Lucien Botovasoa, martri ta’ żmienna

Print Friendly, PDF & Email

LUCIEN BOTOVASOA, Katekist Kattoliku

Fl-1964, TSIMIHONO, anzjan min VOHIPENO, il-Madagascar, talab li jiġi ħdejh qassis mill-missjoni Kattolika. “Kont jien,” qal lill-qassis, “li qtilt lil LUCIEN BOTOVASOA. Inti tafu?” U kompla: “Inħossu preżenti, kien qalli: “Tibżax, jiena nkun maġenbek, inti titgħammed u tmut Nisrani.” Il-missjunarju ħadu l-isptar, fejn miet ġimgħa wara, jitlob ir-Rużarju, wara li tgħammed.

Sbatax-il sena qabel, fl-istess raħal, kienet għaddejja storja drammatika. Il-gżira kienet qamet kontra l-Frnċiżi u daret ukoll kontra l-Kattoliċi. Dawk tar-rewwixta attakkaw il-missjoni f’VOHIPENO, fejn kienu evakwaw ruħhom il-qassis u s-sorijiet.

LUCIEN BOTOVASOA, Katekist Kattoliku, ma kienx hemm, imma meta sar jaf bl-attakk fuq VOLIPENO, mar hemm jgħin lill-Insara tal-post, Kattoliċi u Protestanti. Qalilhom: “Kuraġġ, afdaw f’Alla, jiġri x’jiġri.” Dan ma ntogħġobx minn dawk li riedu jmorru għat-twemmin ta’ qabel. Bagħtu għalih u stidnuh biex jingħaqad mar-rewwixta. M’aċċettax u qalilhom: “M’inix parti mill-politika. Tafu li r-reliġjon għalija hi importanti. Ma nistax ngħin partit li hu kontra r-reliġjon.”

B’hekk ix-xorti tiegħu kienet magħżula. Ġie kundannat għall-mewt. Ħaduh bil-lejl fejn jinqatlu l-barrin, fix-xatt tax-xmara Matitana. Kif waslu, għaqqad idejh f’salib, niżel għarkupptejh u talab għal iktar minn għaxar minuti: “Alla tiegħi, aħfrilhom lil dawn l-aħwa għax hi ħaġa tqila għalihom li jagħmlu dan miegħi. Id-demm tiegħi fl-art j’Alla jsalva lill-pajjiżi.” Qatluh u tefgħu il-ġisem tiegħu fix-xmara.

Is-sens ta’ ġustizzja li kellu LUCIEN BOTOVASOA kien evidenti. Darba sab borża mimlija flus, iktar minn ħafna snin tas-salarju tiegħu, li kien tilifha negozjant tal-bhejjem. LUCIEN BOTOVASOA tahielu mingħajr ma ried xejn bħala kumpens.

LUCIEN BOTOVASOA ġie dikjarat beatu f’April tal-2018 f’VOHIPENO, li fiha 18000 abitanti. Illum, f’ambjent diffiċli u mqalleb, kif inhu fil-Madagascar kollu, VOHIPENO hu oażi ta’ paċi, b’ħajja Nisranija ferventi u hu raħal li jilqa’ lil dawk li huma mwarrba.

Minn Joe Galea

Aktar Martri ta’ żmienna … https://www.laikos.org/martri_zmienna.htm

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: