L-arti tas-smigħ

Il‑messaġġ tal‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi fil-Flimkien – Lulju 2021 …

Il-Knisja f’Malta qed issejħilna biex matul din is-sena nagħrfu kif inkunu nies li nisimgħu.

L-ewwel nett, nisimgħu l-Kelma ta’ Alla. L-esperjenza tal-pandemija wriet l-għatx għall-Kelma ta’ Alla. Il-Papa Franġisku jgħid: “Jeħtieġ nitrawmu kontinwament fis-smigħ tal-Kelma” (Il-Ferħ tal-Evanġelju, nru 174). Mingħajr il-kelma ħajja ta’ Alla, ninxfu u mmutu. Hu meta nisimgħu l-kelma tiegħu Ii qalbna tista’ tkun fil-paċi u li nagħrfu wkoll it-triq it-tajba li għandna naqbdu fil-ħajja.

Nisimgħu wkoll lil xulxin. Fost l-akbar atti ta’ mħabba, hemm li nisimgħu b’attenzjoni lill-oħrajn. Il-Papa Franġisku jgħid: “Għandna bżonn nitħarrġu fl-arti tas-smigħ, li hi iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk.  L-ewwel ħaġa, fil-komunikazzjoni mal-oħrajn, hi l-ħila tal-qalb li tersaq qrib ta’ ħaddieħor, li mingħajrha ma teżisti l-ebda laqgħa spiritwali vera.  Is-smigħ jgħinna nagħrfu liema hu l-ġest jew il-kelma t-tajba li tħarrikna mill-qagħda trankwilla ta’ spettaturi.” (Il-Ferħ tal-Evanġelju, 171). Meta nisimgħu, nistgħu nifhmu ħafna aktar lill-oħrajn.    Fil-komunitajiet tagħna u fil-familji tagħna, hawn ħafna li dak hu li jixtiequ: min jismagħhom.

Is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u s-smigħ tan-nies imbagħad jgħinuna biex fis-smigħ tar-realtà, biex nagħrfu dak li l-Ispirtu ta’ Alla qed jgħidilna fil-ġrajjiet ta’ żminijietna u naqraw is-sinjali tiegħu fl-istorja. Insemmi żewġ punti li joħorġu b’mod qawwi mis-smigħ tar-realtà waqt il-pandemija: l-importanza tal-ħarsien tal-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem; u l-protezzjoni tal-ħolqien.

Is-smigħ għandu jiġi qabel id-diskors.

 Joseph Galea-Curmi

 Isqof Awżiljarju

Leave a Reply