Wara tmintax-il sena

Print Friendly, PDF & Email

Nhar il-Ħadd 20 ta’ Ġunju 2021, il-Mulej tani grazzja li nagħlaq tmintax-il sena minn mindu ikkonsagrani bħala saċerdot tiegħu. Kemm għadda ż-żmien hux! Kien il-mibki Monsinjur Ġużeppi Mercieca li kien ordnani fil-konkattidral ta’ San Ġwann fis-sena 2003.

Dak il-jum tal-Ġimgħa kien speċjali! Dan l-għaliex, qabel sewwa l-funzjoni tal-ordinazzjoni kienu nfetħu bwieb is-sema! Illum ikolli ngħid li San Bert naħseb li fetaħ u rema’ il-muftieħ dakinnhar! Kemm nieżlet xita! U xita tal-ħamrija tafux! Mela, miskin u miskina min naddaf u naddfet it-twiequ u għamlu l-ħġieġ!

Fil-Konkattidral ġawhra ta’ San Ġwann kollox kien imħejji għal dan l-avveniment mhux tas-soltu. Niftakar li konna ħdax-il djaknu biex niġu ordnati saċerdoti. Iċ-ċerimonja tal-ordinazzjoni kienet kommoventi ħafna. Filwaqt li kliem l-mibki Arċisqof Mercieca għadni nisimgħu b’par widnejn daqshiex u ntogħmu li ma ngħidlekx minn żmien għal żmien. Minkejja li għaddew daqshekk snin. Sintendi, l-għaliex, u mingħajr dubju, kien kliem li ġej mill-Ispirtu s-Santu nnifsu! U tintebaħ ukoll għall-fatt ieħor ħbieb li dan hu hekk: għax aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar jkollu tifsira profonda. Mhux, wara kollox, bħall-inbid, li aktar ma jgħaddi żmien minn fuqu aktar jitjieb fit-togħma tiegħu? U, bħala konsegwenza, aktar iġib flus fis-suq u fis-senduq?

Dak il-kliem jurini xi ħaġa tassew sabiħa fuq l-istrument ekkleżjali li qalu: min qalu kien jaf sewwa x’inhu jgħid! L-esperjenza ta’ ħajtu, flimkien ma’ dik ta’ dawk li għalihom kien ragħaj u missier, u mill-esperjenzi bla għadd li sama’ u kellu jgħaddi minnhom bħala ragħaj, żgur li għallmuh bil-bosta kif iqiegħed id-diskors! U mhux għalhekk li l-qawl  Malti jgħidlek u jgħidli: Staqsi lill-imġarrab?

F’dak iż-żmien kont għadni fil-bidu fil-ħajja saċerdotali tiegħi. Kont bħal tarbija bil-ħarqa lesta biex tagħmel l-ewwel passi tagħha! Mhux faċli. Kollox ġdid. U, ngħiduha kif inhi, ikollok naqra tal-biża sakemm tagħti l-ewwel pass. Sakemm fl-aħħar, u wara biżibilju ta’ tħejjija u stennija, il-mument kien wasal għalija ukoll. U l-Mulej tani l-kuraġġ li nobdi lis-superjuri tiegħi. Illum ngħid li din kienet l-akbar rebħa li kelli f’dawn it-tmintax-il sena saċerdozju, dejjem mingħajr ma jistħoqqli. Inkella, jekk ngħid li jistħoqqli nkun giddieb kbir. Mhux daqstant quddiemkom imma quddiem il-Mulej li l-ġudizzju tiegħu BISS li jgħodd!

Għalhekk kienet importantissma li nobdi. Għax, wara dik l-ubbidjenza, kien hemm miftuħa għalija xita ta’ grazzi li lanqas jien stess qatt ma bsart li se nsibhom ma’ wiċċi! Imma ġew ħuti! Għax, bil-grazzja tal-Mulej Ġesù, obdejt. U obdejt minn qalbi! U x’kien il-prezz tal-ubbidjenza? Xejn għajr l-Isptar San Luqa bħala wieħed mis-sitt kappillani Kapuċċini.

Meta nħares lura lejn din l-esperjenza jaqbiżli d-dmugħ! L-ewwel nett, dmugħ ta’ ferħ. Abbli tgħidli: Int f’sensik Patri? Se xxerred id-dmugħ ta’ ferħ qalb dak il-mard kollu? Inxerrdu ħija! Inxerrdu Oħti! Għax hemm, f’dak l-Isptar imqaddes, kif kien iħobb isejjaħlu l-mibki Patri li jibqa’ dejjem f’qalbi, Patri Joe Saliba OFM Cap, jien sibt tassew lil Ġesù. Hemmhekk il-Mulej innifsu għallimni nkun iċ-Ċirinew tiegħu ħalli nerfagħlu biċċa mis-salib. Inkella, u għaliex le, biex nimsaħlu wiċċu bħal Veronika. Ara kemm hu tal-ħniena!

