PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL- PAKISTAN, IL-FILIPPINI,
GUAM (USA), IL- ĠaAPPUN U ANCHORAGE (USA)
QUDDIESA FL-ISTADJU TA’ KARACHI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Karachi (Pakistan), 16 ta’ Frar 1981
Eminenza u ħuti Isqfijiet,
Għeżież Huti fi Kristu,
Maħbub poplu tal-Pakistan,
1. Kemm jien kuntent li ninsab f’nofskom illum, kuntent li se nqattà ftit sigħat hawn fil-Pakistan,. Din l-art ta’ kultura hekk antika u ta’ tradizzjonijiet hekk nobbli. Jiena grat b’mod partikolari għall-possibiltà li għandi li niċċelebra l-Ewkaristija mal-komunità kattolika hawn miġbura, mal-kleru, ir-reliġjużi u l-lajċi. Permezz tagħkom nixtieq nestendi t-tislima tiegħi u nassikura t-talb tiegħi lill-insara kollha tal-Pajjiż maħbub tagħkom. Niġi għandkom bħala qaddej ta’ Kristu Ġesù bħala pellegrin tal-fidi, bħala wieħed imsejjaħ biex ixandar il-Vanġelu u biex inwettaq lil ħuti rġiel u nisa fil-fidi.
2. Waqt li ninsab hawn magħkom illum, jiġini f’moħħi l-kliem ta’ Ġesù rrakkontat minn Mattew l-evanġelista: “Għal dan kull skriba li sar dixxiplu tas-saltna tas-smewwiet jixbaħ lil sid ta’ dar li joħroġ mit-teżor tiegħu ħwejjeġ ġodda u ħwejjeġ antiki” (Mt 13,52). Bħall-iskriba tal-Vanġelu, il-Knisja fil-Pakistan hija fi stat li tislet mit-teżor tal-wirt tagħha kemm-il ġdid kif ukoll l-antik. Mill-imgħoddi għandkom it-tradizzjoni li torbotkom mal-Appostlu Tumas u allura mal-Knisja Apostolika tal-ewwel seklu. Minn żminijiet iktar riċenti għandkom il-qawwa ta’ Knisja missjunarja żagħżugħa li issa tefgħet għeruq solidi fil-qalb tal-poplu ta’ dan il-Pajjiż. Tistgħu tapprezzaw dejjem u tgħassu t-teżori tal-patrimonju spiritwali tagħkom, kemm dak ġdid kif ukoll dak antik u bħall-iskriba tal-Vanġelu tistgħu tisiltu l-waqt ġust għall-miġja tas-Saltna ta’ Alla.
3. Il-qari tallum tal-liturġija tal-Kelma jistedinna biex nirriflettu fuq il-misteru profond tal-Ewkaristija. Fl-ewwel qari, jiġi mfakkar lilna “li l-bniedem ma jgħixx biss bil-ħobż, imma li l-bnioedem jgħix b’dak li joħroġ minn fomm il-Mulej” (Dt 18,3). Din hija l-konvinzjoni personali tagħna tal-verità ta’ dan il-kliem li jħeġġiġna biex b’mod regolari ningħaqdu għas-Sagrifiċċju Ewkaristiku.
Bħala segwaċi ta’ Kristu, ma niddisprezzawx il-ħwejjeġ tajbin tal-art, għaliex nafu li dawn ġew maħluqin minn Alla li huwa s-sors ta’ kull ġid. Ma nfittxux li ninjoraw il-bżonn tal-ħobż, il-bżonn kbir ta’ ikel ta’ tant persuni fid-dinja kollha ukoll fl-artijiet tagħtkom. Infatti jekk infittxu li ninjoraw dawn l-esiġenzi fundamentali ta’ ħutna li naraw, kif nistgħu nsostnu li nħobbu lil Alla li ma narawhx? (cf. 1Ġw 4,20). Hu x’inhu tibqà vera l-kelma li “il-bniedem ma jgħixx bil-ħobż biss”. Il-persuna umana għandha bżonn li huwa ferm iktar profond, ġuħ li huwa ikbar minn dak li l-ħobż jistà jissodisfa; dan huwa l-ġuħ tal-qalb umana għall-immensità ta’ Alla. Dan huwa ġuħ li jistà jkun issodisfat biss minn Dak li qal: “Jekk ma tiklux ġisem Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom.
Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu fl-aħħar jum.
Għaliex ġismi huwa ikel tassew u demmi huwa xorb tassew” (Ġw 6,53-55).
4. Kristu huwa l-uniku li jistà jissodisfa l-iktar ġuħ profond tal-qalb umana. Għaliex Huwa biss hu sors tal-ħajja. Bħal ma kiteb San Pawl: “kollox inħoloq permezz tiegħu u għalih. Huwa hu qabel il-ħwjjeġ kollha u jżomm flimkien l-univers kollu”” (Kol 1,16-17). Fi Kristu l-mewt tilfet il-poter tagħha, lill-mewt itteħdilha l-minġel tagħha, il-mewt sfat mirbuħa. Din il-verità tal-fidi tagħna tistà tidher paradossali, għaliex madwarna għadna naraw tant persuni mwerwra miċ-ċertezza tal-mewt u mfixklin mit-turment tad-dulur. Id-dulur u l-mewt infatti jagħfsu fuq l-ispirtu uman u jibqgħu enigma għal dawk li ma jemmnucx f’Alla. Imma fil-fidi aħna nafu li dawn se jkunu megħluba, li kienu mirbuħa fil-mewt u fil-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu Redentur tagħna. Huwa propju dan li nfakkru meta ninġabru fl-isem tat-Trinità Qaddisa; huwa dan li niċċelebraw kull darba li ninġabru għas-Sagrifiċċju Ewkaristiku: aħna nxandru l-mewt tal-Mulej sa ma Huwa jiġi fil-glorja (cf. 1Kor 11,26); aħna niddikjaraw b’leħen wieħed li Ġesù Kristu huwa l-Mulej tal-ħajjin u tal-mejtin, li huwa t-triq u l-verità u l-ħajja (cf. Ġw 14,6), li Ġesù Kristu huwa l-ħobż ħaj li mgħata għall-ħajja tad-dinja (cf. Gw 6,51).
U hija l-Ewkaristija li tesprimi x-xewqa tas-Salvatur tagħna li jkun dejjem preżenti fil-qalb ta’ kull bniedem, waqt li b’mod kontinwu joffri lil kull persuna sehem f’ħajtu.
X’don tal-għaġeb ingħatalna fl-Ewkaristija! O Sagrament indeskrivibbli! Permezz tas-sehem tagħna f’dan l-ikbar att ta’ ħajja u ta’ kult tal-Knisja aħna magħqudin miegħu li huwa r-Redentur tad-dinja, “ix-xbiha ta’ Alla inviżibbli, iġġenerat qabel kull krejatura” (Kol 1,15).
It-tieni qari tal-liturġija tallum jitkellem dwar dan il-misteru kbir kif ġej: “Il-kalċi tal-barka li aħna nbierku, mhuwiex jewwilla għaqda mad-demm ta’ Kristu? U l-ħobż li aħna naqsmu, mhuwiex jewwilla għaqda mal-ġisem ta’ Kristu?” (Kor 10,16).
Dan is-Sagrament kbir li jippermettilna nieħdu sehem fil-ħajja ta’ Kristu jgħaqqadna wkoll ma’ xulxin, jgħaqqadna ma’ kull wieħed u waħda mill-membri tal-Knisja, mal-imgħammdin kollha ta’ kull żmien u ta’ kull Pajjiż. Ukoll jekk aħna li nappartienu lill-Knisja ninsabu mferrxin fid-dinja kollha, ukoll jekk nitkellmu ilsna differenti, ukoll jekk għandna patrimonju kulturali differenti u aħna ċittadini ta’ nazzjonijiet differenti “ladarba hemm ħobż wieħed aħna, minkejja li aħna ħafna, aħna ġisem wieħed: infatti lkoll nieħdu sehem mill-uniku ħobż” (1Kor 10,17).
6. Ladarba l-misteru tal-Ewkaristija huwa marbut b’mod hekk strett mal-misteru tal-Knisja, ma nistgħux ma nitnikktux quddiem il-firdiet li għadhom iferixxu l-Ġisem uniku ta’ Kristu, firdiet bejn aħwa nsara. Aħna mnikkta għaliex għadna ma nistgħux nieħdu sehem flimkien fl-uniku ħobż u fl-uniku kalċi. Jalla dan in-niket iħeġġiġna biex naġixxu. Jalla teżisti fina, li bħala kattoliċi nieħdu sehem f’dan is-Sagrament ta’ għaqda, xewqa profonda ta’ għaqda mill-ġdid tal-Knejjes kollha, jalla nħossu l-urġenza tat-talba ta’ Ġesù. “Ut unum sint: sabiex ilkoll inkunu ħaġa waħda” (Ġw 17,21); u jalla nkunu b’mod iktar profond konvinti mill-bżonn li nitolbu u naħdmu għall-għaqda ta’ dawk kollha li kienu mgħammda fi Kristu.
7. Is-sehem tagħna fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku għandu wkoll japprofondixxi x-xewqa tagħna li l-familja umana kollha tidħol fid-dawl tal-fidi. Għandu jispirana biex inwasslu l-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu lil dawk kollha li għadhom ma jafuhx. Infatti l-Ewkaristija hija “l-ħobż għall-ħajja tad-dinja”, ħobż għal kull raġel u kull mara fuq l-art. Taħt dan l-aspett, huwa mottiv ta’ sodisfazzjon kbir tara kif l-ispirtu missjunarju huwa aspett vibranti tal-Knisja fil-Pakistan, u nfaħħarkom għall-isforzi tagħkom fit-twassil tal-messaġġ tas-salvazzjoni, fi spirtu ta’ djalogu u rispett lejn il-konnazzjonali tagħkom li ma jafux lil Kristu. Mhemmx mod aħjar biex turu mħabbitkom għall-Mulej tal-Ewkaristija. Jekk mhux permezz ta’ dan ix-xogħol ta’ evanġelizzazzjoni, b’mod partikolari fost dawk li huma foqra u l-iktar fil-bżonn.
8. “Dan huwa l-jum li għamel il-Mulej: nifirħu u nithennew fih” (Sal 118,24). Ħuti rġiel u nisa fi Kristu: kull darba li ninġabru għall-Ewkaristija, nkunu mqawwija fil-qdusija u mġedda fil-ferħ, Il-ferħ u l-qdusija infatti huma l-konsegwenza inevitabbli tat-taqrib lejn Alla. Meta nkunu mitmugħa bil-ħobż tal-ħajja li niżel mis-sema, nikbru fix-xebħ mas-Salvatur tagħna rxuxtat, li huwa s-sors tal-ferħ tagħna, “ferħ li għandu jkun għal kulħadd” (Lq 2,10). Jalla l-ferħ u l-qdusija joktru dejjem f’ħajjitkom u jiffjorixxu fi djarkom. U jalla l-Ewkaristija tkun għalikom u għall-Knisja kollha tal-Pakistan iċ-ċentru ta’ ħajjitkom, is-sors tal-ferħ u l-qdusija tagħkom, u t-triq għall-ħajja eterna fi Kristu Ġesù Sidna. Hekk ikun.
Miġjub mt-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb