Il-Papa Franġisku dwar is-sofferenza

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku dwar is-SOFFERENZA … mill-enċiklika LUMEN FIDEI

Fl-enċiklika LUMEN FIDEI, il-Papa Franġisku jfisser kif il-fidi hi forza konsolanti fis-sofferenza. X’jgħid fost l-oħrajn?

“Min jemmen, jara; jara b’dawl li jdawwal il-mixja kollha tat-triq, għaliex ġej għandna permezz ta’ Kristu li qam mill-mewt, il-kewkba ta’ filgħodu li ma tintefa’ qatt.”

Jirreferi għas-Salm 116 fejn hemm: “Emmint anke meta għedt li jien imdejjaq ħafna.” (v. 10) “Meta nitkellmu fuq il-Fidi jkun hemm bżonn ukoll nitkellmu fuq il-provi ta’ swied il-qalb, imma li fihom San Pawl jara t-taħbira konvinċenti tal-Vanġelu, għax hu fid-dgħufija u fis-sofferenza fejn tidher u fejn wieħed jiskopri l-qawwa tga’ Alla li tissupera d-dgħufija u s-sofferenza tagħna. (2 Kor 4, 7-12) Fil-ħin tal-prova, il-Fidi ddawwalna.

Il-Papa jgħid li n-Nisrani jaf li s-sofferenza ma tistax tiġi eliminata, imma jista’ jkollha sens, tista’ ssir imħabba, fiduċja f’idejn Alla li ma jabbandunana qatt u, b’dan il-mod tkun tarġa li biha nikbru fil-fidi u fl-imħabba. In-Nisrani jrid jara l-unjoni bejn il-Missier u Ġesù anki fil-mument tal-aqwa sofferenza fuq is-salib; irid jitgħallem jieħu sehem fil-ħarsa ta’ Ġesù. Anke l-mewt tidher imdawla u tista’ tingħex “l-aħħar sejħa ta’ fidi”: “Oħroġ mill-art tiegħek!” – lil Abraham; “Ejja”, meta persuna tagħti l-aħħar fiduċja li jkun magħna “f’dan il-pass definittiv”.

“Id-dawl tal-fidi ma jnessiniex is-sofferenza tad-dinja. Għal ħafna rġiel u nisa ta’ fidi dawk li qed ibatu kienu medjaturi ta’ dawl! Hekk il-lebbruż għal San Franġisk u għal Madre Tereża ta’ Kalkutta il-foqra tagħha. Fehmu l-misteru li hemm ġo fihom. Meta resqu lejhom żgur li ma’ neħħewx minnhom is-sofferenzi kollha tagħhom, lanqas ma setgħu jispjegawlhom kull ħaġa ħażina.

“Il-fidi mhix dawl li tneħħi d-dlam kollu tagħna imma musbieħ li jiggwida l-passi tagħna, u dan hu biżżejjed għall-mixja tagħna. Għal min qed ibati, Alla ma jagħtihx raġunament li jispjega kollox, imma joffri r-risposta tiegħu fil-forma ta’ preżenza li takkumpanja, ta’ storja ta’ tajjeb li tgħaqqadna ma’ kull storja ta’ sofferenza biex tiftaħ fina raġġ ta’ dawl. Fi Kristu, Alla stess ried jaqsam magħna din it-triq u joffrilna l-ħarsa tiegħu biex fiha naraw id-dawl. Kristu hu dak li, billi ssaporta t-tbatija, “ta oriġini għall-fidi u wassalha sal-aħħar.” Lhud 12, 2 

Minn Joe Galea

Aktar dokumenti mill-Papa Franġisku ssibhom bil-Malti fil-Laikos … https://www.laikos.org/Fr1-Kitbiet_Magisteru.htm

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: