Għax qed jiġini kollox ħażin?

Print Friendly, PDF & Email

F’ħajti l-Mulej ilaqqagħni ma’ xebgħa nies jipprotestaw. U, il-protesta komuni tagħhom tkun hekk: Issa inqlagħli hekk! Imbagħad inqalagħli hekk! U wara inqalagħli hekk! Mela Alla ittarrax għalija?

Dan l-aħħar il-Mulej aktar ġabni konxju ta’ dawn il-protesti li hawn bħalissa fuq fomm in-nies. Persuna qaltli: Għadni ġejja mill-quddies u ma sibtx tweġiba mingħand il-Mulej. Għaliex nitlob kemm nitlob kollox jiġini ħażin? Hawn tant nies li ma jmorrux il-quddies u lanqas iridu jafu bil-Mulej? Jew imorru l-Knisja għall-okkażjoni biss? U kollox jiġihom tajjeb? U jien ħlief inbati minix? Issa dan sew? Mhux aħjar ma mmur quddies xejn? Mhux xorta Ġesù jgħini?

Waħda mill-karbiet li nisma’ kuljum preċett. Bħalma ġieli din l-istess karba lill-Mulej nokrobha jiena stess, bħala bniedem, meta nara jseħħu quddiem għajnejja ċertu affarijiet tat-twerriċ. Ħbieb, il-fatt li mmur għall-quddies ma jagħtini l-ebda ċertifikazzjoni jew assigurazzjoni li inkwiet qatt mhu se nħabbat wiċċi miegħu. Il-fatt li mmur il-quddies ma jfissirx li attakki mill-għadu mhux se jseħħu fuqi. Mela x-xitan jattakkana Patri?

L-ewwel nett, ħajja mingħajr problemi u konflitti ma teżiżtix! Il-ħajja ġlieda. Intom stess b’ħajjitkom tgħallmuhuli dan. Mhux kulħadd irid jitħabat għall-ħobżna ta’ kuljum? Mhux kulħadd irid jaffaċċja l-problemi tal-mard, tax-xogħol u tar-relazzjonijiet familjari u fil-komunità? Ma dan kollu għandna, iwa, għadu li jismu xitan li jara x’jagħmel biex jindannana. Ix-xitan dejjem qiegħed wara widnejna jfesfilna kontra l-Mulej u biex nobogħdu lill-oħrajn u lilna nfusna. Għax, tant kemm jobogħdna li jridna miegħu fl-infern. U allura li jagħmel hu li jbellagħlna r-ross bil-labra għax ixewwixna kontra l-Mulej. Li ġralek għax titlob ħi! Int titlobx u tara kif kollox imurlek tajjeb! Hekk jgħidilna!

Imma għax qed jgħidlek biex ma titlobx? Biex jirbħek għal miegħu fl-eternità fl-infern. Iridek tkun f’idejh ħalli ma jbatix waħdu imma tbati int ukoll miegħu għal dejjem. Dik imħabba eh! Mentri l-Mulej, għax iħobbna, jagħmel minn kollox biex isalvana. Għax jgħinna nikkumbattu! Ħa nirbħu! Għalhekk Ġesù jgħidlek u jgħidli:

Dejjem issielet b’konvinzjoni soda li Jiena qiegħed miegħek. Timxix skont ma tħoss, għax dan mhux dejjem ikun taħt il-kontroll tiegħek; il-mertu kollu jinsab fir-rieda… Minix ser nilludik bi prospetti ta’ paċi u konsolazzjonijiet; għall-kuntrarju, hejji ruħek għal battalji kbar. Kun af li issa inti tinsab fuq palk kbir fejn is-sema u l-art kollha qegħdin iħarsu lejk. Issielet bħal kavallier, sabiex Jiena nkun nista’ nippremjak. Toqgħodx tibża’ bla bżonn, għax m’intix waħdek (Djarju Santa Fawstina, 1760).

Itlob! Ħa tissielet! U tirbaħ!

Patri Mario Attard OFM Cap