Qari tal-Magħmudija tal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

Ħadd wara l-EpifanijaIl-Magħmudija tal-Mulej.

Qari I

Tfiġġ il-glorja tal-Mulej, u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa.

Is 40, 1-5.9-11

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Isaija

“Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi – jgħid Alla tagħkom.

Kellmu lil qalb Ġerusalemm

u għidulha li ntemm il-jasar tagħha,

tħallset ħżunitha,

ħadet mingħand il-Mulej darbtejn għal dnubietha kollha”.

Leħen jgħajjat:

“Ħejju t-triq għall-Mulej fid-deżert,

wittu għal Alla tagħna mogħdija fix-xagħri.

Jintradam kull wied,

u jitniżżlu l-muntanji u l-għoljiet;

kull art imħabbta titwitta

kull art imħarbta ssir maqgħad.

U tfiġġ il-glorja tal-Mulej,

u l-bnedmin jarawha lkoll f’daqqa,

għax fomm il-Mulej tkellem”.

Itla’ fuq il-muntanja għolja,

int li ġġib il-bxara t-tajba lil Sijon!

Għolli leħnek bil-qawwa kollha,

int li tagħti l-aħbar it-tajba lil Ġerusalemm;

għajjat, la tibżax.

Għid lill-ibliet ta’ Ġuda:

“Hawn hu Alla tagħkom!

Hawn hu Sidi l-Mulej, li ġej bil-qawwa,

u jaħkem bil-qawwa ta’ driegħu.

Hawn hu bi ħlasu miegħu,

u r-rebħa tiegħu quddiemu.

Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu;

bi driegħu jiġmagħha,

u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom;

u n-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 103 (104), 1b-2.3-4.24-25.27-28.29-30

R/. (1): Bierek ruħ tiegħi, il-Mulej!

Mulej, Alla tiegħi, inti kbir bil-bosta!

Bis-sebħ u l-ġmiel inti mlibbes,

bid-dawl, bħal b’mantell, inti mkebbeb.

Inti frixt is-smewwiet bħal tinda. R/.

Waqqaft fuq l-ilma l-għamajjar għolja tiegħek.

Inti tagħmel is-sħab mirkeb tiegħek,

fuq ġwienaħ ir-riħ tiġġerra.

L-irjieħ tagħmilhom ħabbara tiegħek,

u l-ilsna tan-nar qaddejja tiegħek. R/.

Kemm huma kotrana l-għemejjel tiegħek, Mulej!

Kollha bl-għerf għamilthom;

Mimlija l-art bil-ħlejjaq tiegħek.

Dan il-baħar ta’ kobor u wisa’ bla tarf,

li fih jimraħ ħut bla għadd;

bhejjem żgħar u bhejjem kbar. R/.

Minnek jistennew il-ħlejjaq kollha

li tagħtihom ikilhom f’waqtu.

Inti tagħtihom, u huma jiġbru;

tiftaħ idejk, u jixbgħu bil-ġid. R/.

Jekk taħbi wiċċek, huma jinfixlu;

jekk teħdilhom nifishom, imutu,

u lejn it-trab jerġgħu jmorru.

Malli tibgħat in-nifs tiegħek, jinħolqu,

u inti ġġedded il-wiċċ tal-art. R/.

Qari II

Il-Mulej salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu.

Titu 2, 11-14; 3, 4-7

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl lil Titu

Ibni, dehret il-grazzja ta’ Alla, għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha; hi trawwimna nwarrbu l-ħażen u l-ġibdiet tad-dinja, biex ngħixu bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien, u nistennew it-tama hienja u d-dehra tal-glorja tal-kbir Alla u Salvatur tagħna, Ġesù Kristu. Hu ta lilu nnifsu għalina biex jifdina minn kull ħażen u jnaddafna u jagħmel minna poplu magħżul għalih, poplu mħeġġeġ għall-għemil it-tajjeb.

Iżda meta feġġet it-tjieba ta’ Alla, Salvatur tagħna, u l-imħabba tiegħu għall-bnedmin, hu salvana bil-ħasil ta’ twelid ġdid u t-tiġdid tal-Ispirtu s-Santu, mhux minħabba l-opri tajba li stajna għamilna aħna, iżda minħabba l-ħniena tiegħu. Dan l-Ispirtu hu xerrdu bil-kotra fuqna b’Ġesù Kristu, is-Salvatur tagħna, biex bis-saħħa tal-grazzja tiegħu nitqaddsu u nsiru werrieta tal-ħajja ta’ dejjem skont it-tama li għandna.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Lq 3, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah

Ġej wieħed aqwa minni, jgħid Ġwanni;

hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Ġesù tgħammed u waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu.

Lq 3, 15-16. 21-22

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, il-poplu kien qiegħed jistenna ħerqan, u kulħadd kien jistaqsi lilu nnifsu dwar Ġwanni, jekk kienx hu l-Messija. Għalhekk Ġwanni qabad u qal lil kulħadd: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma, imma ġej wieħed aqwa minni, li ma jistħoqqlix inħollu l-qfieli tal-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar”.

Ġara li, wara li tgħammed il-poplu kollu, Ġesù tgħammed ukoll u, waqt li kien qiegħed jitlob, is-smewwiet infetħu, u niżel l-Ispirtu s-Santu u deher fuqu fis-sura ta’ ħamiema. U mis-sema ġie leħen jgħid: “Inti Ibni l-għażiż; fik sibt l-għaxqa tiegħi”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu