Gwanni Pawlu II fl-anniversarju ta’ Radju Vatikan

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦAĊ-ĊINKWANTINARJU TAR-RADJU VATIKAN
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Kappella Sistina, 12 ta’ Frar 1981

Għeżież ħuti,

1. Ħamsin sena ilu, f’dan l-istess jum, il-meqjum predeċessur tiegħi Piju XI indirizza għall-ewwel darba radju messaġġ lid-dinja, u hekk inawgura dak li, bi kburija leġittma, intom issejħu r-Radju tal-Papa. Kienet ix-xewqa tagħkom – f’kontinwità ideali ma’ dik il-ġrajja – li dan il-jum ċinkwantinarju jarakom miġburin madwar ir-Ragħaj viżibbli tal-Knisja universali, biex tieħdu sehem fil-gratitudni u fil-ferħ tal-Ewkaristija.

U sabiex f’din l-Ewkaristija jieħdu sehem ukoll is-semmiegħa bla numru, li lilhom intom tagħtu s-servizz tagħkom ta’ kuljum u li jikkostitwixxu l-għana kbir tar-Radju Vatikan, speċjalment dawk li jbatu minħabba l-fedeltà tagħhom lejn Kristu, u l-morda u l-anzjani, tlabtu li din iċ-ċelebrazzjoni ewkaristika isseħħ u tiġi trażmessa fl-istess siegħa li fiha kuljum il-quddiesa tiġi mxandra mill-Kappella tagħkom.

Din ix-xewqa tikkorrispondi mal-vokazzjoni fundamentali tar-Radju Vatikan. Kull wieħed u waħda minnkom tafu li l-opra tal-evanġelizzazzjoni permezz tar-radju titlob riċerka nstankabbli ta’ medjazzjoni kulturali, ta’ lingwaġġ effikaci, ta’ espressjonijiet krejattivi. Imma f’kull wieħed u waħda minnkom hemm iċ-ċertezza, ikkorraborata mix-xhieda ta’ tant semmiegħa, li d-dmir ewlieni u fundamentali tar-Radju Vatikan, ta’ dan is-servizz prezzjuż u irrinunċjabbli lill-Knisja, huwa dak li jxerred it-tagħlim u l-leħen stess tal-Vigarju ta’ Kristu, li jippermettilu, bħal ma diġa kien qal Piju XI, “li jestendi l-konversazzjoni tiegħu lid-dinja kollha”.

Fit-twettiq ta’ din il-missjoni essenzjali tiegħu ir-Radju Vatikan jikkontribwixxi biex iqawwi l-għaqda tal-Knisja, waqt li jippermetti lill-fidili ta’ kull parti tad-dinja li jitħaddnu kważi fiżikament madwar il-Papa. “speċjalment billi jingħaqdu minnufih mas-Sedja ta’ Pietru u bejniethom dawk il-Knejjes lokali li jsibu ruħhom f’kondizzjonijiet prekarji ta’ libertà reliġjuża”. Bħal ma għidt fl-okkażjoni taż-żjara tiegħi lis-sedja tagħkom nhar il-5 ta’ Frar tas-sena l-oħra.

2. Intom tafu tajjeb li l-mewġ li jwassal il-messaġġi tagħkom jissuperaw distanzi ġejografiċi u fruntieri ta’ kull natura, imma kunu afu wkoll li, ‘il fuq mill-istess informazzjoni tant prezzjuża għal dawk li m’għandhomx sorsi oħra, u flimkien mal-katekeżi, indispensabbli għal tant li m’għandhomx riżorsi oħra, hemm il-komunjoni ekkleżjali, li lilha intom tirrendu servizz billi ġġibu xi ħaġa li mhix tagħkom imma li tiġikom kontinwament irregalata.

Għalhekk il-waqt tat-talb, tal-Ewkaristija, huwa l-ogħla waqt li l-jum operuż tagħkom jistà jgħix: huwa l-waqt li fih, inviżibilment imma konkretament, intom issibu ruħkom fiċ-ċentru ta’ komunjoni ekkleżjali ffurmata mhux minn sempliċi semmiegħa, imma minn membri ħajjin u parteċipanti fil-misteru interrott li huwa l-Knisja ta’ Kristu pellegrina fid-dinja.

Din iċ-ċentralità tagħkom, li hi għalikom don prezzjuż u fl-istess ħin l-ogħla responsabiltà, iġġegħlkom minnufih tifhmu r-raġuni profonda tal-għaqda tagħkom mal-Papa, tal-fedeltà tagħkom lejn il-Papa, tal-bżonn tagħkom li qlubkom iħabbtu taħbita waħda ma’ dik tal-Papa. Mitmugħa mill-Ewkaristija, fattur primarju ta’ għaqda tal-Knisja, u fidili lejn il-Papa, “priċipju u sies perpetwu u viżibbli”, sinjal u garanti tal-għaqda tal-Knisja, intom tistgħu kuljum b’umiltà u fiduċja tiżvolġu l-ministeru tagħkom, li huwa servizz ta’ evanġelizzazzjoni. U jekk il-limiti tar-riżorsi materjali u l-limiti umani stess tagħkom kultant jistgħu jirrendu anzjuża s-serenità tagħkom, ftakru li l-messaġġ afdat lilkom huwa ikbar minnkom u li dan jikkostitwixxi wkoll u l-ewwel għalikom sors ta’ ħajja u ta’ qawwa.

Umiltà, rionoxxenza u fiduċja: dawn huma s-sentimenti li nistedinkom iġġeddu f’dan iċ-ċinkwantenarju tal-fondazzjoni tar-Radju Vatikan, u fl-istess ħin inġeddilkom dak il-mandat biex tevanġelizzaw il-ġnus kollha, li Kristu Mulej ma jaqtà qatt li jġegħlu jidwi fi qlubna.

3. Il-Qari bibbliku ta’ din il-liturġija isejħilna mill-ġdid b’mod opportun għal din l-istess tema.

“Euntes, docete omnes gentes”: “Morru mela u għallmu lill-ġnus kollha” (Mt 28,19). F’din l-għotja suprema ta’ Kristu rxoxt lid-dixxipli tiegħu issejjes u tmantni l-impenn enormi kollu mifrux mill-Knisja tul il-kors tal-istorja ta’ dawn iż-żewġ millenji biex tixhed, bil-kliem u bl-opri, għall-Vanġelu u għall-qawwa tiegħu ta’ bidla. U nieħu gost ninnota linja ta’ ħsieb unika, dik appuntu tal-istess aħbar tas-salvazzjoni ċċentrata fi Kristu, li torbot flimkien l-ewwel diskors ta’ Pietru nhar Għid il-Ħamsin, misjub fit-tieni kapitlu tal-Atti tal-Appostli, u dawk tas-Suċċessuri tiegħu f’dan is-Seklu XX, li ġew servuti mill-mezz radjufoniku. L-aħbar, kont għidt, hija l-istess; imma wkoll l-istess hija d-destinazzjoni universali, allura mfissra mill-ħila tal-għaġeb li biha r-rappreżerntanti tal-artijiet kollha magħrufa f’dak iż-żmien setgħu jisimgħu l-kelma apostolika f’Ġerusalem, u llum imwettqa, fuq raġġ enormi ferm iktar vast, mill-possibilta li r-Radju għandu biex jittrażmetti fil-lingwi ewlenin mitkellma u li jistà jilħaq l-partijiet kollha tad-dinja. U jekk il-Mulej irid li l-istess ikun ukoll ir-riżultat tal-konversjoni, (cf. At 2,2.41), jiġifieri ta’ tiġdid intern tas-semmiegħa fir-rigward ta’ impostazzjoni ġdida tal-ħajja. Jekk, infatti, ir-Radju Vatikan ma jisfurzax, talinqas, li jilħaq dawn l-eżiti missjunarji, jittradixxi l-identità propja tiegħu: jiġifieri dik li jkun strument privileġġjat ta’ evanġelizzazzjoni, li huwa fl-istess ħin aħbar, xhieda u promozzjoni awtentika tal-bniedem.

Huwa dwar is-smigħ, fir-realtà, li tibbaża u titħaddem il-fidi nisranija. L-ewwel qari bibbliku, silta mill-ittra ta’ San Pawl lir-Rumani, dan fakkru f’termini espliċiti u tipiċi: “Fides ex auditu, auditus autem per verbum Christi” (Rm 10,17): il-fidi tiddependi mis-smigħ tal-aħbar, u dan min-naħa tiegħu jikkonċerna u kważi jinkarna l-istess kelma ta’ Kristu, bħalma f’post ieħor jesprimi l-istess Appostlu, “aħna ma nippridkawx lilna nfusna, imma lil Ġesù Kristu Sidna” (2Kor 4,5), ladarba “jekk, jien ningħoġob biss mill-bnedmin, ma nkunx iktar qaddej ta’ Kristu” (Gal 1,10). Propju r-rapport kelma-smigħ-fidi huwa fil-linja purissma tal-misteru tas-Salib feddej ta’ Ġesù, għaliex jgħidilna li l-ħaġa apparentement l-iktar dgħajfa u nkonsistenti, bħal ma hi appuntu l-kelma, hija kapaċi tipproduċi, permezz tal-intervent tal-grazzja divina, ir-realtà l-iktar potenti, jiġifieri l-fidi li “tirbaħ id-dinja” (1Ġw 5,4).

4. Mela, għeżież ħuti, kunu minn dawn l-insara li jħossu jivvibraw b’mod profond l-esiġenzi inerenti għall-Magħmudija tagħhom, u żvolġu s-servizz tagħkom ta’ kuljum mhux biss bil-kompetenza li hija tagħkom, imma wkoll b’dik ir-ruħ apostolika, fl-istess ħin żelanti u intelliġenti, li hija mitluba mid-dixxiplu ta’ Kristu impenjat fil-Knisja u fid-dinja.

U Tislima speċjali irrid nindirizza wkoll lil dawk kollha, li f’dan il-waqt u f’diversi pajjiżi qegħdin jisimgħu leħni. Huwa l-Isqof ta’ Ruma li qiegħed ikellimkom, is-suċċessur ta’ Pietru u l-Vigarju ta’ Kristu, magħqud b’mod patern mal-ulied kollha tal-Knisja fir-rabta identika tal-fidi, tal-karità u tat-tama. Nistedinkom ilkoll biex tħossukom iktar parti minn din il-familja unika u kbira li hija l-Komunità ekkleżjali. Il-Ġisem ta’ Kristu, li fih, “mhemmx iktar Lhudi u Grieg, mhemmx iktar skjav u ħieles, mhemmx iktar raġel u mara, ladarba aħna wieħed fi Kristu Ġesù” (cf. Gal 3,28). U jekk lil xiħadd “minnkom ingħatatlu l-grazzja mhux biss li jemmen fi Kristu, imma wkoll li jbati għalih” (Fil 1,29), għandu jkun jaf li jien qribu b’mod ta’ mħabba, fiċ-ċertezza li “lkelma ta’ Alla mhijiex marbuta bil-ktajjen” (2Tm 2,9).

Il-Mulej jassisti lil kull wieħed u waħda minna “kuljum” (Mt 28,20), iqawwina bil-qawwa tiegħu, jiffertilizza l-impenn u x-xogħol ta’ kulħadd għall-Vanġelu tiegħu.

B’mod speċjali permezz tas-servizz kwalifikat tagħkom tar-Radju Vatikan, jakkwista dejjem verità ikbar il-kliem tas-Salm responsorjali:


“Il-Mulej wera s-salvazzjoni tiegħu, lill-għajnejn tal-popli rrivela l-ġustizzja tiegħu” (Sal 98,2). Amen!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: