Id-Dielja Vera

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 18 ta’ Lulju 2021: Omelija mill-Isqof Anton Teuma fis-Solennità titulari ta’ San Ġorġ Martri, Patrun tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Bażilika San Ġorġ, il-Belt Victoria.

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Alla jridna u jixtieqna kuntenti. Ara naħsbu li San Ġorġ mexa wara Ġesù u ħa l-martirju għax kien xi masokista – kien xi ħadd li jieħu gost ibati jew isofri! Alla ma jridx it-tbatija. It-tbatija hija frott tal-egoiżmu ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Alla jixtieq li aħna nkunu kuntenti. U din ix-xewqa ta’ Alla tiltaqa’ max-xewqa ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Tgħiduli: Aħna wkoll nixtiequ li nkunu kuntenti. Id-diffikultà fejn tinsab? Ħafna drabi niżbaljaw it-triq. U jekk qed nagħmlu festa dalgħodu lil San Ġorġ, aħna qed nagħmlu festa liż-żagħżugħ li sab it-triq, li mexa l-istess triq ta’ Ġesù. Sab il-paċi, sab il-kuntentizza u sab il-ferħ.

Biex nasal għall-konklużjoni ta’ dak li rridu ngħidu, ta’ dak li rridu nagħmlu, tal-mixja qasira flimkien dalgħodu, nistgħu ngħidu li l-paċi u l-ferħ, issibhom mhux jekk tfittixhom, imma ssibhom jekk tagħtihom. Il-paċi ssibha mhux jekk tfittixha, imma ssibha jekk tagħtiha. Din nafuha mill-esperjenza tal-ħajja. Fil-ħajja tagħna l-ġrajjiet il-kbar huma marbutin flimkien f’sintesi, f’rabta waħda bejn għotja, tbatija u ferħ. Araw x’jiġri fit-twelid ta’ tarbija: l-omm kważi tasal biex tmut biex tagħti l-ħajja, imma dik l-esperjenza twassal għall-ferħ. Araw x’jiġri meta tkun imxejt għal snin twal fis-skiet, fil-ħemda ta’ dar ma’ marid, u jmut: tbati, imma fil-paċi, fl-hena. Araw x’jiġri meta xi ħadd jimpenja ruħu u jistudja, jagħmel il-ħila tiegħu kollha biex jasal xi mkien: jasal kważi mejjet. Araw x’jiġri wara l-eżamijiet, min jeħodhom bis-serjetà. Imma mbagħad, l-esperjenza tal-għotja, l-esperjenza tat-tbatija, hi marbuta mal-esperjenza tal-ferħ.

Dan hu l-martirju ta’ San Ġorġ, u dan hu l-Evanġelju li għadna kif smajna (Ġw 15:1-17). X’inhu l-għeneb, x’inhu l-frott tad-dielja, li dwaru Ġesù jitkellem fl-Evanġelju tal-lum, jekk mhux il-ferħ imħallat mat-tbatija? Mingħajr l-għenba magħsura la int u lanqas jien, ħadd ma jista’ jkollu l-inbid. Imma jekk jista’ jkun fil-ħajja, aljenati, mgħallmin b’mod żbaljat, infittxu l-għeneb li ma jingħasarx biex jagħti l-inbid. Infittxu l-inbid, mingħajr il-bżonn li tagħsar l-għenba. Imma l-inbid mingħajr ma tagħsar l-għenba mhux għajr ilma mħallat bil-kulur. Tagħmilha d-differenza int, nagħmilha d-differenza jien, bejn l-inbid frott għasir l-għenba u l-inbid frott l-ilma mħallat bil-kulur.

“Jiena d-dielja” (v. 1), qalilna Ġesù, anzi qalilna xi ħaġa iżjed: “Jiena d-dielja vera”. Għaliex qalilna “Jiena d-dielja vera”? Għax dawk il-Lhud li kienu qed jisimgħuh kellhom f’moħħhom idea ta’ dielja, prototip ta’ dielja: Iżrael. Is-siġra tad-dwieli, flimkien ma’ tat-tin, kienet is-sinjal tal-poplu ta’ Iżrael, għax il-poplu fih innifsu kien jaħseb li l-hena jinsab filli tkun parti minn dan il-poplu, il-paċi tinsab filli tkun iben Abraham, filli tkun iben ta’ Alla, magħżul minn Alla, parti minn dan il-poplu. Imma Ġesù jgħid: “Jiena d-dielja vera”. Mhux dik id-dielja tat-Testment il-Qadim, mhux il-poplu Lhudi. ‘Jiena l-frott veru, jiena l-paċi vera’. Għaliex? Għax id-dielja tat-Testment il-Qadim tat għeneb u nbid qares. Tat frott qares, żbaljat it-triq. Għalkemm Alla wrieha t-triq tal-ferħ, urieha t-triq tal-hena, imma l-poplu ta’ Iżrael żbalja t-triq tal-hena. Kif niżbalja jien, kif tiżbalja int, kif niżbaljawha aħna fil-ħajja tagħna: naħsbu li l-hena nistgħu nsibuh kif naħsbu aħna. Kull wieħed u waħda minna għandu t-triq tiegħu kif isibha l-paċi, ta’ kif din is-siġra tagħmel il-frott, ta’ kif nagħmlu l-frott fil-ħajja tagħna.

Id-dielja vera huwa Ġesù. Il-poplu li semgħu jgħid: “Jiena d-dielja”, ftakar fid-dielja li kellu wara l-bieb ta’ daru. Kienet drawwa li wara l-bieb tad-dar, li kienet iktar għar milli dar, kien ikollu dielja, kienet issir kannizzata, tant illi l-Lhud kellhom espressjoni: ‘Se mmur nistrieħ taħt id-dielja’, jiġifieri qiegħed fil-paċi, qiegħed fil-kwiet, għad-dell. Immaġinaw is-sħana ta’ dan il-poplu li jgħix fl-Orjent, fil-Lvant Nofsani. Immur nistrieħ taħt id-dielja, il-paċi. Imma mhijiex din id-dielja vera. Id-dielja vera hija Ġesù, il-paċi vera jagħtihielna Ġesù. Jgħidilna Ġesù li jekk aħna nkunu magħqudin ħaġa waħda miegħu, jekk il-fergħa tkun magħquda mad-dielja, aħna jista’ jkollna l-ferħ.

Għalhekk San Ġorġ kien kbir. U dan hu dak li qed niċċelebraw dalgħodu: din ir-rabta kbira li kien hemm bejn Ġorġi, dan iż-żagħżugħ qalbieni, u l-persuna ta’ Ġesù; din ir-rabta intima, tant li l-martirju ta’ wieħed sar il-passjoni tal-ieħor, u l-passjoni ta’ wieħed saret il-martirju tal-ieħor. U d-demm ta’ wieħed ingħaqad mad-demm tal-ieħor. L-għeneb ta’ wieħed ingħasar u sar l-għeneb tal-ieħor. Dan hu l-kobor ta’ San Ġorġ! U hawn hi t-triq tal-ferħ u l-hena tagħna, tal-ferħ u l-paċi tagħna. Jekk il-fergħa tibqa’ magħquda mad-dielja, b’dan il-mod, aħna nistgħu nkunu mhux biss ulied San Ġorġ imma aħwa ta’ San Ġorġ. Bħalu nkunu dixxipli ta’ Ġesù, f’rabta intima mal-persuna tiegħu.

Imma kif il-fergħa tibqa’ marbuta magħquda mad-dielja? B’liema mod San Ġorġ kien magħqud ħaġa waħda ma’ Ġesù Kristu, il-fergħa, iz-zokk, id-dielja vera? Fil-ġrajjiet tal-martirju, kif insibuhom irrakkuntati, ftit insibu dwar l-intimità, dwar il-ħajja ta’ relazzjoni hekk fil-qrib li San Ġorġ kellu mal-persuna ta’ Ġesù. Ftit insibu dwar kemm u kif kien jitlob San Ġorġ; ftit insibu dwar kemm u kif kien jisma’ l-Kelma ta’ Alla San Ġorġ; ftit insibu dwar kemm u kif kien jersaq lejn l-Ewkaristija San Ġorġ. Imma dawn huma l-mezzi sempliċi, ordinarji, imma fl-istess ħin straordinarji, li aħna rridu nużaw u nħaddmu, jekk nixtiequ nibqgħu marbutin mal-fergħa, maz-zokk il-veru, mad-dielja; jekk aħna nixtiequ nibqgħu ħaġa waħda ma’ dan il-qaddis kbir. M’hemmx mod ieħor. Ma nistgħux it-talb, li tmur il-knisja, il-quddiesa, inqisuhom bħala dettall fil-kapriċċ tagħna. Ma nistgħux aħna nqisuhom okkażjoni straordinarja ta’ ġurnata jew jiem fis-sena. Ma nistgħux aħna nippretendu, jew nistennew, jew naħsbu, jew nimmaġinaw, illi aħna ħaġa waħda, fergħa maz-zokk, jekk ma nagħmlux bħal San Ġorġ, ma norbtux l-ankri tagħna, ma norbtux rabta soda u sħiħa mal-persuna ta’ Ġesù.

Il-Profeta Eżekjel f’kapitlu 15 jgħidilna li l-injama, iz-zokk, il-fergħa tad-dielja ma tiswa għal xejn. Il-Profeta jgħidilna li ma tistax taqbad u taqta’ biċċa fergħa tad-dielja u tagħmilha musmar, biex iddendel xi ħaġa magħha, għax ma żżommx. Ma tistax tgħid: ‘Ħa naqbad il-friegħi tad-dielja u naħraqhom biex nisħon’, għax ma jdumux. Ma tistax tgħid: ‘Ħa nħalli z-zokk ta’ dielja fil-ġenb, biex imbagħad ngħid, nużaha aktar tard’… ma ssibhiex, titmermer. Għalfejn tintuża biss il-fergħa tad-dielja? X’inhu l-użu tagħha? X’inhu l-użu tiegħi? X’inhi l-funzjoni tagħna jekk aħna l-friegħi li mwaħħlin mad-dielja? Illi ngħaddu s-sustanza miz-zokk prinċipali biex isir il-frott. Illi nkunu kanal tal-enerġija ta’ Alla, ta’ din l-imħabba ta’ Alla. Li nkunu kanal ta’ din id-dinamika, ta’ dan ir-raġunament, ta’ kif jirraġuna Alla, ta’ kif iħoss Alla, fir-relazzjonijiet tagħna, fil-ħajja ta’ xulxin. Il-bqija l-bniedem m’għandux skop għalfejn jeżisti. Ara kemm nippruvaw inpoġġu l-ferħ tagħna f’oġġetti, fi pjanijiet, f’persuni, f’sitwazzjonijiet… meta tgħaddi l-esperjenza nindunaw illi baqgħalna l-fergħa taz-zokk immermra. Liż-żarġun ma ssibux, tmermer; ma jibqagħlek xejn. Għax l-unika funzjoni u l-unika raġuni li għandu z-zokk tad-dielja li jeżisti, hi sempliċiment biex jgħaddi dik is-sustanza, jgħaddi dik l-enerġija lill-frott, lill-għeneb. U allura bilfors li jiena u int irridu nibqgħu marbutin mad-dielja. Bilfors, jien u int, irridu nibqgħu marbutin maz-zokk prinċipali, kif kien marbut San Ġorġ.

Il-bqija x’jiġri? Jekk tipprova tuża’ din il-fergħa tad-dielja għal ħaġa oħra, ser tispiċċa fix-xejn; ser naqgħu fil-frustrazzjoni, ser naqgħu fid-delużjonijiet. Kemm bnedmin imdejqin, kemm nies fid-disperazzjoni. Għalfejn? Għax għandhom il-problemi. U mhux kulħadd għandu l-problemi! Għalfejn? Għax ġratilhom traġedja. Mhux kulħadd illum jew għada tiġrilu traġedja! Għalfejn? Għax foqra u m’għandhomx flus. U mhux kulħadd tonqsu xi ħaġa fil-ħajja! Mhux kulħadd fqir minn xi ħaġa fil-ħajja! Imma jekk aħna ħa nibqgħu nfittxu, jekk aħna nibqgħu nippretendu li l-ferħ insibuh daqskemm infittxuh, allura x’ser jiġrilna? Li kull darba li mingħalina li ħkimnieh, jaħarbilna minn idejna. Il-ferħ issibu tassew kif sabu San Ġorġ, fl-għotja tiegħu nnifsu, fl-għotja ta’ ħajtu, fil-martirju.

U Alla nnifsu, fl-istorja tal-ħajja tagħna, jedukana. Ġesù llum fl-Evanġelju għandu vers tassew importanti u tassew sabiħ: Dik il-fergħa li tagħmel il-frott, il-bidwi x’jagħmel? “Jiżborha u jnaddafha, biex tagħmel frott aktar”. Dik li ma tagħmilx frott, jaqtagħha u jarmiha; in-nixfa m’għandux x’jambiha fis-siġra. Ix-xogħol li jagħmel il-bidwi matul ix-xhur tax-xitwa. Id-dielja intom tafu li għandha bżonn ta’ ħafna kura. Fix-xhur kollha hemm x’tagħmel mad-dielja. Min għandu xi dielja, jew għandu xi dwieli, jaf x’qiegħed ngħid. Fix-xhur tax-xitwa, il-bidwi jipprova jqaċċat u jgħin id-dielja teħfief, fejn il-friegħi morda, jew il-friegħi mejta jqaċċathom, ineħħihom. Imma jiżbor id-dielja fis-sajf il-bidwi. Jiżbor id-dielja bħal dan iż-żmien, jew iktar tard f’Awwissu, meta jkun qed joqrob qtugħ il-għeneb. Għaliex? Biex jeħles mid-dielja, mill-friegħi ħajjin, dgħajfin iva, imma bla frott. Għaliex jaqtagħhom il-bidwi? Biex il-fergħa li fiha l-frott tagħmel frott tajjeb, frott bnin, frott b’saħħtu, li jagħti nbid ħelu, inbid mill-ifjen.

Hekk jagħmel Alla fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Mingħajr ma tinduna, tiġrilek xi ħaġa, li tkun waħħalt moħħok fuqha int. ‘Nikseb din, nagħmel din, nasal hemmhekk u nkun kuntent’. U jaqagħlek kollox. Xi jkun qiegħed jagħmel Alla f’ħajtek? Ikun qiegħed jiżbrok bil-mod, ikun qed jaqta’ bil-mod fejn ma jagħmilx frott, fejn jagħmel frott dgħajjef, biex inti tinduna liema huma l-friegħi fik, liema huma l-enerġiji fik, li jagħmlu l-aħjar frott, l-isbaħ frott, l-itjeb inbid.

Hu dan id-dixxerniment li jagħmel Ġorġi f’ħajtu. Din hija l-ħajja kollha ta’ San Ġorġ: għotja sħiħa kontinwa. Iħalli lil Alla kontinwament jiżbru u jbiddlu; jiffurmah, jagħmlu persuna dejjem isbaħ u aħjar. Din hi l-istorja tal-ħajja tagħna, inkella nkunu naħlu kull mument ta’ ħajjitna. Inkella, kieku jkollna mmorru lura u ngħidu liema huma l-mumenti li għandhom valur f’ħajjitna, u liema huma dawk il-mumenti li m’għandhomx valur f’ħajjitna, nispiċċaw li nsibu wisq iktar dawk li ma xtaqniex, il-mumenti li ma ridniex, milli dawk li ridna. Filwaqt li Ġorġi jgħallimna li kull mument tal-ħajja tagħna, anki l-iktar wieħed iebes, anki l-iktar wieħed li jinsab fid-dlam ta’ wied skur u fond, anki dawk il-mumenti huma l-aktar importanti f’ħajtek. Għaliex? Għax Alla qiegħed jiżbor bil-mod il-mod id-dielja, biex tagħti l-frott. Alla qiegħed ikabbrek bil-mod il-mod, jekk tħallih, biex tagħti l-frott.

San Ġorġ, mibdul mill-Kelma, mibdul mill-esperjenza tal-ħajja, mibdul ukoll permezz tar-relazzjonijiet ta’ flimkien – għax anki dawn huma mod ta’ kif Alla jiżborna, huma mod ta’ kif aħna nikbru – lest biex jagħti lilu nnifsu, lest biex jagħti ħajtu. San Ġorġ jaf li l-hena veru ma jistax ikun maħlul mill-għotja sħiħa. Il-ferħ veru rriduh, l-għotja sħiħa, jekk jista’ jkun, le! It-tagħlima ta’ San Ġorġ, flimkien ma’ dik ta’ Ġesù, fl-Evanġelju tal-lum, mhix għajr din: Ġesù, li hu d-dielja vera, li jagħti l-frott veru, jagħti l-għeneb veru, isir l-għenba magħsura, isir id-demm, li bih jien u int nitmantew, li bih jien u int nieħdu l-ħajja. Minn hawn u ftit ieħor dan id-demm, dan il-ġisem, ser isir parti minna, isir wieħed minna; għax Alla jixtieq jibqa’ magħna: “Min jibqa’ fija u jien fih, dan jagħmel ħafna frott” (v. 5). Insibuha diversi drabi l-espressjoni “ibqgħu fija”, “nibqa’ fikom”, f’dan l-Evanġelju… almenu 9 darbiet.

Dan hu l-qofol, l-essenza tal-ħajja ta’ San Ġorġ: San Ġorġ li jibqa’ f’Ġesù – Ġesù li jibqa’ f’San Ġorġ. U għandha tkun l-essenza tal-ħajja tagħna: aħna li nibqgħu f’Ġesù – u Ġesù li jibqa’ fina. Mod ta’ kif, issa stess, aħna nistgħu nibqgħu fih u hu jibqa’ fina, hu li minn hawn u ftit ieħor, kull wieħed u waħda minna, sejrin immilu jdejna biex nilqgħu lil Ġesù. Ejjew inkunu konxji li f’dak il-mument aħna nkunu marbutin maz-zokk prinċipali. Il-friegħi, kultant morda, kultant dgħajfin, kultant jagħtu l-frott u kultant le; imma jekk marbutin maz-zokk prinċipali, li hu Ġesù, jekk nixorbu minn din is-sustanza, minn dan id-demm, minn din l-enerġija, minn din l-imħabba, ma jkun hemm xejn fil-ħajja tagħna – il-frott li nagħmlu, il-frott tal-ferħ u l-imħabba, il-frott tal-ferħ u tal-għotja – li jista’ jiġi mċajpar, li jista’ jiġi għad-dell, li jista’ jiġi mwarrab fil-ġenb.

Ejjew nitolbu lil dan il-qaddis kbir, lil San Ġorġ, biex jgħallimna l-lezzjoni tal-ħajja, li aħna qegħdin niġbru, illum u f’dawn il-jiem, f’din il-festa. Tistax tagħmel festa lil xi ħadd li jmut! Tistax tagħmel festa lill-mewt! Tistax tagħmel festa lil xi ħadd li għaddej minn tbatija kbira! Tistax tagħmel festa lil xi ħadd li għaddej minn inkwiet kbir! Iva, tista’! Sakemm bħal San Ġorġ, dak l-inkwiet, dik it-tbatija, ma tkunx għajr simbolu, sinjal, espressjoni tal-imħabba tiegħu, tal-għotja tiegħu. Għax il-paċi u l-ferħ jinsabu biss fejn hemm l-imħabba vera, fejn hemm l-għotja vera. Il-bqija, għalkemm infittxuha ’l hawn u ’l hemm, fix-xorb, fid-divertiment, xi kultant fil-festa stess, kemm inkunu aljenati u żbaljati! Il-bqija, ara kemm infittxuha ’l hawn u ’l hemm, forsi fid-droga, forsi fid-divertiment bla rażan, forsi fil-modi tagħna ta’ kif nistrieħu, ta’ kif nerġgħu nġibu l-enerġija. Imma meta tgħaddi l-ġurnata, meta jgħaddi l-mument, insibu li f’idejna m’għandniex ħlief żarġun tad-dielja mmermer. Dak il-ħin, proprju dak il-ħin, ejjew ħa nħossu, kull wieħed u kull waħda minna, is-sejħa ta’ Alla u ta’ Ġorġi tagħna tgħajjat fina: ‘Ingħaqad, intrabat mal-fergħa prinċipali, ingħaqad u ntrabat maz-zokk veru li hu Kristu; biex tagħti frott bnin, biex tagħti għeneb magħsur, iva, imma li jagħti l-inbid tal-ferħ’.

Leave a Reply