Ittra ta’ soru stuprata mis-suldati

29 ta’ Awwissu, 2016: Ittra straordinarja miktuba minn soru żagħżugħa, Sor Lucy Vertrusc, lill-Madre Superjura. Sister Vertrusc ħarġet tqila wara li ġiet stuprata fl-1995 matul il-gwerra fl-ex Jugoslavja. L-ittra dehret f’gazzetta Taljana fuq ordni tal-Madre Superjura tagħha.

“Jien Luċija, waħda mis-sorijiet żgħażagħ stuprati mis-suldati Serbi. Qed nikteb lilek, Madre, wara dak li ġara lil ħuti s-sorijiet Tatiana, Sandria, u lili.

Ippermettili li ma nidħolx fid-dettalji kollha. Hemm xi esperjenzi fil-ħajja tant atroċi li ma tista’ tgħidhom lil ħadd ħlief lil Alla, li fis-servizz tiegħu kont ikkonsagrajt ħajti kważi sena ilu.

Id-drama tiegħi mhix tant l-umiljazzjoni li sofrejt bħala mara, mhux ir-reat inkurabbli mwettaq kontra l-vokazzjoni tiegħi bħala reliġjuża, imma d-diffikultà li jkolli ndaħħal fil-fidi tiegħi ġrajja li ċertament tifforma parti mir-rieda misterjuża ta’ Dak li dejjem ikkunsidrajtu bħala l-Għarus Divin tiegħi.

Ftit jiem biss qabel, kont qrajt “Id-Djalogi tal-Karmelitani” u spontanjament tlabt lill-Mulej biex jagħtini l-grazzja li nkun bħal dawk li mietu martri tiegħu. Alla ħatafni fil-kelma, imma b’tali mod orribbli! Issa nsib ruħi mitlufa fid-dwejjaq tad-dlam intern. Huwa qered il-pjanijiet ta’ ħajti, li qisthom definittiv u kienu jqanqluni, u Huwa da]]alni f’salt fil-pjan Tiegħu li jiena mhux kapaċi nifhem.

Meta kont għadni żagħżugħa, ktibt fid-Djarju tiegħi: Xejn mhu tiegħi, jien ma jien ta’ ħadd u ħadd ma hu tiegħi. Imma lejl wiehed, lejl li nixtieq li qatt ma niftakar, xi ħadd qabadni u ċarratni minni nnifsi, u pprova jagħmilni tieghu . . .

Kien diġà bi nhar meta qomt u l-ewwel ħsieb tiegħi kien fl-agunija ta’ Kristu fil-Ġnien. Ġo fija qamet battalja terribbli. Staqsejt lili nnifsi għaliex Alla ppermetta li jiġrili dan, li nkun meqruda preċiżament f’dik li kienet it-tifsira ta’ ħajti.  Imma staqsejt ukoll lili nnifsi dwar liema vokazzjoni ġdida kien qed isejħili.

Tħabat biex inqum u megħjuna minn Sor Josefina, irnexxieli niddritta. Imbagħad smajt il-ħoss tal-qanpiena tal-kunvent Agostinjan, li kien eżatt ħdejn tagħna. Kien sar il-hin għat-talb ta’d-disgħa ta’ filghodu.

Raddejt is-salib u bdejt ngħid f’qalbi l-innu liturġiku. Dal-ħin fuq l-għolja tal-Golgota Kristu, il-veru Ħaruf tal-Għid,  ħallas il-prezz tas-salvazzjoni tagħna. 

X’inhi t-tbatija tiegħi, Madre, u l-offiża li rċevejt meta mqabbla mat-tbatija u kull ma għadda minnu Dak li għal elf darba kont ħlift li nagħti ħajti. Imbagħad  bil-mod, bil-mod ħafna, għidt, “Jalla isseħħ ir-rieda tiegħek, fuq kollox issa li ma għandi mkien fejn immur u li nista’ nkun ċerta biss minn ħaġa waħda, Int miegħi.

Madre, mhux qed nikteb biex infittex il-faraġ, imma sabiex tkun tista’ tgħinni nirringrazzja lil Alla talli assoċjani ma’ eluf minn sħabi kompatrijotti, li l-unur tagħhom ġie imkasbar, u li kellhom jaċċettaw maternità mhux mixtieqa. L-umiljazzjoni tiegħi tingħaqad ma’ tagħhom, u peress li m’għandi xejn iktar x’noffri bi tpattija għad-dnub imwettaq minn dawk bla isem u għar-rikonċiljazzjoni taż-żewġ popli mifruda, naċċetta dan id-diżunur li sofrejt u nafdah fil-ħniena Alla.

Tiskantax, Madre, meta nitolbok taqsam miegħi “il-ħajr” tiegħi li jista’  jidher assurd.

Matul l-aħħar xhur kont xerridt baħar ta’ dmugħ għaż-żewġ ħuti li kienu maqtula mill-istess aggressuri li qed jitteroriżaw il-bliet tagħna, u kont qed naħseb li ma kienx possibbli għalija li nsofri xi ħaġa agħar minn hekk, tant ’il bogħod mill-immaġinazzjoni tiegħi kien dak li kellu jiġri.

Kuljum, mijiet ta’ nies imġewħa kienu jħabbtu l-bibien tal-kunvent tagħna, jirtogħdu bil-kesħa, bid-disperazzjoni f’għajnejhom. Xi ġimgħat ilu, tifel ta’ madwar tmintax-il sena qalli: Kemm int xortik tajba li għażilt kenn fejn l-ebda ħażen ma jista’ jilħqek. Dan it-tfajel klelu f’idu kuruna ta’ tifħir għall-Profeti. Wara ħied jgħidli “Qatt mhu ser tkun taf xi tfisser li tkun diżonorata”.

Ħsibt fit-tul dwar kliemu u kont ċerta li kien hemm element fit-tbatijiet tal-poplu tiegħi li kien moħbi minni; kważi stħajt li jiena kont ġejt imħollija barra.

Issa sirt waħda minnhom, waħda mill-ħafna nisa mhux magħrufa ta’ niesi, li kellhom ġisimhom meqrud u qlubhom imtertqa. Il-Mulej kien issa daħħal lili wkoll fil-misteru tiegħu tal-mistħija. Barra minn hekk, lili, reliġjuża, Huwa tani l-privileġġ li nsir midħla tal-ħażen u li nidħol fil-fond tal-forza diabolika tiegħu.

Naf li minn issa ‘l quddiem il-kliem ta’ inkoraġġiment u konsolazzjoni li nista’ noffri mill-qalb fqira tiegħi se jkunu aktar kredibbli, għax l-istorja tiegħi hija l-istorja tagħhom, u r-rassenjazzjoni tiegħi, msaħħa bil-fidi, għallinqas tista’ tkun għalihom punt ta’ referenza, jekk mhux eżempju fid-domandi morali u emozzjonali tagħhom.

Kulma hemm bżonn huwa sinjal, vuċi żgħira, ġest fratern biex iqajjem mill-ġdid it-tamiet ta’ tant kreaturi mitlufa.

Alla għażilni – jalla jaħfer il-preżunzjoni tiegħi – biex niggwida lil dawk l-aktar umli tal-poplu tiegħi lejn il-bidu tal-fidwa u l-libertà. Ma jistgħux jibqgħu jiddubitaw is-sinċerità ta’ kliemi, għax bħalhom jien ġejt, mill-periferija tal-insult u l-profanazzjoni.

Niftakar iż-żmien meta kont nattendi l-università f’Ruma sabiex inġib il-Masters fil-Letteratura, mara anzjana Slava, il-professur tal-Letteratura, kienet tirreċitali dawn il-versi tal-poeta Alexej Mislovic: M’għandekx tmut, għax ġejt magħżula, biex tkun parti mill-jum..

F’dak il-lejl, li fih ġejt terrorizzata mis-Serbi għal sigħat u sigħat, irripetejt lili nnifsi dan il-vers, li ħassejtu bħal balzmu għal ruħi, kważi miġnuna mid- disperazzjoni.

U issa, li għadda kollox, meta nħares lura, nħossni bħal qisni ġejt imġegħla nibla’ pillola tal-biza’.

Kollox għadda, Madre, imma kollox qed jibda. Fit-telefonata tiegħek, wara l-kliem ta’ inkoraġġiment tiegħek, li għalih jiena grata b’ħajti kollha, għamiltli domanda diretta ħafna: X’se tagħmel bil-ħajja li ġiet imġiegħla titnissel ġo ġufek? Smajt leħnek jirtogħod hekk kif għamiltli d-domanda, mistoqsija li ħassejt li ma kellha bżonn l-ebda risposta immedjata; mhux għax ma kontx għadni ħsibt dwar it-triq li jkolli nimxi, imma biex inti ma tfixkilx il-pjanijiet li eventwalment ikollok tiżvela quddiemi. Jien kont diġà ddeċidejt.

Se nkun omm. It-tifel se jkun tiegħi u ta’ ħadd iżjed. Naf li nista’ nafdah f’idejn nies oħra, imma hu – għalkemm la xtaqtu jien u lanqas stennejtu – għandu dritt għall-imħabba tiegħi bħala ommu. Pjanta qatt ma għandha titqaċċat minn għeruqha. Il-ħabba tal-qamħ li waqgħet fir-radda trid tikber hemm, fejn kienet miżrugħa, minn dak il-bidwi ħażin.

Se nwettaq il-vokazzjoni reliġjuża tiegħi b’mod ieħor. Ma nitlob xejn mill-kongregazzjoni tiegħi, li diġà tatni kollox. Jiena grata ħafna għas-solidarjetà fraterna tas-Sorijiet, li f’dawn iż-żminijiet ittrattawni bl-ikbar delikatezza u qalb tajba, speċjalment għaliex qatt ma għamluli domani bl-addoċċ.

Se mmur ma’ ibni. Ma nafx fejn, imma Alla, li f’daqqa waħda kissirli l-akbar ferħ li kelli, se jurini t-triq li għandi nimxi biex inwettaq ir-rieda Tiegħu.

Ser nerġa’ nkun fqira, nerġa’ lura għall-fradal qodma u ż-żraben tal-injam li n-nisa fil-pajjiż jużaw għax-xogħol, u se nakkumpanja lil ommi fil-foresta biex tiġbor ir-raża mix-xquq fis-siġar.

Xi ħadd irid jibda jkisser il-katina ta’ mibegħda li dejjem qerdet il-pajjiżi tagħna. U allura, jien se ngħallem lit-tarbija tiegħi ħaġa waħda biss: l-imħabba.Dik it-tarbija, imwielda mill-vjolenza, se jkun xhud flimkien miegħi li l-uniku kobor li jagħti unur lill-bniedem hija l-maħfra.

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.