U għaliex f’dan l-att, li jidħol fil-ġabra ta’ għemejjel tal-Kalvarju, jġib il-ferħ? Kif tridni ma nifraħx meta pazjent, li illum m’għadux magħna, wara operazzjoni bħal dik li għadda minnha, jiġi jirringrazzjani l-għaliex kont miegħu? Kif tridni ma nħossx is-sliem f’qalbi meta, koppja li kienet irrabjata bil-kbir għal dak li seħħ lil binhom, jgħaddi ż-żmien u juruni l-apprezzament tagħhom għal dak li l-Mulej tani grazzja li nkun għalihom? Nifhem: minix qed nagħmilha tal-Messija! Il-Messija Ġesù biss. Imma titfarraġ ħbieb meta tara dan l-atteġjament tant Nisrani u anki uman!

Madankollu, aktar ma beda għaddej iż-żmien minn fuqi, ħajti fl-Isptar għallmittni li m’għandix le nibqa’ nistrieħ fuq l-apprezzament li jista’ jurini ħaddieħor. Li ġieli jkun spiss, xi drabi, darba fil inkella donnu li ma jiġi qatt. Kemm iserraħli qalbi u jurini t-triq ‘il quddiem dak li jgħidli l-magħruf qaddis Russu San Ambroġ ta’ Optina (1812-1891): Jekk se tagħmel it-tajjeb jinħtieġ li twettqu għall-Mulej waħdu. Għal dan il-għan m’għandekx għalfejn tagħti każ tal-ingratitudni tan-nies. Stenna l-ħlas mhux hawn imma mill-Mulej fis-Sema. Jekk se tistenna l-ħlas hawn se jkun għalxejn u int se jkollok tgħaddi mit-tbatija.

Għalhekk mela, meta l-Mulej ifakkarni f’dawn it-tmintax-il sena ta’ saċerdozju ministerjali li għaddew minn fuqi, jien nibki. Nibki l-għaliex l-Ispirtu tal-Mulej, bil-mod qaddis tiegħu, qed iwassalni biex dak li nwettaq inwettqu għalih BISS! Għax mingħandu se nirċievi l-ħlas. Il-bniedem, għax hu bniedem, ġieli jarmi l-ġawhar li jkollu f’ħoġru jew għax webblu li jagħmel hekk ħaddieħor jew ir-rabja li  jkollu fih li qaltlu biex jagħmel hekk. Imma mbagħad, meta jkun se jpoġġi rasu fuq l-imħadda, jew abbli f’dak il-ħin stess li jarma jsabbat saqajh għall-grazzja li tingħatalu, jibda’ jinduna fil-qiegħ ta’ qalbu li jkun żbalja. U, jitħajjar, jerġa’ lura. Anki fl-aħħar ta’ ħajtu!

U proprju hawnhekk, għal dan it-tip ta’ dmugħ ta’ radd il-ħajr lill-Mulej ta’ meta persuna tkun fetħet qalbha għalih, li jien nixtieq nirrikorri issa. Dan id-dmugħ ferm sabiħ u ta’ kuraġġ! Naf! Qed inħabbatha mhux ma’ persuni imma ma’ spirti li ijassru lill-persuni. Bħalma ġieli ijassru lili wkoll għax midneb aktar minn kulħadd. Madankollu, l-esperjenza tiegħi ta’ midneb, għallmittni nsejjaħ ISEM il-Mulej! U meta sejjaħtlu dejjem ġie! Meta ċħadt lix-xitan u lid-dnub u lqajt lil Ġesù bħala l-UNIKU SID U SALVATUR TA’ ĦAJTI, dejjem lilu u lil Marija sibt miegħi! U meta sejjaħtilhom ħa jgħinuni ħaġa tal-għaġeb kif mexxewni ‘l quddiem fit-triq tal-qdusija!

Nixtieq minn qalbi nagħmel kuraġġ, b’dawn ir-riflessjonijiet sempliċi li l-Mulej tani, mhux biss lili nnifsi imma lil tant saċerdoti, patrijiet u persuni ikkonsagrati fis-skiet u bla ma jiksrilhom rashom ħadd. Ħuti, kuraġġ! Irridu nibqgħu għaddejjin! Minkejja s-soċjetà! Minkejja dak kollu li qed jiġri fil-Knisja, fil-familja u fil-kunventi tagħna! Irridu iwa nissuktaw il-mixja tagħna! MiegħU! Mar-Ragħaj it-Tajjeb. Li, anki illum, bit-taqlib kollu li għaddejjin minnu fid-dinja, żgur li mhux ħa jħallina bħall-erbgħa fost il-ġimgħa!

Dan hu ħuti li nista’ ngħidilkom wara tmintax-il sena ta’ saċerdozju. Sintendi, fit-talb, fis-sawm, fil-Kelma ta’ Alla, fis-sagramenti Mqaddsa, u imkebbeb waħda sew fir-Rużarju u fil-Kurunella tal-Ħniena Divina!

Patri Mario Attard OFM Cap