk nisimgħu l-Kelma ta’ Alla. Imma wkoll, it-teżor tagħna, li ser jiġi fdat f’idejk, huwa l-‘afikoman’ tagħna, huwa l-‘mazzot’, il-ħobż maqsum tagħna: Ġesù fl-Ewkaristija. Huwa Ġesù, il-ħobż imgeżwer u mpoġġi fil-ġenb; huwa t-talent mirdum fl-għalqa; huwa Ġesù midfun, maqsum, mogħti; huwa Ġesù li jsir ħaġa waħda mal-bniedem, saħansitra fl-esperjenza tad-difna u mhux biss tal-mewt. Huwa Ġesù fl-Ewkaristija. Dan id-don, dan ir-rigal, mhux sempliċiment oġġett, imma huwa esperjenza; mhux sempliċiment realtà, imma huwa ħajja.

Illum il-Mulej qed jagħti lilek, qed jagħti lilna, li nerġgħu nġedduh fina, u jagħtina lilna wkoll li nifhmu meta nersqu għas-sagrament tal-Ewkaristija, meta niċċelebraw il-qsim tal-ħobż. Jgħinna nifhmu li l-ħobż maqsum huwa esperjenza mogħtija lilna. Dan il-ħobż moħbi li jgħallimna ċ-ċkunija, li jgħallimna l-umiltà. Dan il-ħobż maqsum li jgħallimna l-ġenerożità, li jgħallimna l-għotja tagħna nfusna. Dan il-ħobż mikul, li jgħallimna kif għandha tkun il-ħajja tagħna, ikkunsmata fil-qadi tal-oħrajn. Allura dawn id-doni, li min-naħa l-waħda jagħmlu iktar lil Ġesù t-teżor tiegħek, it-teżor tagħna: id-don tat-talb, id-don tal-Kelma, id-don tal-Ewkaristija; min-naħa l-oħra mhumiex biss l-iskop, imma huma t-triq li rridu naqbdu, li rridu nimxu fiha, it-triq li hi differenti minn kif turina d-dinja.

Ejjew aħna wkoll, saċerdoti, hawnhekk flimkien ma’ Gabriel ngħinu lil xulxin, imma llejla ngħinu iktar lil Gabriel. Ejjew nagħtuh lil Gabriel lejn xiex iħares, proprju f’din l-intimità tal-persuna ta’ Ġesù. Ejjew nagħtu lil Gabriel, lill-Insara tagħna – mhux biss, liż-żgħażagħ li jkunu qed jaħsbuha, li jkun jhewdnu jekk jagħtux lilhom infushom jew le lil Alla fil-vokazzjoni – ejjew nagħtuhom lejn xiex iħarsu. Ejjew nagħtuhom triq differenti, triq ġdida, it-triq tal-Evanġelju, it-triq ta’ Ġesù: it-triq tal-ħobż maqsum, it-triq tat-teżor moħbi, it-triq tat-teżor li minħabba fih aħna kontinwament, u mhux darba, lesti li nbigħu u nagħtu kulma aħna u kulma għandna. Għax tant hu importanti, tant għandu valur f’ħajjitna, tant hu ċ-ċentru, tant innamrajna miegħu fil-ħajja tagħna, issa u għall-quddiem. Ejjew it-talba tagħna lkoll illum tkun għal Gabriel u għalina lkoll kemm aħna, biex dan is-sagrament li qed niċċelebraw, l-Ordni Sagri, iservina biex nerġgħu niġġeddu. Din mhix xi ħaġa li qed nagħmluha lil Gabriel, imma qegħdin nerġgħu ngħixuha kull wieħed minna, u intom [lajċi] ukoll f’ċertu mod, kull wieħed u kull waħda minna fil-ħajja tagħna. Jalla l-Ewkaristija ma tkunx it-tqarbina li nagħmlu fin-nofsiegħa tal-quddiesa, jew fil-quddiesa tal-Ħadd, tliet kwarti quddiesa li nagħmlu f’għeluq il-ġimgħa, imma l-Ewkaristija sservi bħala l-istil tal-ħajja ta’ kull wieħed u kull waħda minna.

Leave a Reply

%d bloggers like this: