Il-Paniġierku lit-Trinità Qaddisa

Print Friendly, PDF & Email

Dejjem nibqa’ ngħidha u ma nieqafx: Il-ħajja hi sabiħa għax ir-rejaltà trid taraha sħiħa! U r-rejaltà hi sħiħa għax, fil-qalba tagħha, mhix xħiħa! Hi dejjem miftuħa biex tagħti!

Dawn il-ħsibijiet iwassluni biex nagħti r-riedni f’idejn l-Ispirtu tal-Mulej biex jintroduċi hu l-biċċa tal-Paniġierku lit-Trinità Qaddisa. Għedtha eluf ta’ drabi, minix paniġerista. U lanqas nippretendi li nkun. Imma ħuti ma nafx kif ħa naqbad ngħidhielkom, tafu li nħoss li kull sena għandi nitla’ fuq il-pulptu biex inħalli lill-Mulej jinseġ fija u bija l-paniġierku? Jiġifieri dik l-għanja ta’ tifħir lit-Trinità fil-ħajja ta’ dak il-qaddis u l-qaddisa? F’dan il-każ l-għanja kien indirizzata lill-Qaddis tal-qaddisin.

Il-paniġierku għalija hu esperjenza ta’ irtir fejn il-Mulej jiġbidni lejH biex jgħallimni.  Fil-fatt, kull darba li l-Mulej jagħtini l-grazzja li nħallieh fija u bija jinseġ il-paniġierku jiena nagħmel esperjenza mill-isbaħ tal-kliem li nsibu fil-ktieb tal-Profeta Iżaija: Sidi l-Mulej tani lsien ta’ wieħed jitgħallem, biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma. Ta’ kull filgħodu jqajjimli ’l widinti, biex nisma’ bħal wieħed jitgħallem (Salm 50:4). Għalhekk, il-paniġierku jġibni student li JISMA’ għax għandu bżonn JITGĦALLEM KULJUM, minn GĦODU GĦODU. Il-paniġierku jqajjimli ‘l widinti biex nisma’ lill-Mulej ifarraġni ħalli bija jfarraġ lil min għejja jikkumbatti. Għax widinti tkun tabilħaqq imqajma meta tisma’ l-għajta muġugħa tal-Mulej Ġesù f’min qed ibati!

U x’għallimini l-paniġierku tat-Trinità Qaddisa tas-sena 2021? Li Alla l-Missier, jekk inħalliħ, joħloqni, għax jagħmilni strument tal-paċi tiegħu. Li Alla l-Iben, jekk inħallieh, isalvani. U jsalvani meta nħallieh iħeġġeġ fija l-imħabba fejn hemm il-mibgħeda, il-maħfra fejn hemm il-ħtija, il-fidi fejn hemm id-dubju, it-tama fejn hemm il-qtigħ il-qalb, id-dawl fejn hemm id-dlam, il-ferħ fejn hemm in-niket. Li Alla l-Ispirtu s-Santu, jekk inħallieh, iqaddisni. Għax jgħinni nifhem li se nitqaddes meta iżjed infittex li nfarraġ milli nkun imfarraġ jien, meta nifhem lil ħaddieħor aktar milli jifhimni ħaddieħor, meta nħobb aktar milli nkun maħub u maħbuba. Il-vera qdusija hi li meta nagħtu aħna naqilgħu, meta naħfru aħna niġu maħfura u meta mmutu nqumu għall-ħajja ta’ dejjem.

X’hemm isbaħ li l-Parroċċa tat-Trinità Qaddisa tagħti xhieda ta’ dan billi jkollha fiha fraternità magħmula minn Patrijiet Kapuċċini u monaċi Ortodossi? Min jaf kemm Ġesù u San Franġisk ikunu ferħanin!

Radd ta’ ħajr minn qalbi lill-għażiż ħija u ħabib, Dun Ġwann Farrugia, tax-Xejk TV li mhux biss ġibed il-paniġierku imma tellgħu wkoll fuq You Tube. Min irid jisimgħu jittajpja: Paniġirku tat-Trinita’ minn Patri Mario Attard jew imur fuq il-link dirett tiegħu: https://www.youtube.com/watch?v=-rDokF8R2yY

Grazzi Trinità!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: