Teżor li ma jintemmx

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 18 ta’ Ġunju 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tal-Quddiesa tal-Ġimgħa tal-Ħdax-il Ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Kultant ma jkunx faċli li nifhmu mal-ewwel il-kliem ta’ Ġesù, imma dak li jgħid illum fl-Evanġelju żgur li nifhmuh mal-ewwel, anke għax tant  narawh fl-esperjenza tal-ħajja. Ġesù jgħid: “tgeddsux għalikom teżori f’din id-dinja”, u jgħid għaliex: għax it-teżori ta’ din id-dinja jispiċċaw, jew għax jitmermru bil-kamla u bis-sadid, jew għax il-ħallelin jinfdu u jisirqu. Dawn huma kollha provviżorji, it-teżori ta’ din id-dinja.

Ġesù jgħid dik il-kelma importanti “tgeddsux”. X’jiġifieri tgeddes? Jiġifieri jkollok, u trid iktar, u tkompli biex ikollok iktar b’ċerta kilba, li minn ħaġa ġġib oħra kemm jista’ jkun biex takkwista, b’dik ir-regħba. Ġesù mhux qed jgħid “tużawx”, tużawx il-ġid, anzi hu jrid li aħna jkollna dak li hemm bżonn biex ngħixu ħajja deċenti aħna, u l-familja, u li naħdmu għalhekk. Imma “tgeddsux” tfisser meta dak li għandna jsir idolu, u allura jmexxina hu, jikkmandana hu. Għalhekk, flok aħna fil-paċi ngawdu l-ħajja, inkunu preokkupati b’dak li għad ma għandniex, u kultant aktar tard imbagħad imsallbin b’dak li għandna. Għalhekk Ġesù jgħid “tgeddsux”.

Ġesù jfakkarna xi ħaġa tant importanti li kultant ninsew: li dak kollu li aħna nistgħu niksbu hawn, u li jkollna hawn, m’aħniex se neħduh magħna l-mument li hu jsejħilna għall-ħajja ta’ dejjem. Xejn minn dan mhu se nġorru magħna. Ma nistgħux inġorru xi ħaġa u nippreżentawhielu hemm, u ngħidulu: din ħdimna għaliha. Xejn. Hemmhekk ma mmorrux b’dawn it-teżori ta’ din id-dinja.

Għalhekk Ġesù jagħmel id-differenza bejn it-teżori li nistgħu ngeddsu f’din id-dinja, u t-teżori għall-ħajja tas-sema. X’inhuma dawn it-“teżori fis-sema”? Huwa l-ġid mhux li jkolli u nakkwista, imma l-ġid li nagħmel, speċjalment ma’ dawk li huma fil-bżonn. Ġesù qalilna kemm hu importanti li aħna nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn. Semmielna l-opri tal-ħniena, li lkoll nafuhom u nisimgħuhom kemm-il darba. Qed jgħid Ġesù: dak huwa l-ġid tas-sema: meta aħna ngħinu lil min hu fil-bżonn, lil min għaddej minn tbatija. Il-ġid li nagħmlu hawn hu t-teżor fis-sema, li jiswa għall-ħajja ta’ dejjem. Għax Ġesù qalilna: “dak kollu li għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi.”

Hawnhekk Ġesù jgħid: “fejn hemm it-teżor tiegħek, hemm tinsab qalbek ukoll”. Jekk it-teżor tagħna huwa hu, u dak li jiswa tassew għall-ħajja tas-sema, qalbna tkun qed tistrieħ fih; imma jekk it-teżor tagħna huwa hawn, qalbna marbuta ma’ dak li għandna hawn, ma jistax ikun li qalbna tisrieħ fih.

Nitolbu lill-Mulej biex aħna nużaw tajjeb il-ġid li jgħaddi b’mod li qatt ma nitilfu l-ġid li jibqa’ għal dejjem. Nitolbuh li mill-ġid li hu jagħtina, li aħna nużawh tajjeb għalina u għall-familja tagħna, niftakru f’dawk li huma fil-bżonn, nieqfu ma’ dawk li għaddejjin minn tbatija, ngħinu biex jintrefgħu dawk li qegħdin f’sitwazzjoni mwiegħra; dejjem f’moħħna u f’qalbna l-kliem tiegħu: dak kollu li tagħmlu mal-iżgħar fost dawn ħuti, tkunu qed tagħmluh miegħi.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: